Eminenza,

Għażiż ħija fl-Episkopat,

Għeżież ħuti sorijiet!

 

Kuntent li llum qed niltaqa’ magħkom  u nixtieq insellem lil kull waħda minnkom u nirringrazzjakom għal dak kollu li qed tagħmlu biex il-ħajja konsagrata tkun dejjem aktar  ta’ dawl fil-mixja tal-Knisja.  Għeżież ħuti,  nixtieq l-ewwelnett  nirringrazzja lill-għażiż Ħija, il-Kardinal João Braz de Aviz,  għall-kliem li qalli. Qed nieħu gost nara  li hawn ukoll is-Segretarjat tal-Kongrezzjoni.

 “Is-servizz tal-awtorità skont l-Evanġelju”, is-suġġett li għażiltu għal-laqgħa tagħkom , hu importanti ferm  għall-ħidma fdata f’idejkom.  U fid-dawl ta’ dan il-kliem nixtieq nipproponilkom tliet ħsibijiet sempliċi,   biex  intom  tkunu tistgħu tidħlu aktar fil-fond dwarhom kemm personalment, kif ukoll  bħala komunità.

1.Fl-Aħħar Ikla li għamel mal-Appostli, Ġesù qalilhom: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15,16),  u dan ifakkar lil kulħadd, u mhux biss lilna s-saċerdoti, li l-vokazzjoni hi dejjem inizjattiva t’Alla. Huwa Kristu li sejħilkom biex timxu  warajh fil-ħajja konsagrata,  u dan ifisser li tridu twettqu  “eżodu” kontinwu minnkom infuskom biex tiċċentraw il-ħajja tagħkom fuq Kristu u l-Evanġelju tiegħu, fuq ir-rieda t’Alla,  u  tneżżgħu lilkom infuskom mill-pjanijiet tagħkom  ħalli flimkien ma’ San Pawl tgħidu: “Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu” ( Gal 2, 20). Dan “l-eżodu” minna  nfusna jfisser mixja ta’ adorazzjoni u qadi; eżodu li jwassalna biex naduraw lill-Mulej u biex naqduh f’ħutna l-bnedmin. Naduraw u naqdu: żewġ attaġġamenti li ma nistgħux nifirduhom minn xuxlin, imma li jeħtieġ jimxu dejjem flimkien. Naduraw lill-Mulej u naqdu lill-oħrajn billi ma nżommu xejn għalina nfusna: għal min jeżerċita l-awtorità,  dan hu li jfisser “titneżża’ minnek innifsek”.  Għixu u ftakru dejjem fiċ-ċentralità ta’ Kristu u fl-identità evanġelika tal-ħajja konsagrata.  Għinu lill-komunitajiet tagħkom  jgħixu “l-eżodu” minnhom infushom f’mixja ta’ adorazzjoni u qadi, l-ewwelnett permezz tat-tliet  kunsilli evanġeliċi.

 Ħarsu lejn l-ubbidjenza  bħala smigħ tar-rieda t’Alla, imqanqla fina mill-Ispirtu s-Santu u awtentikata mill-Knisja, filwaqt li taċċettaw li din tasal anki permezz tal-medjazzjonijiet umani. Ftakru li r-rabta awtorità-ubbidjenza għandha postha fil-kuntest aktar wiesa’ tal-misteru tal-Knisja u fit-twettiq partikulari  tal-funzjoni tagħha ta’ medjatriċi (ara Kongregazzjoni għall-Istituti tal-Ħajja Konsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, is-servizz tal-awtorità u tal-ubbidjenza, 12).

Ħarsu lejn il-faqar bħala superament ta’ kull xorta ta’ egoiżmu skont il-loġika tal-Vanġelu li jgħallimna biex nafdaw fil-Providenza t’Alla.  Il-faqar juri lill-Knisja kollha, li m’aħniex aħna li nibnu s-Saltna t’Alla, mhumiex il-mezzi umani li jkabbruha, imma hi primarjament il-qawwa t’Alla, il-grazzja tiegħu li taħdem permezz tad-dgħufija tagħna. “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef”, jisħaq l-Appostlu tal-ġnus ( 2 Kor 12,9). Ngħixu l-faqar li jgħallem is-solidarjetà, il-kondiviżjoni u l-karità, u li jesprimi ruħu wkoll f’sobrjetà u f’ferħ għal dak li hu essenzjali. Dan  ħarsina minn dawk l-idoli materjali li jdallmu s-sens awtentiku tal-ħajja. Il-faqar  nitgħallmuh mill-umli, mill-foqra, mill-morda u minn dawk kollha li jinsabu fil-periferiji eżistenzjali tal-ħajja. Il-faqar teoriku ma jgħoddx għalina. Nitgħallmu l-faqar meta nmissu l-ġisem ta’ Kristu fqir, fl-umli, fil-foqra, fil-morda, fit-tfal.

Imbagħad hemm is-safa, kariżma prezzjuża li tagħmilna aktar  ħielsa   biex  nagħtu lilna nfusna lil Alla u lill-oħrajn u  biex inkunu qrib tagħhom b’qalb tenera u ħanina bħal dik ta’ Kristu. Il-kastità mgħixa għas-Saltna t’Alla turi li l-affettività għandha postha fil-libertà matura u ssir sinjal għad-dinja  tal-ġejjieni  fejn jiddi l-fatt li Alla dejjem għandu l-ewwel post. Imma, jekk jogħġobkom,  għixu kastità “fekonda” li tiġġenera wlied spiritwali fil-Knisja. Il-persuna konsagrata hi omm, għandha tkun omm u mhux “mara li baqgħet ma żżewġitx”! Skużawni  jekk qed nitkellem b’dan il-mod, imma din il-maternità u fekondità tal-ħajja konsagrata hi importanti!  Dan il-ferħ tal-fekondità spiritwali jagħti ħajja lill-eżistenza tagħkom.  Intom ommijiet fuq ix-xbieha ta’ Maria Omm u tal-Knisja Omm. Ma tistax tifhem lil Maria mingħajr il-maternità tagħha, ma tistax tifhem il-Knisja mingħajr il-maternità tagħha, u intom ikona ta’ Maria u tal-Knisja

2.  It-tieni element li nixtieq nisħaq fuqu fl-eżerċizzju tal-awtorità huwa l-qadi: m’għandna qatt ninsew li l-veru poter, ikun f’liema livell ikun, huwa l-qadi, li  l-quċċata mdawla tiegħu tinsab  fuq is-Salib. Benedittu XVI, bl-għerf kbir tiegħu, ħafna drabi fakkar lill-Knisja li jekk  għall-bniedem  l-awtorità spiss  tfisser  li jaħkem, li jiddomina, li jkollu suċċess, għal Alla, awtorità tfisser qadi, umiltà, imħabba.  Tfisser li wieħed jidħol fil-loġika ta’ Ġesu li tbaxxa biex jaħsel riġlejn l-Appostli ( ara Anġelus, 29 ta’ Jannar 2012) u li jgħid lid-dixxipli tiegħu: “ Tafu intom, fost il-pagani  l-kapijiet qegħdin biex  jikkmandaw u l-kbarat biex iħaddmu s-setgħa tagħhom.  Fostkom m’għandux ikun hekk; imma min irid ikun il-kbir fostkom,għandu jkun il-qaddej tagħkom u min irid ikun l-ewwel fostkom għandu jkun l-ilsir tagħkom” ( Mt 20, 25 -27). Aħsbu ftit fil-ħsara li ssir lill-Poplu t’Alla minn dawk l-irġiel u n-nisa tal-Knisja li jimmiraw lejn il-karriera, li jridu jilħqu, li “jużaw” il-poplu, il-Knisja, lil ħuthom – lil dawk li  suppost għandhom jaqdu – biex jiksbu l-interessi u l-ambizzjonijiet personali tagħhom. Dawn jagħmlu ħsara kbira lill-Knisja.  Araw li  waqt li teżerċitaw l-awtorità, tkunu qed takkumpanjaw,  tifhmu,  tgħinu,  u  tħobbu,  li tħaddnu lil kuħadd, speċjalment lil dawk li jħossuhom waħidhom, imwarrba, li qed iħossu vojt fil-ħajja tagħhom, lil dawk li ma tantx għandhom min jurihom imħabba fil-ħajja tagħhom.  Ejjew inżommu l-ħarsa tagħna fuq is-Salib: hemm hu l-post ta’ kull awtorità  fil-Knisja, għax hemm il-Mulej għamel lilu nnifsu l-qaddej billi ta  lilu nnifsu għalina b’mod sħiħ.

 

3.  U fl-aħħar hemm l-ekkleżjalità  bħala waħda mid-dimensjonijiet kostituttivi  tal-ħajja konsagrata, dimensjoni li  hemm  bżonn  nagħrfuha u nidħlu  fil-fond tagħha kontinwament.  Il-vokazzjoni tagħkom hi kariżma fundamentali  fil-mixja tal-Knisja, u ma jistax ikun li  persuna konsagrata  ma “tħossx” mal-Knisja.  Irridu “nħossu” mal-Knisja, li ġġeneratna fil-Magħmudija,  irridu “nħossu” mal-Knisja li ssib espressjoni  filjali  tagħha fil-fedeltà lejn il-Maġisteru, fil-komunjoni mar-Rgħajja u s-Suċċessur ta’ Pietru, Isqof ta’ Ruma, sinjal viżibbli tal-għaqda fil-Knisja.   Għan-nisrani, għal kull nisrani,  it-tħabbira u x-xhieda tal-Evanġelju  qatt m’ huma att iżolat. Din hi xi ħaġa importanti;   it-tħabbira u x-xhieda tal-Evanġelju  qatt m’ huma att iżolat jew ta’ grupp.  Kif ifakkarna tant tajjeb il-Papa Pawlu VI, kull evanġelizzatur qatt ma jaġixxi “bil-qawwa ta’ ispirazzjoni personali, imma f’għaqda mal-missjoni tal-Knisja u f’isimha” ( Ezort. Ap.  Evangelii nuntiandi, 80).  Pawlu VI jkompli jgħid: hi dikotomija assurda li wieħed jaħseb li jgħix ma’ Ġesu mingħajr il-Knisja, li jimxi wara Ġesu barra mill-Knisja, li jħobb lil  Ġesù  mingħajr ma jħobb il-Knisja (arar ibid., 16).   Ħossuha r-responsabbiltà li tieħdu ħsieb il-formazzjoni tal-Istituti tagħkom  skont   id-duttrina sana tal-Knisja,   fl-imħabba tal-Knisja u fl-ispirtu ekkleżjali.

 

Mela, it-tliet indikazzjonijiet li nixtieq inħallilkom huma dawn: iċ-ċentralità ta’ Kristu u l-Evanġelju tiegħu, l-awtorità bħala servizz ta’ mħabba, u  li “tħossu” mal-Knisja u fil-Knisja.  U  għal darb’oħra ma’ dawn inżid il-gratitudni tiegħi għall-ħidma tagħkom, li mhux dejjem tkun faċli.  Mingħajrkom xi tkun il-Knisja?  Tkun nieqsa mill-maternità, mill-imħabba, mit-tenerezza, mill-intuwizzjoni ta’ omm!

 Għeżiez ħuti,  kunu żguri li jiena nsegwikom bl-imħabba tiegħi.  Nitlob għalikom, imma anki intom itolbu għalija.  Sellu għall-komunitajiet tagħkom, speċjalment għas-sorijiet morda u għaż-żgħażagħ.  Inħeġġiġkom ilkoll biex tagħmlu kuraġġ u timxu wara l-Evanġelju ta’ Kristu b’parresia u b’ferħ. Kunu  ferħana  għax hi  ħaġa sabiħa li timxi wara Ġesu, hi  ħaġa sabiħa li ssir ikona ħajja tal-Madonna u ta’ Ommna l-Knisja Mqaddsa fil-ġerarkija tagħha. Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.