KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

MA’ L-EMINENTISSMI KARDINALI RESIDENTI F’RUMA

FL-OKKAŻJONI TAL-FESTA TA’ SAN ĠORĠ

 Kappella Pawlina - It-Tlieta 23 ta’ April 2013

 

TISLIMA MILL-EMINENZA TIEGĦU ANGELO SODANO, DEKAN TAL-KULLEĠĠ TAL-KARDINALI

Ara l-omelija...

 

Meqjum u maħbub Suċċessur ta’ Pietru,

Fil-Lvant u fil-Punent il-lum tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġorġ, is-suldat Ruman li ħalla l-post ta’ tribun ta’ l-Imperatur biex jidħol fl-eżerċtu ta’ Kristu, kif qrajna l-lum fil-Liturġija tas-Sigħat, fis-silta sabiħa mill-omelija ta’ San Pier Damiani.

 

Mqaddes Missier, f’din it-tifkira, l-aħwa Kardinali preżenti f’Ruma xtaqu jinġabru madwarek, int li ġġorr l-isem sabiħ ta’ dan il-qaddis, biex flimkien jirringrazzjaw lill-Missier tas-Sema għad-doni li żejnek bihom s’issa, u biex jitolbu kotra ta’ grazzji fuq il-ministeru Petrin tiegħek.

 

Xi wħud, minħabba impedimenti ta’ mard, ma setgħux ikunu hawn magħna, fosthom anki l-Kardinal Jorge Mejía, li jġorr l-istess isem sabiħ tiegħek.  F’isimhom ukoll ngħaddilek l-awguri mill-qalb.

 

B’dan l-ispirtu ta’ komunjoni fraterna, il-Kardinali hawn preżenti jawgurawlek kull riżq f’dan il-jum sabiħ, u jitolbu għalik u għalihom stess dak id-don tal-qawwa Nisranija li l-Ispirtu s-Santu ta lil San Ġorġ u lill-martri ta’ kull żmien.

 

Fir-realtà, kien id-don tal-qawwa, li l-Ispirtu s-Santu kien qiegħed fil-qalb ta’ l-uffiċjal żagħżugħ Ruman, li wasslu biex jaffronta kull diffikultà, ibda billi ħalla l-ħajja militari, sar dixxiplu ta’ Kristu u qassam il-ġid kollu tiegħu lill-foqra.  San Ġorġ ħalla warajh il-kurazza ta’ suldat, u libes il-kurazza tal-fidi u ta’ l-imħabba, ubbidjenti għat-twissija ta’ l-Appostlu Pawlu, it-twissija li kien għamel lill-Insara ta’ Tessaloniki fl-Ewwel Ittra, biex ikunu “induti loricam fidei”, imlibbsa bil-fidi u bl-imħabba bħal b’kurazza, u bit-tama bħal b’elmu (ara 1 Tess 5:8).

 

Flimkien miegħek, Mqaddes Missier, nitolbu dan id-don tal-qawwa Kristjana, anki għal dawk li l-lum ukoll għadhom ibatu minħabba l-fidi.  Fir-realtà, ftit tal-jiem biss ilu, int fakkartna li ż-żmien tal-martri m’għaddiex.

 

B’dan il-ħsieb f’moħħna ninġabru madwarek, u bil-kliem tal-Kolletta tal-Quddiesa ngħidu: “Mulej, għall-kobor tas-setgħa tiegħek, fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex aħna, bnedmin dgħajfa, ikollna dejjem l-għajnuna f’waqtha ta’ San Ġorġ”.

 

Mqaddes Missier, din hi t-talba tagħna, it-talba li ngħollu quddiem il-Mulej għalik, u għalina lkoll f’dan il-jum hieni, miġbura madwar l-altar tal-Mulej.

 

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Irrodd ħajr lill-Eminenza Tiegħu, is-Sinjur Kardinal Dekan, għall-kliem tiegħu: grazzi ħafna, Eminenza, grazzi.

 

Irrodd ħajr ukoll lilkom li għoġobkom tiġu hawn il-lum.  Grazzi!  Għax jien inħossni milqugħ tajjeb minnkom.  Grazzi!  Inħossni tajjeb magħkom, u dan lili jferraħni.

 

L-ewwel qari tal-lum iġagħalni naħseb kif, sewwa sew fil-mument li fih tfaqqa’ l-persekuzzjoni, tfaqqa’ wkoll il-missjunarjetà tal-Knisja.  U dawn l-Insara kienu waslu sal-Feniċja, sa Ċipru u sa Antjokja, u kienu jxandru l-Kelma (ara Atti 11:19).  Kellhom ġewwa fihom din il-ħeġġa Appostolika; u hekk tixtered il-fidi!  Xi wħud, nies minn Ċipru u Ċireni – mhux dawn li semmejna, imma oħrajn li kienu saru Nsara – meta waslu Antjokja, bdew ikellmu wkoll lill-Griegi (ara Atti 11:20).  Hu pass ieħor ’il quddiem.  U l-Knisja b’dan il-mod tkompli tikber.  Ta’ min hi din l-inizjattiva li jitkellmu mal-Griegi, ħaġa li ma kinitx titwemmen, għax il-predikazzjoni kienet issir biss lil-Lhud?  Hi ta’ l-Ispirtu s-Santu, Dak li kien dejjem jimbotta iżjed, iżjed, iżjed, dejjem.

 

Imma f’Ġerusalemm, xi ħadd, meta’ sema’ b’dan, ħabat sa jinkwieta, u bagħtu Żjara Appostolika, bagħtu lil Barnaba (ara Atti 11:22).  Forsi, bi ftit sens ta’ umoriżmu, nistgħu ngħidu li dan kien il-bidu teoloġiku tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi: din iż-Żjara Appostolika ta’ Barnaba.  Hu osserva, u ra li l-affarijiet kienu sejrin sew (ara Atti 11:23).  U hekk il-Knisja aktar issir Omm, Omm ta’ iżjed ulied, ta’ ħafna wlied: issir Omm, Omm, Omm dejjem iżjed, Omm li tagħtina l-fidi, Omm li tagħtina l-identità.  Imma l-identità Nisranija m’hix karta ta’ l-identità.  L-identità Nisranija hi appartenenza għall-Knisja, għax dawn kollha kienu jagħmlu parti mill-Knisja, mill-Knisja Omm, għax m’huwiex possibbli ssib lil Ġesù ’l barra mill-Knisja.  Il-kbir Pawlu VI kien jgħid: hi dikotomija assurda li tkun trid tgħix ma’ Ġesù imma mingħajr il-Knisja, timxi wara Ġesù ’l barra mill-Knisja, tħobb lil Ġesù mingħajr il-Knisja (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, 16).  U dik il-Knisja Omm li jagħtina Ġesù tagħtina l-identità li m’hix biss siġill: hi appartenenza.  Identità tfisser appartenenza.  L-appartenenza għall-Knisja: kemm hi sabiħa!

 

It-tielet idea li tiġini f’moħħi – l-ewwel: kienet faqqgħet il-missjunarjetà; it-tieni: il-Knisja Omm – hi meta Barnaba lemaħ dik il-folla – tgħid is-silta: “U ġemgħa kbira ta’ nies ingħaqdet mal-Mulej” (Atti 11:24) – meta ra dik il-folla, feraħ.  “Meta dan wasal u ra l-grazzja ta’ Alla, feraħ” (Atti 11:23).  Hu l-ferħ propju ta’ l-evanġelizzatur.  Hu, kif qal Pawlu VI, “l-hena ħelwa u kollha faraġ ta’ l-evanġelizzazzjoni” (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi, 80).  U dan l-hena jibda bil-persekuzzjoni, b’diqa kbira, u jispiċċa bil-ferħ.  U hekk il-Knisja tkompli tterraq, kif jgħid wieħed qaddis, qalb il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-faraġ tal-Mulej (ara Santu Wistin, De Civitate Dei, 18,51,2: PL 41, 614).  Din hi l-ħajja tal-Knisja.  Jekk aħna rridu naqbdu t-triq tad-dinja u dak li hu tagħha, u ninnegozjaw mad-dinja – kif riedu jagħmlu l-Makkabej, li kienu ttentati f’dak iż-żmien – qatt m’hu ħa jkollna l-faraġ tal-Mulej.  U jekk aħna nfittxu biss il-faraġ, dan ikun faraġ superfiċjali, u mhux dak tal-Mulej, ikun faraġ uman.  Il-Knisja timxi dejjem bejn is-Salib u l-Qawmien, qalb il-persekuzzjonijiet u l-faraġ tal-Mulej.  U din hi l-mixja: min jimxi f’din it-triq ma jiżbaljax.

 

Naħsbu l-lum fil-missjunarjetà tal-Knisja: f’dawn id-dixxipli li ħarġu minnhom infushom biex imorru, u anki f’dawk li kellhom il-kuraġġ ixandru ’l Ġesù lill-Griegi, ħaġa li f’dak iż-żmien kienet skandaluża, kważi (ara Atti 11:19-20).  Naħsbu fil-Knisja Omm li tikber, tikber b’ulied ġodda, li lilhom tagħti l-identità tal-fidi, għax ma tistax temmen f’Ġesù mingħajr il-Knisja.  Dan qalu Ġesù nnifsu fil-Vanġelu: Imma intom ma temmnux, għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi (ara Ġw 10:26).  Jekk m’aħniex “nagħaġ ta’ Ġesù”, m’għandniex fidi; hi fidi tal-qoxra, fidi mingħajr sustanza.  U naħsbu fil-faraġ li kellu Barnaba, li hu sewwa sew “l-hena ħelwa u kollha faraġ ta’ l-evanġelizzazzjoni”.  U nitolbu lill-Mulej din il-parresia, din il-ħeġġa Appostolika, li timbuttana biex nimxu ’l quddiem, bħal aħwa, ilkoll kemm aħna: ’il quddiem!  Nimxu ’l quddiem, u nwasslu l-isem ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ l-Imqaddsa Knisja Omm, kif kien jgħid Sant’Injazju, ġerarkika u kattolika.  Hekk ikun.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard