Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum, l-1 ta’ Mejju, niċċelebraw lil San Ġużepp Ħaddiem u nibdew ix-xahar tradizzjonalment iddedikat lill-Madonna.  F’din il-laqgħa tagħna, għalhekk, nixtieq nieqaf fuq dawn iż-żewġ figuri hekk importanti fil-ħajja ta’ Ġesù, tal-Knisja u fil-ħajja tagħna, b’żewġ ħsibijiet qosra: l-ewwel fuq ix-xogħol, it-tieni fuq il-kontemplazzjoni ta’ Ġesù.

 

1. Fil-Vanġelu ta’ San Mattew, f’wieħed mill-mumenti fejn Ġesù jirritorna f’pajjiżu, f’Nazareth, u jitkellem fis-sinagoga, insibu enfasi fuq l-istagħġib tal-kompajżani tiegħu għall-għerf tiegħu, u l-mistoqsija li jagħmlu: “Dan m’hux bin il-mastrudaxxa?” (13:55).  Ġesù jidħol fl-istorja tagħna, jiġi fostna, jitwieled minn Marija bil-ħidma ta’ Alla, imma bil-preżenza ta’ San Ġużepp, il-missier legali li jħarsu u jgħallmu wkoll ix-xogħol tiegħu.  Ġesù jitwieled u jgħix f’familja, fil-Familja Mqaddsa, u jitgħallem minn għand San Ġużepp is-sengħa ta’ mastrudaxxa, fil-ħanut ta’ Nazareth, fejn jaqsam miegħu fil-bżulija, fl-għeja, fis-sodisfazzjon u anki fl-iebes ta’ kull ġurnata.

 

Dan ifakkarna fid-dinjità u fl-importanza tax-xogħol.  Il-ktieb tal-Ġenesi jirrakkonta kif Alla ħalaq lir-raġel u l-mara u fdalhom f’idejhom il-missjoni li jimlew l-art u jaħkmuha, li ma jfissirx jisfruttawha, imma jikkultivawha u jħarsuha, jieħdu ħsiebha bil-ħidma tagħhom (ara Ġen 1:28; 2:15).  Ix-xogħol jagħmel parti mill-pjan ta’ mħabba ta’ Alla; aħna msejħin biex nikkultivaw u nħarsu l-ġid kollu tal-ħolqien u b’dan il-mod nieħdu sehem fl-opra tal-ħolqien!  Ix-xogħol hu element fundamentali għad-dinjità ta’ kull persuna.  Ix-xogħol, biex nużaw din ix-xbieha, “jidlikna” bid-dinjità, jimliena bid-dinjità; jagħmilna nixbhu lil Alla, li ħadem u għadu jaħdem, jaġixxi dejjem (ara Ġw 5:17); jagħtina l-kapaċità li mmantnu lilna nfusna, il-familja tagħna, li nikkontribwixxu biex jikber in-Nazzjon tagħna.  U hawn naħseb fid-diffikultajiet li, f’għadd ta’ pajjiżi, qed tħabbat wiċċha magħhom  id-dinja tax-xogħol u ta’ l-intrapriża; jiġuni f’moħħi dawk kollha, u mhux biss żgħażagħ, li huma qiegħda, spiss minħabba kunċett ekonomistiku tas-soċjetà, li jfittex il-profitt egoista, lil hemm mill-parametri tal-ġustizzja soċjali.

 

Nixtieq nagħmel lil kulħadd l-istedina tiegħi għas-solidarjetà, u lir-Responsabbli mill-affarijiet pubbliċi ninkuraġġihom biex jagħmlu kull sforz ħa jagħmlu qabża ġdida lejn iktar impjegar; dan ifisser li nirsistu għad-dinjità ta’ kull persuna.  Imma fuq kollox nixtieq ngħidilkom biex ma nitilfux it-tama; anki San Ġużepp kellu waqtiet iebsin, imma qatt ma tilef il-fiduċja u għaraf jirbaħhom, fiċ-ċertezza li Alla ma jitlaqna qatt għal riħna.  Imbagħad nixtieq indur b’mod partikulari fuqkom it-tfal u ż-żgħażagħ: impenjaw ruħkom fid-dmir tagħkom ta’ kuljum, fl-istudju, fix-xogħol, fir-rabtiet ta’ ħbiberija, fl-għajnuna lill-oħrajn; il-ġejjieni tagħkom jiddipendi wkoll minn kif jirnexxielkom tgħixu dawn is-snin prezzjużi ta’ ħajjitkom.  La tibżgħux mill-impenn, mis-sagrifiċċju u tħarsux lejn il-futur b’biża’; żommu ħajja fikom it-tama: dejjem hemm dawl fuq ix-xefaq.

 

Inżid kelma fuq sitwazzjoni partikulari oħra ta’ xogħol li tħassibni: qed ngħid għal dak li nistgħu nsejħulu “xogħol imjassar”, ix-xogħol li jjassar.  Kemm nies, fid-dinja kollha, huma vittmi ta’ dan it-tip ta’ jasar, fejn hi l-persuna li taqdi lix-xogħol, meta għandu jkun ix-xogħol li joffri servizz lill-persuni biex jagħtihom dinjità.  Nitlob lill-aħwa fil-fidi u lill-irġiel u nisa kollha ta’ rieda tajba li jagħmlu għażla deċiża kontra t-traffikar tal-persuni, li fil-qalba tiegħu hemm dan ix-“xogħol imjassar”.

 

2. Niġi għat-tieni ħsieb: fis-skiet tal-ħajja ta’ kuljum, San Ġużepp u Marija għandhom ċentru ta’ attenzjoni wieħed komuni: Ġesù.  Huma jakkumpanjaw u jħarsu, b’impenn u bi mħabba, lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għalina huwa u jikber, u jirriflettu fuq dak kollu li kien qed iseħħ.  Fil-Vanġeli, San Luqa għal darbtejn jagħfas fuq l-imġiba ta’ Marija, li hi wkoll dik ta’ San Ġużepp: “Baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (2:19,51).  Biex nistgħu nisimgħu lill-Mulej, l-ewwel jeħtieġ nitgħallmu nikkontemplawh, inħossu l-preżenza kostanti tiegħu f’ħajjitna; jeħtieġ nieqfu u niddjalogaw miegħU, nagħtu spazju lit-talb.  Kull wieħed u waħda minna, anki intom it-tfal u ż-żgħażagħ, hekk numerużi hawn dal-għodu, tridu tistaqsu lilkom infuskom: Xi spazju qed nagħtih lill-Mulej?  Nieqaf biex niddjaloga miegħU?  Sa minn meta konna żgħar, il-ġenituri tagħna darrewna niftħu u nagħlqu l-ġurnata b’talba, biex jedukawna ħalli nħossu li l-ħbiberija u l-imħabba ta’ Alla qegħdin magħna.  Ejjew niftakru iżjed fil-Mulej fil-ġranet tagħna!

 

U f’dan ix-xahar ta’ Mejju, nixtieq mill-ġdid infakkar fl-importanza u l-ġmiel tat-talba tar-Rużarju mqaddes.  Aħna u nitolbu s-Sliema, naslu biex nikkontemplaw il-misteri ta’ Ġesù, u allura biex nirriflettu fuq il-mumenti ewlenin ta’ ħajtu, biex, kif kien għal Marija u għal San Ġużepp, Hu jkun iċ-ċentru tal-ħsibijiet tagħna, ta’ l-attenzjoni tagħna u ta’ l-għemejjel tagħna.  Tkun ħaġa sabiħa jekk, speċjalment f’dan ix-xahar ta’ Mejju, nitolbu flimkien fil-familja, ma’ ħbiebna, fil-parroċċa, ir-Rużarju mqaddes jew xi talba lil Ġesù u lill-Verġni Marija!  It-talb li jsir flimkien hu mument prezzjuż biex insaħħu iżjed il-ħajja tal-familja, il-ħbiberija!  Ejjew nitgħallmu kif nitolbu iżjed fil-familja u bħala familja!

 

Għeżież ħuti, nitolbu lil San Ġużepp u lill-Verġni Marija biex jgħallmuna kif inkunu fidili għall-ħidmiet tagħna ta’ kuljum, kif ngħixu l-fidi tagħna fl-għemejjel ta’ kuljum u nagħtu iktar wisa’ lill-Mulej fil-ħajja tagħna, kif nieqfu biex nikkontemplaw il-wiċċ tiegħu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard