Omelija tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku

Waqt il-quddiesa mal-Kardinali fil-Kappella Sistina

Il-Ħamis, 14 ta’ Marzu 2013

 

F’dan il-qari, fit-tliet siltiet, nara li hemm xi ħaġa komuni: huwa il-moviment. Fl-ewwel qari, il-moviment jidher fil-mixja; fit-tieni qari, il-moviment huwa fil-bini tal-Knisja; fit-tielet qari, fl-Evanġelju, il-moviment huwa fl-istqarrija.  Mixja, bini u stqarrija.

Mixja:  “Ejja, dar ta’ Ġakobb, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!” (Is 2:5)  Din hija l-ewwel ħaġa li Alla qal lil Abram: “Imxi quddiemi u kun perfett.” (Ġen 17:1-2).  Mixja: Ħajjitna hija mixja u meta nieqfu, hemm xi ħaġa ħażina. Nimxu dejjem fil-preżenza tal-Mulej, fid-dawl tal-Mulej, waqt li nfixxtu li ngħixu bla ħtija kif Alla talab lil Abram, fil-wegħda tiegħu.

Nibnu: Nibnu il-Knisja. Jissemma l-ġebel. Il-ġebel sod; imma ġebel ħaj, ġebel midluk mill-Ispirtu s-Santu. Li nibnu l-Knisja, l-Għarusa ta’ Kristu, fuq dik il-ġebla tax-xewka, li huwa l-Mulej stess.  Dan huwa moviment ieħor f’ħajjitna: li nibnu.

It-tielet, nistqarru: Aħna nistgħu nimxu kemm irridu, aħna nistgħu nibnu tant ħwejjeġ, imma jekk ma nistqarrux lil Ġesù Kristu, hemm xi ħaġa ħażina.  Insiru bħal organizzazzjoni ta’ assistenza non-governattiva (NGO), imma mhux Knisja, Għarusa tal-Mulej.  Meta ma timxix, tieqaf.  Meta ma tibnix fuq il-ġebel, x’jiġri?   Jiġri dak lil jiġri lit-tfal f’xatt meta jagħmlu binjiet bir-ramel, jaqa’ kollox, għax mhemmx sodizza. Meta ma tistqarx lil Ġesù Kristu, jiġini f’moħħ dak li qal Léon Bloy: “Min ma jitlobx lill-Mulej, jitlob lix-xitan.”  Meta ma nistqarrux lil Gesù Kristu, nistqarru l-mundanità tax-xitan, il-mundanità tad-demonju.

Timxi, tibni u tistqarr.  Imma dan mhux daqshekk faċli, għaliex fil-mixi, fil-bini, fl-istqarrija, kultant hemm l-iskossi. Hemm movimenti li ma jmexxukx ‘il quddiem, imma jitfgħuk lura.

Dan l-Evanġelju jkompli b’sitwazzjoni speċjali. Dak l-istess Pietru li stqarr lil Ġesù Kristu, jgħidlu: Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla ħaj.  Jiena nimxi warajk, imma ma nitkellmux dwar Salib.  Dan ma jidħolx.  Nimxi warajk b’possibiltajiet oħra, imma bla Salib. Meta nimxu bla Salib, meta nibnu bla Salib, u meta nistqarru lil Kristu bla Salib, m’aħniex dixxipli tal-Mulej: aħna tad-dinja, aħna Isqfijiet, aħna Qassisin, aħna Kardinali, aħna Papiet, imma mhux dixxipli tal-Mulej.

Jiena nixtieq li lkoll, wara dawn il-jiem ta’ grazzja, jkollna l-kuraġġ, propju l-kuraġġ li nimxu fil-preżenza tal-Mulej, bis-Salib tal-Mulej; li nibnu l-Knisja bid-demm tal-Mulej li huwa mxxerred fuq is-Salib; u li nistqarru l-unika glorja: Kristu Msallab.  Huwa b’dan il-mod li l-Knisja timxi ‘l quddiem.

Nawgura lilna lkoll li l-Ispirtu s-Santu, permezz tat-talba tal-Madonna, Omm tagħna, jagħtina din il-grazzja: li nimxu, li nibnu, li nistqarru lil Ġesù Kristu Msallab.  Hekk ikun.