Nirringrazzja lill-Eminentissmu Kardinal Arċipriet ta’ din il-Bażilika għall-kliem li qal fil-bidu.  Grazzi lilek ħija u ħabib, ħbiberija li nibtet f’dak il-Pajjiz fit-tarf tad-dinja!  Grazzi ħafna.  Nirringrazzja għall-preżenza tagħhom ukoll lil Kardinal Vigarju, il-Kardinali l-oħra, l-Isqfijiet, is-Saċerdoti.  U nirringrazzja lilkom ħuti, li llum ġejtu biex titolbu lill-Madonna, l-omm, is-Saħħa tal-Poplu Ruman, għax illejla qegħdin hawn, quddiem Marija.  Tlabna taħt il-gwida tagħha ta’ Omm ħalli tmexxina biex inkunu dejjem aktar magħquda ma’ Binha Ġesù; ġibnilha l-ferħ tagħna u t-tbaijiet tagħna, it-tamiet u diffikultajiet tagħna; sejjaħnilha bit-titlu sabiħ ta’ “Saħħa tal-Poplu Ruman”, waqt li tlabniha għalina lkoll, għad-dinja, biex tagħtina s-saħħa.  Iva, għaliex Marija tagħtina s-saħħa, hi s-saħħa tagħna.

Ġesù Kristu bil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu, jwasslilna s-salvazzjoni, jagħtina l-grazzja u l-ferħ li nkunu ulied Alla, li fis-sewwa nistgħu nsejħulu bl-isem ta’ Missier.  Marija hija omm, u omm jimpurtha fuq kollox mis-saħħa ta’ uliedha, tieħu ħsiebhom dejjem b’imħabba kbira u tenera.  Il-Madonna tħares is-saħħa tagħna.  X’iffiser dan, li l-Madonna tħares is-saħħa tagħna?  Naħseb fuq kollox fi tliet aspetti: tgħinna nikbru, li niffaċċjaw il-ħajja, li nkunu ħielsa.

1.          Omm tgħin lil uliedha jikbru u trid li jikbru tajjeb; għal daqshekk tedukhom biex ma jaqgħux fil-għażż – li jiġi wkoll minn ċertu benesseri – li ma jinxteħtux f’ħajja komda li jimpurthom biss li jkollhomu dak li jridu.  L-omm tieħu ħsieb uliedha biex jikbru dejjem aktar, jikbru b’saħħithom, kapaċi jieħdu responsabiltà, li jimpenjaw lilhom infushom fil-ħajja, li jistinkaw għal ideali għolja.  L-Evanġelju ta’ San Luqa jgħid li fil-familja ta’ Nazarett, Ġesù kien jikber u jitqawwa, mimli bil-għerf, u l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu (Lq 2:40).  Il-Madonna tagħmel propju dan fina, tgħinna nikbru umanament u fil-fidi, biex ikunu b’saħħitna ħalli ma naqgħux fit-tentazzjoni li nkunu bnedmin u nsara b’mod superfiċjali, imma biex ngħixu b’responsabiltà, biex nistinkaw dejjem għal ħwejjeġ ogħla.

2.          Imbagħad, omm taħseb għas-saħħa tal-ulied billi tedukhom, anke biex jaffrontaw id-diffikultajiet tal-ħajja.  Ma tedukhomx, ma tikkurhomx billi tevita l-problemi, bħal li kieku l-ħajja kienet xi awtostrada mingħajr ostakli.  L-omm tgħin lill-ulied biex iħarsu lejn il-problemi tal-ħajja b’realiżmu u biex ma jintilfux fihom, imma biex jiffaċċjawhom b’kuragg, biex ma jkunux dgħajfa, u biex ikunu jafu jgħelbuhom b’bilanċċ b’saħħtu li omm tiżen bejn l-oqsma ta’ sigurtà u ż-żoni ta’ riskju.  U dan, l-omm taf tagħmlu!  Ma tieħux dejjem lil binha fit-triq tas-sigurtà, għaliex b’dan il-mod l-iben ma jistgħax jikber, imma wkoll ma tħalliehx biss fit-triq tar-riskju, għaliex hi perikoluża.  Omm taf tiżhen l-affarijiet.  Ma hemmx ħajja bla sfidi, u tifel jew tifla li ma jafux jiffaċċjawhom billi jinvolvu ruħhom, huma tifel jew tifla bla sinsla!  Niftakru fil-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb:  Ġesù ma jipproponix l-imġieba tal-Qassis u tal-Levita, li jevitaw li jgħinnu lil dak kien waqa qalb il-ħallelin, imma tas-Sammaritan li ra l-qagħda ta’ dak ir-raġel u kkonfrontha b’mod konkret, anke b’riskji.  Marija f’ħajjitha għexet bosta mumenti li ma kienux faċli, mit-twelid ta’ Ġesù, meta għalihom ma kienx hemm post fil-lukanda (Lq 2:7), sa fuq il-Kalvarju (ara Ġw 19:25). U bħala omm tajba hija qribna biex ma nitilfu qatt il-kuraġġ quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja, quddiem id-dgħufija tagħna, quddiem id-dnubiet tagħna: tagħtina l-qawwa, turina il-mixja ta’ Binha.  Ġesù, minn fuq is-salib jgħid lil Marija, waqt li juriha lil Ġwanni: “Mara, hekk hu ibnek!”, u lil Ġwanni jgħidlu, “Hekk hi ommok!” (ara Ġw 19:26-27). Aħna lkoll rappreżentati f’dak id-dixxiplu;  Il-Mulej fdana fl-idejn mimlija mħabba u ħniena tal-Omm, biex inħossu l-appoġġ tagħha biex naffrontaw u nirbħu d-diffikultajiet tal-mixja umana u nisranija tagħna; tibżgħux mid-diffikultajiet, iffaċċjawhom bl-għajnuna tal-Omm.

3.          Aspett tal-aħħar: omma tajba mhux biss takkumpanja lil uliedha waqt li qed jikbru, biex jevitaw il-problemi u l-isfidi tal-ħajja; omm tajba tgħinhom ukoll biex jieħdu d-deċiżjonijiet defenittivi bil-libertà.  Dan mhux faċli, imma omm taf tagħmlu.  Imma xi tfisser libertà?  Żgur mhix li tagħmel dak kollu li trid, li tħalli lilek innifsek tkun mirkub mill-passjonijiet, li tgħaddi minn esperjenza għall-oħra bla dixxerniment, timxi mal-moda taż-żmien; libertà ma tfissirx, biex ngħidu hekk, li tarmi mit-tieqa dak kollu li ma jgħoġbokx.  Le, dik mhix libertà!  Il-libertà kienet mogħtija lilna biex fil-ħajja nkunu nafu nagħmlu għażliet tajba!  Marija, bħala omm tajba, tedukana biex inkunu, bħalha, kapaċi nagħmlu għażliet defenittivi; għażliet defenittivi f’dan il-mument li fih tirrenja, biex ngħidu hekk, il-filosofija tal-proviżorju.  Huwa tant diffiċli li fil-ħajja ninpenjaw lilna nfusna definittivament.  Hu hi tgħinna biex nagħmlu għażliet definittivi b’dik il-libertà sħiħa li biha hija wieġbet “iva” għall-pjan ta’ Alla dwar ħajjitha (ara Lq 1:38).

 

Għeżież ħuti, kemm huwa diffiċli llum tieħu deċiżjonijiet definittivi!  Dak li huwa proviżorju jisseduċina. Aħna vittma ta’ tendenza li timbuttana lejn it-temporanjetà … bħal li kieku xtaqna nibqgħu adolexxenti.  Huwa xi ftit il-ġibda li nibqgħu adolexxenti, u dan għal ħajjitna kollha! M’għandnix nibżgħu minn impenji definittivi, minn impenji li jinvolvuna u li huma għal ħajjitna kollha!  B’dan il-mod ħajjithna tkun utli!  U din hija libertà: li jkollok il-kuraġġ li tieħu dawn id-deċiżjonijiet  b'determinazzjoni.

L-eżistenza kollha ta’ Marija hija innu għall-ħajja, innu ta’ mħabba għall-ħajja: hija ġġenerat lil Ġesù fil-laħam u akkumpanjat it-twelid tal-Knisja fuq il-Kalvarju u fiċ-Ċenaklu.  Is-Saħħa tal-Poplu Ruman hija il-mamma li tagħtina is-saħħa waqt li qed nikbru, tagħtina s-saħħa biex niffaċċjaw u nirbħu il-problemi, tagħtina s-saħħa billi tagħmilna ħielsa biex nieħdu deċiżjonijiet definittivi; l-omma li tgħallimna ħa nkunu dejjem mimlija bil-ġid, mimlija bil-ferħ, mimlija bit-tama, biex ma nitilfu qatt it-tama, biex nagħtu ħajja lill-oħrajn, ħajja fiżika u spiritwali.

Dan hu li nitolbok illejla, O Marija, Saħħa tal-Poplu Ruman, għall-poplu ta’ Ruman, għalina lkoll: agħtina s-saħħa li inti biss tista’ tagħtina, biex inkunu dejjem sinjali u strumenti ta’ ħajja. Ammen.

 

Huwa u ħiereġ mill-Bażilika, il-Papa kellem minn fuq iz-zuntier lil dawk li kienu miġbura fil-pjazza.

 

Ħuti, il-lejla t-tajba!

Grazzi ħafna għalpreżenza tagħkom fid-dar tal-mamma ta’ Ruma, ta’ Omm tagħna. Viva is-Saħħa tal-Poplu Ruman. Flimkien, Viva is-Saħħa tal-Poplu Ruman.  Viva il-Madonna.  Hija Ommna.  Ħa nafdaw lilna nfusna lilha, biex hija tħarisna bħala omma tajba.  Jiena nitlob għalikom, imma nitlobkom biex titolbu għalija, għaliex għandi bżonn.   Arrivederċi.

Issa nagħtikom il-benedizzjoni – lilkom u għall-familja kollha tagħkom.  Iberikkom Alla li jista’ kollox, Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Ammen...  Il-Ħadd it-tajjeb!