Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Żmien l-Għid li qed ngħixu bil-ferħ, imdawla mil-Liturġija tal-Knisja, hu ż-żmien per eċċellenza ta’ l-Ispirtu s-Santu mogħti lilna “bla kejl” (ara Ġw 3:34) minn Ġesù mislub u rxoxt.  Dan iż-żmien ta’ grazzja jagħlaq bil-festa ta’ Għid il-Ħamsin, li fih il-Knisja terġa’ tgħix mill-ġdid l-inżul ta’ l-Ispirtu fuq Marija u l-Appostli miġbura jitolbu fiċ-Ċenaklu.

 

Imma min hu l-Ispirtu s-Santu?  Fil-Kredu aħna bil-fidi kollha nistqarru: “Nemmen fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja”.  L-ewwel verità li nistqarru fil-Kredu hi li l-Ispirtu s-Santu hu Kýrios, Mulej.  Dan ifisser li Hu tabilħaqq Alla kif huma l-Missier u l-Iben, mela oġġett, min-naħa tagħna, ta’ l-istess att ta’ adorazzjoni u glorifikazzjoni li nagħtu lill-Missier u lill-Iben.  L-Ispirtu s-Santu, fil-fatt, hu t-tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa; hu d-don kbir ta’ Kristu Rxoxt li jiftħilna moħħna u qalbna għall-fidi f’Ġesù bħala l-Iben mibgħut mill-Missier u li jurina t-triq lejn il-ħbiberija, lejn il-komunjoni ma’ Alla.

 

Imma nixtieq nieqaf fuq kollox fuq il-fatt li l-Ispirtu s-Santu hu l-għajn qatt ma taqta’ tal-ħajja ta’ Alla fina.  Il-bniedem ta’ kull żmien u ta’ kull post jixtieq ħajja mimlija u sabiħa, ġusta u tajba, ħajja li ma tkunx mhedda mill-mewt, imma li tista’ timmatura u tikber sal-milja tagħha.  Il-bniedem hu bħal vjaġġatur li, huwa u jaqsam id-deżerti tal-ħajja, jagħtih l-għatx għal ilma ħaj, li jnixxi u frisk, li kapaċi jissodisfa bil-kbir ix-xewqa profonda tiegħu għad-dawl, għall-imħabba, għall-ġmiel u għas-sliem.  Ilkoll inħossu fina din ix-xewqa!  U Ġesù jagħtina dan l-ilma ħaj: dan hu l-Ispirtu s-Santu, li ġej mill-Missier u li Ġesù jsawwab fuq qlubna: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10).

 

Ġesù jwiegħed lis-Samaritana li lest jagħti “ilma ħaj”, kotran u għal dejjem, lil dawk kollha li jagħrfuh bħala l-Iben mibgħut mill-Missier biex jifdina (ara Ġw 4:5-26; 3:17).  Ġesù ġie biex jagħtina dan l-“ilma ħaj” li hu l-Ispirtu s-Santu, biex il-ħajja tagħna tkun imdawla minn Alla, immexxija minn Alla, mitmugħa minn Alla.  Meta aħna ngħidu li n-Nisrani hu bniedem spiritwali, nifhmu propju dan: in-Nisrani hu persuna li taħseb u taġixxi skond Alla, skond l-Ispirtu s-Santu.  Imma jien nistaqsi: U aħna qed naħsbu skond ma jixtieq Alla?  Naġixxu skond ma jrid Alla?  Jew inħallu jmexxuna tant ħwejjeġ oħra li propjament m’humiex Alla?  Kull wieħed u waħda minna jrid iwieġeb għal dan fil-qiegħ ta’ qalbu.

 

Hawnhekk nistgħu nistaqsu: Għaliex dan l-ilma jista’ jaqtgħalna l-għatx kollu?  Aħna nafu li l-ilma hu essenzjali għall-ħajja; mingħajr l-ilma mmutu; l-ilma jaqta’ l-għatx, jaħsel, ikattar il-frott ta’ l-art.  Fl-Ittra lir-Rumani nsibu din l-espressjoni: “L-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (5:5).  L-“ilma ħaj”, l-Ispirtu s-Santu, Don ta’ l-Irxoxt li jgħammar fina, isaffina, idawwalna, iġeddidna, jibdilna għax jagħtina sehem fil-ħajja ta’ Alla nnifsu li hu Mħabba.  Hu għalhekk li l-Appostlu Pawlu jistqarr li l-ħajja tan-Nisrani tiġi mill-Ispirtu u mill-frott tiegħu, li huma “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22-23).  L-Ispirtu s-Santu jdaħħalna fil-ħajja divina bħala “ulied fl-Iben Waħdieni”.  F’silta oħra mill-Ittra lir-Rumani, li kemm-il darba qrajna, San Pawl jiġbor kollox f’dawn il-kelmiet: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.  Għax intom… irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abbà!  Missier!’.  Dan l-Ispirtu jixhed flimkien ma’ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.  Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati” (8:14-17).  Dan hu d-don prezzjuż li l-Ispirtu s-Santu jġib fi qlubna: l-istess ħajja ta’ Alla, ħajja ta’ veri wlied, relazzjoni ta’ kunfidenza, ta’ ħelsien u ta’ fiduċja fl-imħabba u fil-ħniena ta’ Alla, li għandha anki bħala effett mod ġdid ta’ kif inħarsu lejn l-oħrajn, kemm dawk qrib tagħna u kemm dawk imbiegħda, għax narawhom dejjem bħala aħwa f’Ġesù li għandna nirrispettaw u nħobbu.  L-Ispirtu s-Santu jgħallimna nħarsu bl-għajnejn ta’ Kristu, ngħixu l-ħajja kif għexha Kristu, nifhmu l-ħajja kif fehmha Kristu.  Hekkhu għaliex l-ilma ħaj li hu l-Ispirtu s-Santu jaqta’ l-għatx ta’ ħajjitna, għax jgħidilna li aħna maħbubin minn Alla bħala wlied, li nistgħu nħobbu lil Alla bħala wliedu u li bil-grazzja tiegħu nistgħu ngħixu ta’ wlied Alla, bħal Ġesù.  U aħna qegħdin nisimgħuh lill-Ispirtu s-Santu?  X’qed jgħidilna l-Ispirtu s-Santu?  Jgħidilna: Alla jħobbok.  Dan jgħidilna.  Alla jħobbok, Alla jixtieqlek il-ġid.  Aħna qed inħobbu tassew lil Alla u lill-oħrajn, bħal Ġesù?  Inħallu lill-Ispirtu s-Santu jdawwalna, inħalluH ikellimna fil-qalb tagħna u jgħidilna dan: li Alla hu mħabba, li Alla jistenniena, li Alla hu l-Missier, iħobbna ta’ veru Missier li hu, iħobbna tassew; u dan jista’ jgħidu biss l-Ispirtu s-Santu lill-qalb.  Inħossu l-Ispirtu s-Santu, nisimgħu lill-Ispirtu s-Santu u nimxu f’din it-triq ta’ l-imħabba, tal-ħniena u tal-maħfra.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard