Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nilqagħkom bil-ferħ għal din l-ewwel Udjenza Ġenerali tiegħi.  Bi gratitudni u qima kbira niġbor ix-“xhieda” minn idejn il-predeċessur maħbub tiegħi Benedittu XVI.  Wara l-Għid nissoktaw bil-katekeżi tas-Sena tal-Fidi.  Il-lum nixtieq nieqaf nitkellem ftit fuq il-Ġimgħa Mqaddsa.  B’Ħadd il-Palm ftaħna din il-Ġimgħa – il-qalba tas-Sena Liturġika kollha – li fiha nakkumpanjaw lil Ġesù fil-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu.

 

Imma x’jista’ jfisser għalina li ngħixu l-Ġimgħa Mqaddsa?  Xi jfisser timxi fuq il-passi tiegħu fuq il-Kalvarju lejn is-Salib u l-Qawmien?  Fil-missjoni tiegħu fuq din l-art, Ġesù mexa fit-toroq ta’ l-Art Imqaddsa; sejjaħ tnax-il persuna sempliċi biex jibqgħu miegħU, jaqsmu fil-mixja tiegħu u jissoktaw il-missjoni tiegħu; għażilhom minn qalb poplu mimli bil-fidi fil-wegħdiet ta’ Alla.  Kellem lil kulħadd, mingħajr distinzjoni, lill-kbar u lill-umli, liż-żagħżugħ għani u lill-armla fqira, lis-setgħana u lid-dgħajfa; ġab il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla; fejjaq, farraġ, fehem; mela bit-tama; wassal lil kulħadd il-preżenza ta’ Alla li jinteressa ruħu f’kull raġel u mara, kif jagħmlu missier u omm tajbin ma’ kull wieħed u waħda minn uliedhom.  Alla ma qagħadx jistenna li mmorru aħna għandU, imma Hu nnifsu mexa lejna, mingħajr ma qagħad jikkalkula jew iqis.  Hekk magħmul Alla: dejjem Hu li jmidd l-ewwel pass, Hu li jimxi lejna.  Ġesù għex ir-realtajiet ta’ kuljum tan-nies l-iżjed komuni: ħassu mqanqal quddiem il-ġemgħa li kienet donnha merħla bla ragħaj; beka quddiem it-tbatija ta’ Marta u Marija għall-mewt ta’ ħuhom Lazzru; sejjaħ bħala dixxiplu tiegħu lil wieħed pubblikan; ġarrab ukoll it-tradiment ta’ ħabib.  Fih, Alla wriena biċ-ċert li hu jinsab magħna, fostna.  “Il-volpijiet”, dan qalulna Hu, Ġesù, “il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu” (Mt 8:20).  Ġesù m’għandux dar għax id-dar tiegħu hija n-nies, aħna, il-missjoni tiegħu hi li jiftaħ lil kulħadd il-bibien ta’ Alla, li jkun il-preżenza ta’ l-imħabba ta’ Alla.

 

Fil-Ġimgħa Mqaddsa aħna ngħixu l-qofol ta’ din il-mixja, ta’ dan il-pjan ta’ mħabba li jkopri l-istorja kollha tar-relazzjonijiet bejn Alla u l-bnedmin.  Ġesù jidħol Ġerusalemm biex imidd l-aħħar pass tiegħu, li fih jerġa’ jiġbor l-eżistenza kollha tiegħu: jingħata kollu kemm hu, ma jżomm xejn għalih, lanqas ħajtu.  Fl-Aħħar Ċena, ma’ ħbiebu, jaqsam il-ħobż u jagħti l-kalċi “għalina”.  L-Iben ta’ Alla joffri ruħu lilna, jagħtina f’idejna l-istess Ġismu u Demmu biex jista’ jkun dejjem magħna, biex jgħix fostna.  U fil-Ġnien taż-Żebbuġ, bħal fil-proċess quddiem Pilatu, ma jagħmilx reżistenza, imma jingħata; hu l-Qaddej sofferenti, imħabbar sa minn qabel minn Isaija, li jitneżża’ sal-mewt (ara Is 53:12).

 

Ġesù, din l-imħabba li twassal għas-sagrifiċċju, ma jgħixhiex b’mod passiv jew bħala destin fatali; ċertament, ma jaħbix it-tħassib uman profond tiegħu quddiem il-mewt vjolenti, imma jafda ruħu b’fiduċja sħiħa f’idejn il-Missier.  Ġesù ngħata għall-mewt minn rajh biex ikun ħaġa waħda ma’ l-imħabba ta’ Alla l-Missier, f’għaqda perfetta mar-rieda tiegħu, biex juri mħabbtu għalina.  Fuq is-salib, Ġesù “ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20).  Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: Ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.  Kull wieħed jista’ jgħid dan “għalija”.

 

Xi jfisser dan kollu għalina?  Ifisser li din hi wkoll it-triq tiegħi, tiegħek, tagħna.  Li ngħixu l-Ġimgħa Mqaddsa billi nimxu wara Ġesù mhux biss b’qalbna mqanqla; li ngħixu l-Ġimgħa Mqaddsa f’mixja wara Ġesù jfisser nitgħallmu noħorġu minna nfusna – kif għidt il-Ħadd li għadda – biex immorru niltaqgħu ma’ l-oħrajn, biex nimxu lejn it-truf ta’ l-eżistenza, nimxu aħna l-ewwel lejn ħutna, fuq kollox dawk l-iżjed imbiegħda, dawk li huma minsija, dawk li għandhom bżonn min jifhimhom, ifarraġhom, jgħinhom.  Hu wisq bżonnjuż li nwasslu l-preżenza ħajja ta’ Ġesù ħanin u għani fil-ħniena!

 

Li ngħixu l-Ġimgħa Mqaddsa jfisser nidħlu dejjem iżjed fil-loġika ta’ Alla, fil-loġika tas-Salib, li m’hix qabel kollox dik tad-dulur u tal-mewt, imma dik ta’ l-imħabba u ta’ l-għotja tagħna nfusna li permezz tagħha tiġi l-ħajja.  Tfisser li nidħlu fil-loġika tal-Vanġelu.  Li nimxu, nakkumpanjaw lil Kristu, nibqgħu miegħU, jitlob minna li “noħorġu”, noħorġu.  Noħorġu minna nfusna, minn mod għajjien u tas-soltu kif ngħixu l-fidi, mit-tentazzjoni li ningħalqu fl-iskemi tagħna li jispiċċaw biex jagħlqu x-xefaq ta’ l-azzjoni kreattiva ta’ Alla.  Alla ħareġ minnu nnifsu biex jiġi fostna, qiegħed l-għarix tiegħu fostna biex iġibilna l-ħniena tiegħu li ssalva u tagħti t-tama.  Anki aħna, jekk irridu nimxu warajh u nibqgħu miegħU, ma rridux nikkuntentaw ruħna b’li nibqgħu fil-maqjel tad-disgħa u disgħin nagħġa, irridu “noħorġu”, infittxu flimkien miegħU lin-nagħġa l-mitlufa, dik l-iżjed imbiegħda.  Ftakruh sewwa dan: noħorġu minna nfusna, bħal Ġesù, bħalma Alla ħareġ minnu nnifsu f’Ġesù u Ġesù ħareġ minnu nnifsu għalina lkoll.

 

Xi ħadd jista’ jgħidli: “Imma, Dun, m’għandix ħin”, “għandi wisq x’nagħmel”, “dan diffiċli”, “x’nista’ nagħmel jien bil-ftit sforzi tiegħi, anki bid-dnub tiegħi, b’tant affarijiet?”.  Spiss nikkuntentaw ruħna b’xi talba, b’Quddiesa tal-Ħadd kollha distrazzjonijiet u mhux b’mod assidwu, b’xi ġest ta’ karità, imma m’għandniex dan il-kuraġġ li “noħorġu” biex inwasslu lil Kristu.  Nagħmlu xi ftit jew wisq bħal San Pietru.  Bilkemm Ġesù jkun għadu tkellem dwar passjoni, mewt u qawmien, dwar għotja tiegħu nnifsu, dwar imħabba lejn l-oħrajn, li l-Appostlu ma jiġbdux fuq ġenb u jċanfru.  It-tweġiba ta’ Ġesù tħawwadlu l-pjanijiet tiegħu, tidher inaċċettabbli, tpoġġi f’diffikultà ċ-ċertezza li kien bena għalih innifsu, l-idea tiegħu ta’ Messija.  U Ġesù jdur fuq id-dixxipli u jgħid lil Pietru forsi waħda mill-aktar kelmiet iebsin fil-Vanġeli: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin” (Mk 8:33).  Alla jaħseb dejjem bil-ħniena: tinsewhx dan.  Alla jaħseb dejjem bil-ħniena: hu l-Missier ħanin!  Alla jaħsibha bħall-missier li jistenna lil ibnu jiġi lura u joħroġ jiltaqa’ miegħu, jilmħu ġej meta dan għadu ’l bogħod…  Xi jfisser dan?  Li kuljum kien imur jara jekk ibnu ġiex lura: dan hu l-Missier ħanin tagħna.  Hu sinjal li kien fuq ix-xwiek fis-setaħ tad-dar tiegħu qed jistennih ġej.  Alla jaħsibha bħas-Samaritan li, meta jgħaddi minn ħdejn dak ir-raġel imsejken, ma jitħassrux u mbagħad idawwar wiċċu n-naħa l-oħra, imma jagħtih l-għajnuna mingħajr ma jitolbu xejn lura; mingħajr ma staqsieh jekk kienx Lhudi, jekk kienx pagan, jekk kienx Samaritan, jekk kienx għani, jekk kienx fqir: ma jistaqsih xejn.  Ma jistaqsihx dawn il-ħwejjeġ, ma jitolbu xejn.  Jinżel jgħinu: hekk hu Alla.  Alla jaħsibha dejjem bħar-ragħaj li jagħti ħajtu biex iħares u jsalva n-nagħaġ.

 

Il-Ġimgħa Mqaddsa hi żmien ta’ grazzja li l-Mulej jagħtina biex niftħu l-bibien ta’ qalbna, ta’ ħajjitna, tal-parroċċi tagħna – x’ħasra tara tant parroċċi magħluqin! – tal-movimenti, ta’ l-assoċjazzjonijiet, u “noħorġu” niltaqgħu ma’ oħrajn, nersqu aħna qrib tagħhom biex inwasslulhom id-dawl u l-ferħ tal-fidi tagħna.  Noħorġu dejjem!  U dan nagħmluh bl-imħabba u l-ħlewwa ta’ Alla, bir-rispett u s-sabar, għax nafu li għalkemm aħna qed nagħtu jdejna, riġlejna, qalbna, hu Alla li mbagħad imexxihom u joħroġ il-frott minn kull għemil tagħna.

 

L-awgurju tiegħi hu li lkoll kemm aħna ngħixu tajjeb dawn il-ġranet, billi nimxu wara l-Mulej bil-kuraġġ, u hekk inġorru fina stess raġġ ta’ mħabbtu għal dawk kollha li magħhom niltaqgħu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard