QUDDIESA TAT-TBERIK TAŻ-ŻJUT

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan - Ħamis ix-Xirka, 28 ta’ Marzu 2013

 

Għeżież ħuti,

 

Il-lum qed niċċelebra bil-ferħ l-ewwel Quddiesa tal-Griżma tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma.  Insellmilkom ilkoll bi mħabba, b’mod partikulari lilkom, għeżież saċerdoti, li l-lum, bħali, qed tiftakru fil-jum ta’ l-Ordinazzjoni.

 

Il-Qari, anki s-Salm, ikellmuna fuq il-“Midlukin”: il-Qaddej ta’ Jaħweh ta’ Isaija, is-Sultan David u l-Mulej Ġesù.  It-tlieta għandhom komuni bejniethom li d-dilka li jirċievu hi destinata li tidlek lill-poplu fidil ta’ Alla, li tagħha huma qaddejja; id-dilka tagħhom hi għall-foqra, għall-ħabsin, għall-imjassrin…  Xbieha tassew sabiħa ta’ din id-dilka mqaddsa li “teżisti għal” hi dik tas-Salm 133: “Bħal żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras, li jinżel mal-leħja tiegħu, li jinżel mal-leħja ta’ Aron, sa fuq l-għonq ta’ ħwejġu” (v. 2).  Ix-xbieha taż-żejt li jissawwab, li jinżel mal-leħja ta’ Aron sa fuq l-għonq ta’ l-ilbies sagru tiegħu, hi xbieha tad-dilka saċerdotali li permezz tal-Midluk tilħaq it-truf ta’ l-univers irrappreżentat fi ħwejġu.

 

L-ilbies sagru tas-Saċerdot il-Kbir hu għani fis-simboliżmi tiegħu; fost dawn hemm dak ta’ l-ismijiet ta’ wlied Israel minquxa fuq il-ħaġar prezzjuż ta’ l-oniċi li kienu jżejnu l-ispallejn ta’ l-efod, mnejn fil-fatt ġejja l-pjaneta li nilbsu l-lum: sitta fuq il-ħaġra ta’ l-ispalla leminija u sitta fuq dik ta’ l-ispalla xellugija (ara Eż 28:6-14).  Anki fil-pettorali kien hemm minquxa l-ismijiet tat-tnax-il tribù ta’ Israel (ara Eż 28:21).  Dan ifisser li s-saċerdot, meta jiċċelebra, jerfa’ fuq spallejh il-poplu fdat lilu u jġorr l-ismijiet tiegħu minquxa fuq qalbu.  Meta aħna nilbsu l-pjaneta sempliċi tagħna, jagħmlilna tajjeb jekk inħossu fuq spallejna u f’qalbna l-piż u l-wiċċ tal-poplu fidil tagħna, tal-qaddisin tagħna u tal-martri tagħna, li fi żmienna huma ħafna!

 

Mill-ġmiel ta’ dak li hu liturġiku, li m’hux sempliċi tiżjin u gost bid-drapp, imma preżenza tal-glorja ta’ Alla tagħna li tiddi fil-poplu ħaj u mfarraġ, ngħaddu issa biex inħarsu lejn l-azzjoni.  Iż-żejt fin li bih tindilek ir-ras ta’ Aron ma jintużax biss biex ifewwaħ il-persuna tiegħu, imma jċarċar u jilħaq “it-truf”.  Il-Mulej imbagħad jgħidha ċara: id-dilka tiegħu hi għall-foqra, għall-imjassrin, għall-morda u għal dawk li qalbhom muġugħa jew jinsabu waħidhom.  Id-dilka, għeżież ħuti, m’hix qiegħda hemm biex infewħu lilna nfusna u wisq inqas biex inżommuha magħluqa f’ampolla, għax inkella ż-żejt jibda jitlef it-tjieba tiegħu… u l-qalb issir morra.

 

Is-saċerdot tajjeb jintgħaraf minn kif jiġi midluk il-poplu tiegħu; din hi prova ċara.  Nistgħu nintebħu meta n-nies tagħna hi midluka b’żejt il-hena: ngħidu aħna, meta toħroġ mill-Quddiesa bil-wiċċ ta’ xi ħadd li għadu kemm irċieva aħbar tajba.  In-nies tagħna tilqa’ l-Vanġelu li hu mxandar bid-dilka, tifraħ meta l-Vanġelu li nippriedkaw aħna jilħaq il-ħajja tagħha ta’ kuljum, meta bħaż-żejt ta’ Aron jinżel sat-truf tar-realtà, meta jitfa’ dawl fuq is-sitwazzjonijiet estremi, “it-truf” fejn il-poplu fidil hu l-iżjed espost għall-attakki ta’ dawk li jridu jisirqulu l-fidi tiegħu.  In-nies tirringrazzjana għax tħoss li nkunu tlabna bir-realtajiet tal-ħajja tagħha ta’ kuljum, id-dwejjaq u l-ferħ tagħha, l-uġigħ u t-tamiet tagħha.  U meta tħoss li l-fwieħa tal-Midluk, ta’ Kristu, tkun laħqitha permezz tagħna, titħeġġeġ aktar biex tafda magħna dak kollu li tixtieq li jasal għand il-Mulej: “itlob għalija, Dun, għax għandi din il-problema”, “berikni, Dun”, “itlob għalija”, dawn huma s-sinjali li d-dilka waslet sa fuq l-għonq tal-ħwejjeġ, għax tkun inbidlet f’talba, talba tal-Poplu ta’ Alla.  Meta aħna nkunu f’din ir-relazzjoni ma’ Alla u mal-Poplu tiegħu u l-grazzja tgħaddi minna, allura aħna saċerdoti, medjaturi bejn Alla u l-bnedmin.  Dak li nixtieq nagħfas fuqu hawn hu li jeħtieġ dejjem inġeddu l-grazzja u nintuwixxu f’kull talba li ssirilna, xi kultant mhux f’postha, xi kultant purament materjali jew anki banali – imma tidher hekk biss minn barra –, ix-xewqa tan-nies tagħna li tiġi midluka biż-żejt ifuħ, għax taf li aħna għandna dan iż-żejt.  Nintuwixxu u nħossu, kif il-Mulej ħass l-ansjetà kollha tama ta’ dik il-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm meta din messet it-tarf tal-mantar tiegħu.  Dan il-mument ta’ Ġesù, qalb il-folla li kienet qed tagħfas fuqu minn kull naħa, jinkarna l-ġmiel kollu ta’ Aron liebes ta’ saċerdot u biż-żejt nieżel iċarċar ma’ ħwejġu.  Hu ġmiel moħbi li jixgħel biss għal dawk l-għajnejn mimlija fidi ta’ dik il-mara li kienet qed tbati bit-tnixxija tad-demm.  L-istess dixxipli – saċerdoti futuri – xorta ma jirnexxielhomx jaraw, ma jifhmux: fit-“truf ta’ l-eżistenza” jilmħu biss is-superfiċjalità tal-ġmiegħi li qed jagħfsu u jrossu fuqu minn kull naħa u kważi fgawh (ara Lq 8:42).  Min-naħa l-oħra, il-Mulej iħoss ħierġa minnu l-qawwa tad-dilka divina li tasal sa truf il-mantar tiegħu.

 

Hekk jeħtieġ li noħorġu biex nagħmlu esperjenza tad-dilka tagħna, tal-qawwa tagħha u ta’ l-effikaċja tagħha li ssalva: fit-“truf” fejn hemm it-tbatija, hemm demm imċarċar, hemm għama li tixtieq tara, hemm ilsiera ta’ tant sidien kiefra.  M’huwiex eżattament fl-awtoesperjenzi jew fl-introspezzjonijiet spissi li niltaqgħu mal-Mulej: il-korsijiet li nagħmlu biex ngħinu lilna nfusna fil-ħajja jistgħu jkunu utli, imma jekk ngħixu l-ħajja saċerdotali tagħna għaddejjin minn kors għall-ieħor, minn metodu għal metodu, dan iwassalna biex insiru Pelaġjani, inkunu nimminimizzaw il-qawwa tal-grazzja, li tieħu l-ħajja u tikber skond kemm, bil-fidi, noħorġu biex nagħtu lilna nfusna u nwasslu l-Vanġelu lill-oħrajn, biex nagħtu l-ftit żejt li għandna lil dawk li m’għandhom xejn li hu xejn.

 

Is-saċerdot li ftit joħroġ minnu nnifsu, li ftit jidlek – ma ngħidx “xejn” għax, għall-grazzja ta’ Alla, in-nies tisirqilna d-dilka – ikun jitlef l-aħjar parti tan-nies tagħna, dik il-parti li kapaċi tagħti l-ħajja lill-aktar parti profonda tal-qalb presbiterali tiegħu.  Min ma joħroġx minnu nnifsu, flok ikun medjatur, isir ftit ftit intermedjarju, maniġer.  Ilkoll nafuha d-differenza: l- intermedjarju u l-maniġer “il-ħlas tagħhom diġà ħaduh”, u billi ma jqiegħdux ġildhom u qalbhom fir-riskju, ma jirċevux dak ir-ringrazzjament kollu mħabba li jitnissel mill-qalb.  Minn hawn ġej in-nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ xi wħud, li jispiċċaw imdejqa, saċerdoti mdejqa, u jinbidlu f’tip ta’ kollezzjonisti ta’ antikitajiet jew anki ta’ ħwejjeġ ġodda, minflok ma jkunu rgħajja bir-“riħa tan-nagħaġ” fuqhom – dan nitlobkom jien: kunu rgħajja li ġġorru fuqkom “ir-riħa tan-nagħaġ”, li din tinxtamm –; minflok ma jkunu rgħajja qalb l-istess merħla tagħhom u sajjieda tal-bnedmin.  Hu minnu li l-hekk imsejħa kriżi ta’ l-identità saċerdotali theddidna lkoll u twassal għal kriżi ta’ ċiviltà; imma, jekk nagħrfu kif infarrku l-mewġa tagħha, f’isem il-Mulej inkunu nistgħu naqdfu ’l barra fil-fond u nkalaw ix-xbiek.  Hu tajjeb li l-istess realtà twassalna biex immorru hemm fejn dak li aħna bi grazzja jidher b’mod ċar bħala grazzja pura, f’dan il-baħar tad-dinja tal-lum fejn li tiswa hi biss id-dilka – u mhux il-funzjoni –, u hekk jimtlew tassew ix-xbiek li nkunu kalajna biss f’isem Dak li fih inkunu fdajna: Ġesù.

 

Għeżież fidili, kunu qrib tas-saċerdoti tagħkom bl-imħabba u bit-talb biex ikunu dejjem Rgħajja skond il-qalb ta’ Alla.

 

Għeżież saċerdoti, Alla l-Missier iġedded fina l-Ispirtu tal-Qdusija li bih ġejna midluka, isaħħu f’qalbna b’mod li d-dilka tagħna tilħaq lil kulħadd, anki fit-“truf”, hemm fejn il-poplu fidil tagħna l-iżjed li jistennih u japprezzah.  In-nies tagħna tħoss meta aħna dixxipli tal-Mulej, tħoss meta aħna mlibbsa tassew b’isimha, li m’aħniex infittxu identitajiet oħra; u hekk permezz ta’ kliemna u għemilna tista’ tirċievi dan iż-żejt ta’ l-hena li ġie biex jagħtina Ġesù, il-Midluk.  Ammen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard