OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU
Il-
Ħames Ħadd tar-Randan, 17 ta’ Marzu 2013

Fil-Parroċċa ta’ Sant’ Anna

 

Hija ħaġa sabiħa din: l-ewwel Ġesu’ waħdu fuq il-għolja, jitlob.  Jitlob waħdu (ara Ġw 8, 1).  Wara jmur mill-ġdid fit-Tempju, u l-poplu kollu mar għandu (ara v.2).  Ġesu’ f’nofs il-poplu.  U wara, fl-aħħar, iħalluh waħdu mal-mara (ara v.9).  Dik is-solitudni ta’ Ġesu!  Imma hija solitudni li tagħti l-frott: dik tat-talb mal-Missier u dik, sabiħa bil-kif, li hija proprju l-messaġġ tallum tal-Knisja, dik tal-ħniena tiegħu ma’ din il-mara.

Ukoll hemm differenza waħda fost il-poplu: hemm il-poplu kollu li kien imur għand Ġesu’; hu qagħad bil-qiegħda u beda jgħallimhom: il-poplu li kien jixtieq jisma’ l-kliem ta’ Ġesu’, il-poplu li kellu qalb miftuħa, li kien jeħtieġ il-Kelma t’Alla.  Kien hemm oħrajn, li ma kienu qed jisimgħu xejn, ma setgħux jisimgħu; u dawn huma dawk li kienu marru ma’ dik il-mara.  Isma’, Mgħallem, din hija mara li, waħda fost dawk... Jeħtieġilna nagħmlu dak li Mose’ jikkmandana nagħmlu ma nisa bħal dawn (ara vv 4-5).

Aħna wkoll, naħseb, li aħna dak il-poplu li, min-naħa nixtiequ nisimgħu lil Ġesu’, imma min-naħa l-oħra, xi drabi, jgħoġobna nsawwtu lill-oħrajn, nikkundannaw  lill-oħrajn.  U l-messaġġ ta’ Ġesu’ huwa dak: il-ħniena.  Ngħid għalija, bl-umilta’ kollha, huwa l-messaġġ l-aktar qawwi tal-Mulej: il-ħniena.  Imma huwa nnifsu kien qalu:  Jiena ma ġejtx insejjaħ il-ġusti; il-ġusti jiġġustifikaw lilhom infushom weħidhom.  Hekk ikun, Mulej imbierek, la inti tista twettaq dan, jien ma nistax inwettqu dan!  Imma huma kienu jemmnu li setgħu iwettquh.  Jiena ġejt għall-midinbin (ara Mk 2, 17).

Aħsbu dwar dik id-diskussjoni wara s-sejħa ta’ Mattew:  Imma dan imur mal-midinbin! (ara Mk 2, 16).  U huwa ġie għalina, meta aħna nagħarfu li aħna midinbin.  Imma jekk aħna nkunu bħal dak il-fariżew, quddiem l-artal:  Inroddlok ħajr, Mulej, għaliex jien m’inix bħall-bqija tal-bnedmin l-oħrajn kollha, u l-anqas bħal dak li qiegħed ħdejn il-bieb, bħal dak il-publikan (ara Lq 18, 11-12), aħna ma nagħarfux il-qalb tal-Mulej, u ma jkollna qatt il-ferħ li nħossu din il-ħniena!  Mhux ħaġa ħafifa nintelqu fil-ħniena t’Alla, għaliex dik hija abbiss li ma nistgħux nifhmuh.  Imma jeħtieġilna nagħmluh!  “O, missier, kieku inti kellek tkun taf ħajti, ma tkellimnix hekk!”.  “Għaliex?, mela x’għamilt?”  “O, kemm għamilt żbalji ħoxnin!”.  “Aħjar! Mur għand Ġesu’: Lilu jogħġbu jekk tirrakkuntalu dawn il-ħwejjeġ!”.  Huwa jinsa, Huwa għandu kapaċita’ biex jinsa, u dan b’mod speċjali.  Huwa jinsa, huwa jbusek, huwa jgħannqek miegħu u jgħidlek biss:  “L-anqas jien ma nikkundannak; mur, u mil-llum il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8, 11).  Dak il-parir biss jagħtik.  Wara xahar, insibu ruħna fl-istess qagħadiet... Nerġgħu lura għand il-Mulej.  Il-Mulej ma jgħejja qatt jaħfer: qatt!  Huwa aħna li ngħejjew nitolbuh maħfra.  U nitolbuh il-grazzja li ma ngħejjew qatt nitolbu maħfra, għaliex Hu ma jgħejja qatt jaħfer.  Nitolbuh din il-grazzja.

* * *

 

Kliem fi tmiem il-quddiesa

Fi tmiem iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, il-kappillan ta’ Sant’Anna fil-Vatikan, P. Bruno Silvestrini OSA, u l-Vigarju Ġenerali tal-Qdusija Tiegħu għall-Belt tal-Vatikan, il-Kard. Angelo Comastri, għamlu kelmtejn biex isellmu lill-Papa Franġisku.

Imbagħad, il-Papa temm b’dawn il-kelmiet:

 

Hawn xi wħud li m’humiex parruċċani: dawn il-qassisin mill-Argentina, wieħed huwa l-isqof awżiljarju tiegħi, imma li għallum huma parruċċani.  Imma rrid li ssiru tafu saċerdot li ġie mill-bogħod, u qiegħed hawn, saċerdot li għal żmien ilu jaħdem mat-tfal li jiġġerrew fit-toroq, mad-drogati.  Għalihom huwa fetaħ skola, għamel ħafna affarijiet biex huma jsiru jafu lil Ġesu’, u dawn iż-żgħażagħ ġuvintur u tfajliet illum jaħdmu, jemmnu u jħobbu lil Ġesu’.  Nitolbok, Gonzalo, ejja sabiex isellem lin-nies: itolbu għalih.  Huwa jaħdem fl-Uruguay, huwa l-fundatur tal-Liceo Jubilar Juan Pablo II: huwa jwettaq din il-ħidma.  Ma nafx kif illum wasal hawn:  imma nkun naf!  Grazzi.  Itolbu għalih.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn

Patri Silvestru Bonavia OFM Cap