ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM U L-PASSJONI TAL-MULEJ

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Pjazza San Pietru

XXVIII Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 24 ta’ Marzu 2013

 

1. Ġesù jidħol Ġerusalemm.  Il-ġemgħa tad-dixxipli takkumpanjah f’festa, l-imnatar mifruxa quddiemU, kulħadd jitkellem fuq l-għeġubijiet li wettaq, togħla ’l fuq għajta ta’ tifħir: “Imbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej!  Sliem fis-sema, u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!” (Lq 19:38).

 

Folla, festa, tifħir, barka, sliem: tista’ tinħass klima ta’ ferħ.  Ġesù reġa’ qanqal tant tamiet fil-qlub, speċjalment qalb in-nies umli, sempliċi, fqira, minsija, dik li ma tgħodd xejn fl-għajnejn tad-dinja.  Hu kien jaf jifhem il-miżerji umani, wera l-wiċċ tal-ħniena ta’ Alla u niżel biex ifejjaq il-ġisem u r-ruħ.

 

Dan hu Ġesù.  Din hi l-qalb tiegħu li tħares lejn lkoll, li tħares lejn il-mard tagħna, id-dnubiet tagħna.  Kbira hi l-imħabba ta’ Ġesù.  U hekk jidħol Ġerusalemm b’din l-imħabba, u jħares lejna lkoll.  Hi xena mill-isbaħ: kollha dawl – id-dawl ta’ l-imħabba ta’ Ġesù, dik tal-qalb tiegħu – ta’ ferħ, ta’ festa.

 

Fil-bidu tal-Quddiesa dan tennejnieh aħna wkoll.  Xejjirna l-palm tagħna.  Anki aħna lqajna lil Ġesù; anki aħna wrejna l-ferħ tagħna għax qegħdin nakkumpanjawh, għax nafu li jinsab qrib tagħna, preżenti fina u fostna, bħal ħabib, bħal ħuna, anki bħala sultan, jiġifieri bħala fanal jixgħel li jdawwal il-ħajja tagħna.  Ġesù hu Alla, imma hu tbaxxa biex jimxi magħna.  Hu s-sieħeb tagħna, ħuna.  Hawn idawwalna fil-mixja tagħna.  U hekk tajnieh merħba l-lum.  U din hi l-ewwel kelma li nixtieq ngħidilkom: ferħ!  La tkunu qatt irġiel u nisa mdejqa: in-Nisrani qatt ma jista’ jkun hekk!  Tħallu qatt il-qtigħ ta’ qalb iġorrkom miegħu!  Dan tagħna m’huwiex ferħ li ġej mill-fatt li għandna ħafna ħwejjeġ, imma mil-laqgħa tagħna ma’ Persuna: Ġesù, li jinsab fostna; għax nafu li Miegħu m’aħna qatt waħidna, lanqas fil-mumenti iebsin, lanqas meta l-mixja tal-ħajja tiltaqa’ ma’ problemi u ostakli li donnhom ma jistgħu jingħelbu b’xejn, u minn dawn hemm ħafna!  U f’dak il-mument jitfaċċa l-għadu, jiġi x-Xitan, ħafna drabi wiċċu mgħotti bil-maskra ta’ anġlu, u kollu qerq ilissnilna l-kelma tiegħu.  Tisimgħux minnu!  Nimxu wara Ġesù!  Aħna nimxu ma’ Ġesù, nimxu warajh, imma fuq kollox nafu li Hu jimxi magħna u jerfagħna fuq spallejh: hawn jinsab il-ferħ tagħna, it-tama li jeħtieġ inwasslu f’din id-dinja tagħna.  U, nitlobkom, tħallux lil min jisirqilkom it-tama!  Tħallux minn jeħdilkom it-tama!  Dik li jagħtina Ġesù.

 

2. It-tieni kelma.  Għaliex Ġesù jidħol Ġerusalemm?  Jew forsi aħjar, kif jidħol Ġesù Ġerusalemm?  Il-folla ssejjaħlu Sultan.  U Hu ma jżommhomx, ma jsikkithomx (ara Lq 19:39-40).  Imma x’għamla ta’ Sultan hu Ġesù?  Ħarsu lejh: riekeb fuq felu ta’ ħmara, bla ebda armata warajh, bla ma hu mdawwar b’xi eżerċtu bħala simbolu ta’ qawwa.  Tilqgħu hemm nies umli, sempliċi, li tilmaħ f’Ġesù xi ħaġa iżjed; għandha dak is-sens tal-fidi, li bih tgħid: Dan hu l-Feddej.  Ġesù ma jidħolx fil-Belt Qaddisa biex jirċievi l-unuri miżmuma għas-slaten ta’ din l-art, għal min għandu s-setgħa f’idejh, għal min jiddomina; jidħol biex jiġi msawwat, imkasbar u mgħajjar, kif iħabbar minn qabel Isaija fl-Ewwel Qari (ara Is 50:6); jidħol biex jirċievi kuruna tax-xewk, qasba, mantar tal-porpra, ir-regalità tiegħu ssir oġġett ta’ tgħajjir żufjett; jidħol biex jitla’ fuq il-Kalvarju mgħobbi b’għuda.  U hawn hi t-tieni kelma: Salib.  Ġesù jidħol Ġerusalemm biex imut fuq is-Salib.  U propju hawn jiddi bħala Sultan skond Alla: it-tron tiegħu ta’ re hu l-għuda tas-Salib!  Jiġi f’moħħi dak li Benedittu XVI kien jgħid lill-Kardinali: Intom prinċpijiet, imma ta’ Sultan mislub.  Dak hu t-tron ta’ Ġesù.  Ġesù jieħdu fuqu…  Għaliex is-Salib?  Għax Ġesù jieħu fuqu l-ħażen, il-ħmieġ, id-dnub tad-dinja, anki d-dnub tagħna, tagħna lkoll, u jaħslu, jaħslu bid-demm tiegħu, bil-ħniena, bl-imħabba ta’ Alla.  Inħarsu madwarna: kemm ġrieħi jikkawża l-ħażen lill-umanità!  Gwerer, vjolenzi, kunflitti ekonomiċi li jolqtu lil min hu l-iżjed dgħajjef, kilba għall-flus, li mbagħad ħadd ma jista’ jieħu miegħu, għax ikollu jħallihom warajh.  In-nanna tiegħi kienet tħobb tgħid lilna t-tfal: il-kefen m’għandux bwiet.  Ir-regħba għall-flus, il-poter, il-korruzzjoni, il-firdiet, id-delitti kontra l-ħajja umana u kontra l-ħolqien!  U anki – kull wieħed u waħda minna jafu dan – id-dnubiet personali tagħna: in-nuqqas ta’ mħabba u ta’ rispett lejn Alla, lejn il-proxxmu u lejn il-ħolqien kollu.  U Ġesù fuq is-salib iħoss fuqu t-toqol tal-ħażen u jirbħu bil-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla, jirbaħlu fil-qawmien tiegħu.  Dan hu l-ġid li Ġesù jagħmel lilna lkoll fuq it-tron tas-Salib.  Is-salib ta’ Kristu mgħannaq bl-imħabba qatt ma jwassal għad-dwejjaq, imma għall-ferħ, għall-ferħ li nħossuna mifdija u li nagħmlu ftit minn dak li għamel Hu dak in-nhar ta’ mewtu.

 

3. Il-lum f’din il-Pjazza hawn ħafna żgħażagħ: issa ilna 28 sena niċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ nhar Ħadd il-Palm!  U hawn hi t-tielet kelma: żgħażagħ!  Għeżież żgħażagħ, rajtkom fil-purċissjoni, intom u deħlin; nistħajjilkom qed tagħmlu din il-festa madwar Ġesù, ixxejru l-friegħi taż-żebbuġ; nistħajjilkom qed tgħajtu ismu u turu l-ferħ tagħkom li tinsabu Miegħu!  Intom għandkom sehem importanti fil-festa tal-fidi!  Intom iġġibulna l-ferħ tal-fidi u tgħidulna li għandna ngħixu l-fidi b’qalb żagħżugħa, dejjem: qalb żagħżugħa, anki ta’ sebgħin, tmenin sena!  Qalb żagħżugħa!  Ma’ Kristu qalbna ma tixjieħ qatt!  Imma lkoll kemm aħna nafu u intom tafu sew li s-Sultan li mexjin warajh u li jimxi magħna hu speċjali ħafna: hu Sultan li jħobb sal-mewt tas-salib u jgħallimna kif naqdu, inħobbu.  U intom ma tistħux mis-Salib tiegħu!  Anzi, tgħannquh, għax fhimtu li l-hena veru qiegħed fid-don tagħkom infuskom, meta toħorġu minnkom infuskom, u li bl-imħabba tiegħU Alla rebaħ il-ħażen kollu.  Intom tieħdu s-Salib pellegrin fil-kontinenti kollha, fit-toroq tad-dinja!  Iġġorruh waqt li twieġbu għall-istedina ta’ Ġesù: “Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (ara Mt 28:19), li hi t-tema tal-Jum taż-Żgħażagħ ta’ din is-sena.  Iġġorruh biex tgħidu lil kulħadd li fuq is-salib Ġesù ġarraf il-ħajt tal-mibegħda, li jifred il-bnedmin u l-popli, u ġab ir-rikonċiljazzjoni u s-sliem.  Għeżież ħbieb, anki jien, mil-lum, sa nimxi magħkom fuq il-passi tal-Beatu Ġwanni Pawlu II u ta’ Benedittu XVI.  Issa ninsabu qrib il-pass li jmiss f’dan il-pellegrinaġġ kbir tas-Salib.  Inħares ’il quddiem bil-ferħ lejn Lulju li ġej, lejn Rio de Janeiro!  Nagħtikom appuntament għal dik il-belt kbira tal-Brażil!  Ħejju ruħkom, fuq kollox spiritwalment fil-komunitajiet tagħkom, biex dik il-Laqgħa tkun sinjal ta’ fidi għad-dinja kollha.  Iż-żgħażagħ iridu jgħidu lid-dinja: hi ħaġa tajba li timxi wara Ġesù; sewwa li mmorru ma’ Ġesù; tajjeb il-messaġġ ta’ Ġesù; tajjeb li noħorġu minna nfusna, lejn it-truf tad-dinja u ta’ l-eżistenza biex hemm ukoll inwasslu lil Ġesù!  Tliet kelmiet: ferħ, salib, żgħażagħ.

 

Nitolbu l-interċessjoni tal-Verġni Marija.  Hi tgħallimna l-ferħ tal-laqgħa ma’ Kristu, l-imħabba li biha għandna nħarsu lejh taħt is-salib, il-ħeġġa tal-qalb żagħżugħa li biha għandna nimxu warajh f’din il-Ġimgħa Mqaddsa u tul ħajjitna kollha.  Hekk ikun.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard