ORDINAZZJONI PRESIBITERALI

Omelija tal-Papa Franġisku

Bażilika Vatikana
IV Ħadd tal-Għid, 21 ta’ April 2013

 

Fis-sustanza, l-omelija li għamel il-Papa  hi  l-“Omelija ritwali” li hemm fl-edizzjoni Taljana tal-Pontifikal Ruman għall-ordinazzjoni tal-presbiteri, li fiha l-Papa  integra  diversi żidiet personali.

 

Għeżież ħuti,

Dawn ħutna u wliedna ġew imsejħa għall-ordni tal-presbiterat. Ejjew nirriflettu b’attenzjoni fuq il-ministeru għoli li ser ikun mogħti lilhom fil-Knisja. Kif tafu, il-Mulej Ġesů  huwa l-Qassis il-Kbir waħdieni tat-Testment il-Ġdid, imma fiH, anki il-poplu  qaddis  t’Alla  kollu  huwa    poplu saċerdotali.  Iżda fost dawn id-dixxipli kollha tiegħu, il-Mulej Ġesů  jagħżel lil xi wħud,  biex filwaqt li f’ismu jwettqu pubblikament fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali favur il-bnedmin kollha, huma jkomplu l-missjoni personali tiegħu ta’ mgħallem, saċerdot u ragħaj.

 Fil-fatt, kif il-Missier bagħat lilu  biex iwettaq din il-missjoni, hekk Hu bagħat fid-dinja  l-ewwel lill-Appostli u mbagħad lill-Isqfijiet u lis-suċċessuri tagħhom, li ġew mogħtija l-presbiteri bħala kollaboraturi, msejħin biex jingħaqdu  magħhom fil-ministeru saċerdotali u  jkunu ta’ servizz għall-Poplu t’Alla.

Wara riflessjoni matura u talb, issa wasal il-waqt li ngħollu lil dawn ħutna għall-ordni tal-presbiterat, biex filwaqt li jaqdu lil Kristu Mgħallem, Saċerdot u Ragħaj, huma jikkoperaw miegħu ħalli jinbena l-Ġisem ta’ Kristu li hi l-Knisja, Poplu t’Alla u Tempju qaddis tal-Ispirtu s-Santu.

Dawn ser ikunu xbieha ta’ Kristu, il-Qassis il-Kbir u etern, jiġifieri ser ikunu kkonsagrati  bħala saċerdoti veri tat-Testment il-Ġdid, u bis-saħħa ta’ din id-dinjita li tgħaqqadhom mas-saċerdozju tal-Isqof tagħhom, huma jippridkaw l-Evanġelju, jirgħu l-Poplu t’Alla u jiċċelebraw il-kult, speċjalment iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju tal-Mulej.

U intom, għeżież ħuti u wliedi, li ser tkun mgħollija għall-ordni tal-presbiterat, kunu afu  li filwaqt li tkunu qed teżerċitaw il-ministeru tad-Duttrina Mqaddsa, intom tkunu qed tieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu, l-Imgħallem waħdieni.  Agħtu bil-ferħ lil kulħadd dik il-Kelma t’Alla li intom stess irċevejtu. Ftakru f’ommijietkom, fin-nanniet tagħkom, fil-katekisti li tawkom il-Kelma t’Alla, il-fidi…..id-don tal-fidi! Huma għaddewlkom dan id-don tal-fidi. Aqraw il-Kelma tal-Mulej u pperseveraw  fil-meditazzjoni tagħha  biex temmnu dak li tkunu qrajtu; għallmu dak li tkun fhimtu bil-fidi, għixu dak li tgħallmu.  Ftakru wkoll li l-Kelma t’Alla mhijiex propjeta tagħkom: hi Kelma t’Alla. U li hi l-Knisja li tikkustodixxi l-Kelma t’Alla.

Mela, ħallu d-duttrina tagħkom tkun nutriment għall-Poplu t’Alla, ferħ u sostenn għall-fidili ta’ Kristu, fwieħa ta’ ħajjitkom, biex  bil-kelma u bl-eżempju intom tibnu d-dar t’Alla, li hi l-Knisja. Intom tkomplu l-ħidma ta’ Kristu, ħidma li tqaddes. Permezz tal-ministeru tagħkom, is-sagrifiċċju spiritwali tal-fidili jsir perfett, għaliex jingħaqad mas-sagrifiċċju ta’ Kristu li f’isem il-Knisja kollha, idejkom joffruh bla tixrid ta’ demm  fuq l-artal taċ-ċelebrazzjoni tal-Misteri Qaddisa

Mela, kunu afu  x’qed tagħmlu, imitaw dak li qed tiċċelebraw, biex bis-sehem tagħkom fil-mewt u l-qawmien tal-Mulej, intom twasslu il-mewt ta’ Kristu fil-membri tagħkom u timxu miegħU f’ħajja ġdida.

Bil-Magħmudija intom issieħbu fidili ġodda mal-poplu t’Alla. Bis-sagrament tal-Penitenza intom taħfru d-dnubiet f’isem Kristu u f’isem il-Knisja. U llum, f’isem Kristu u f’isem il-Knisja nitlobkom: tgħejjew qatt turu ħniena. Biż-żejt qaddis intom tissollevaw lill-morda u anki lill-anzjani: tistħux turu qalb tenera mal-anzjani.  Meta  tiċċelebraw ir-riti qaddisa u  meta tgħollu leħinkom fit-talb ta’ tifħir u ta’ supplika f’ħinijiet differenti matul il-ġurnata, intom issiru l-vuċi tal-Poplu t’Alla u tal-umanita kollha.

Filwaqt li tagħrfu li ġejtu magħżula minn fost il-bnedmin u  maħtura biex taħdmu favur tagħhom fl-affarijiet t’Alla, eżerċitaw b’ferħ u b’karita sinċiera l-uffiċċju saċerdotali ta’ Kristu, bl-għan  biss li togħġbu lil Alla u mhux lilkom infuskom. Kunu Rgħajja u mhux amministraturi. Kunu medjaturi u mhux intermedjarji.

U fl-aħħarnett, filwaqt li tipparteċipaw fil-missjoni ta’ Kristu, Ras u Ragħaj, f’għaqda ta’ wlied mal-Isqof tagħkom, agħmlu ħilitkom kollha biex tgħaqqdu l-fidili f’familja waħda, biex twassluhom għand Alla l-Missier permezz ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu. Żommu dejjem quddiem għajnejkom l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u biex isalva lil min intilef.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard