QUDDIESA GĦOTI TAL-PALLJU U TAĊ-ĊURKETT

TAS-SAJJIED GĦALL-BIDU TAL-MINISTERU PETRIN TA’ L-ISQOF TA’ RUMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru - It-Tlieta 19 ta’ Marzu 2013

Solennità ta’ San Ġużepp

Għeżież ħuti,

Irrodd ħajr lill-Mulej li qed niċċelebra din il-Quddiesa tal-Inawgurazzjoni tal-Ministeru Petrin fis-solennità ta’ San Ġużepp, Għarus tal-Verġni Marija u Patrun tal-Knisja Universali: hi koinċidenza għanja ħafna fit-tifsira tagħha, u hi anki l-festa ta’ l-isem tal-meqjum Predeċessur tiegħi: ejjew nibqgħu qrib tiegħu permezz tat-talb, mimli bi mħabba u bi gratitudni. 

Insellem bi mħabba lil Ħuti l-Kardinali u l-Isqfijiet, is-saċerdoti, id-djakni, ir-reliġjużi rġiel u nisa, u lill-fidi lajċi kollha.  Nirringrazzja lir-Rappreżentanti tal-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali l-oħra għall-preżenza tagħhom, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-komunità Lhudija u ta’ komunitajiet reliġjużi oħra.  Minn qalbi nsellem lill-Kapijiet ta’ l-Istat u tal-Gvern, lid-Delegazzjonijiet uffiċjali ta’ tant Pajjiżi tad-dinja u lill-Korp Diplomatiku.

Fil-Vanġelu għadna kemm smajna li “Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu” (Mt 1:24).  F’dawn il-kelmiet diġà nsibu miġbura l-missjoni li Alla fada f’idejn Ġużeppi, dik li jkun custos, ħarries.  Ħarries ta’ min?  Ta’ Marija u ta’ Ġesù; imma hu ħarsien li mbagħad jestendi ruħu għall-Knisja, kif fakkarna l-Beatu Ġwanni Pawlu II: “Kif San Ġużepp bi mħabba ħa ħsieb lil Marija u b’impenn hieni ta ruħu għall-edukazzjoni ta’ Ġesù Kristu, hekk hu jħares u jipproteġi lill-ġisem mistiku tiegħu, il-Knisja, li tagħha l-Verġni Mbierka hi figura u mudell” (Eżortazzjoni Appostolika Redemptoris Custos, 1).

Kif iħaddmu Ġużeppi dan il-ħarsien?  B’diskrezzjoni, b’umiltà, fis-skiet, imma bi preżenza kostanti u fedeltà sħiħa, anki meta ma jistax jifhem.  Mill-għerusija ma’ Marija sa l-episodju ta’ Ġesù fit-Tempju ta’ Ġerusalemm meta dan kellu tnax-il sena, hu jakkumpanja kull mument bl-attenzjoni u bl-imħabba kollha.  Hu maġenb martu Marija fil-mumenti sereni u f’dawk diffiċli tal-ħajja, fil-vjaġġ lejn Betlehem għaċ-ċensiment u fis-sigħat anzjużi u hienja tal-ħlas; fil-mument drammatiku tal-ħarba lejn l-Eġittu u fit-tiftixa bla nifs għall-iben fit-Tempju; u mbagħad fil-ħajja ta’ kuljum fid-dar ta’ Nazareth, fuq il-bank tax-xogħol fejn għallem is-sengħa lil Ġesù.

Kif jgħixha Ġużeppi l-vokazzjoni tiegħu ta’ ħarries ta’ Marija, ta’ Ġesù, tal-Knisja?  F’attenzjoni kostanti għal Alla, miftuħ għas-sinjali tiegħu, disponibbli għall-pjan ta’ Alla pjuttost milli għal tiegħu nnifsu; u dan hu li Alla jitlob minn David, kif smajna fl-Ewwel Qari: Alla ma jixtieqx dar mibnija minn idejn il-bniedem, imma jixtieq il-fedeltà lejn il-Kelma tiegħu, lejn il-pjan tiegħu; u hu Alla nnifsu li jibniha d-dar, imma b’ġebel ħaj immarkat mill-Ispirtu tiegħu.  U Ġużeppi hu “ħarries”, għax jaf jisma’ lil Alla, iħalli r-rieda tiegħu tmexxih, u propju għalhekk hu bil-wisq iktar sensibbli għall-persuni li jiġu fdati f’idejh, jaf jaqra l-ġrajjiet b’realiżmu, hu attent għal dak li hemm madwaru, u jaf jieħu d-deċiżjonijiet l-iktar għarfa.  Fih, għeżież ħbieb, nilmħu kif wieħed għandu jwieġeb għas-sejħa ta’ Alla, b’disponibbiltà, mill-ewwel, imma nilmħu wkoll liema hi l-qalba tal-vokazzjoni Nisranija: Kristu!Inħarsu lil Kristu f’ħajjitna, biex inħarsu lill-oħrajn, biex inħarsu l-ħolqien!

Iżda l-vokazzjoni ta’ ħarriesa m’hix biss għalina l-Insara, imma għandha dimensjoni li tiġi qabel u li hi sempliċement umana, tmiss lil kulħadd.  Tfisser li nieħdu ħsieb il-ħolqien kollu, il-ġmiel tal-ħolqien, kif jgħidilna l-Ktieb tal-Ġenesi u kif uriena San Franġisk ta’ Assisi: li nuru rispett għal kull ħlejqa ta’ Alla u għall-ambjent li fih ngħixu.  Hi l-ħarsien tal-bnedmin, li nieħdu ħsieb ta’ kulħadd, ta’ kull persuna, bi mħabba, speċjalment tat-tfal, ta’ l-anzjani, ta’ dawk li huma iżjed dgħajfin u li spiss qegħdin fil-periferija ta’ qalbna.  Tfisser li nieħdu ħsieb ta’ xulxin fil-familja: il-miżżewġin iħarsu lil xulxin b’mod reċiproku, imbagħad bħala ġenituri jieħdu ħsieb ta’ l-ulied, u maż-żmien anki l-ulied isiru ħarriesa tal-ġenituri.  Tfisser li ngħixu b’sinċerità l-ħbiberiji ta’ bejnietna, li huma ħarsien reċiproku ta’ xulxin fil-kunfidenza, fir-rispett u fil-ġid.  Fl-aħħar mill-aħħar, kollox hu fdat f’idejn il-ħarsien tal-bniedem, u din hi responsabbiltà li tolqotna lkoll.  Kunu ħarriesa tad-doni ta’ Alla!

U meta l-bniedem jonqos minn din ir-responsabbiltà ta’ ħarries, meta ma neħdux ħsieb tal-ħolqien u ta’ ħutna, allura tinfetaħ it-triq għall-qerda u l-qalb tibbies.  B’xorti ħażina, f’kull epoka ta’ l-istorja hemm xi “Erodi” li jinseġ pjanijiet ta’ mewt, li jeqred u jħassar il-wiċċ tar-raġel u tal-mara.

Nixtieq nitlob lil dawk kollha li għandhom postijiet ta’ responsabbiltà fl-isfera ekonomika, politika u soċjali, lill-irġiel u n-nisa kollha ta’ rieda tajba: ejjew inkunu “ħarriesa” tal-ħolqien, tal-pjan ta’ Alla miktub fin-natura, ħarriesa ta’ l-ieħor, ta’ l-ambjent; ma nħallux sinjali ta’ qerda u ta’ mewt isieħbu l-mixja ta’ din id-dinja tagħna!  Imma biex inkunu “ħarriesa”, irridu anki nieħdu ħsieb tagħna nfusna!  Niftakru li l-mibegħda, l-għira, is-suppervja jħammġu l-ħajja!  Li nkunu ħarriesa allura jfisser li ngħassu fuq is-sentimenti tagħna, fuq il-qalb tagħna, għax hu sewwa sew minn hemm li joħorġu l-intenzjonijiet tajba u ħżiena: dawk li jibnu u dawk li jeqirdu!  Ma rridux nibżgħu mit-tjieba, anzi, lanqas mit-tenerezza!

U hawn, allura, inżid nota oħra: li tieħu ħsieb, li tħares, dan jitlob tjieba, u għandna ngħixuh b’tenerezza.  Fil-Vanġeli, San Ġużepp jidher bħala bniedem b’saħħtu, qalbieni, ħaddiem, imma minn ġo qalbu toħroġ ħlewwa liema bħalha, li m’hix il-virtù tad-dgħajfa, anzi, għall-kuntrarju, tikxef il-qawwa li hemm fih u l-kapaċità ta’ attenzjoni, ta’ kompassjoni, ta’ qalb tassew miftuħa għall-ieħor, kapaċità ta’ mħabba.  Ma rridux nibżgħu mit-tjieba, mit-tenerezza!

Il-lum, flimkien mal-festa ta’ San Ġużepp, qed niċċelebraw il-bidu tal-ministeru ta’ l-Isqof il-ġdid ta’ Ruma, Suċċessur ta’ Pietru, li jġib miegħu wkoll is-setgħa.  Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din?  Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi.  Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-Salib; irid iħares lejn is-servizz umli, konkret, għani fil-fidi, ta’ San Ġużepp u bħalu jiftaħ dirgħajh biex iħares lill-Poplu kollu ta’ Alla u jilqa’ għandu bl-imħabba u l-ħlewwa lill-bnedmin kollha, speċjalment l-iżjed foqra, l-iżjed dgħajfa, l-iktar żgħar, dawk li Mattew jiddeskrivi fil-ġudizzju finali dwar l-imħabba: min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, fil-ħabs (ara Mt 25:31-46).  Jaf ikun ħarries biss min iservi bl-imħabba!

 

Fit-Tieni Qari, San Pawl jitkellem dwar Abraham, li “meta ma kellu ebda tama, ittama u emmen” (Rum 4:18).  Ittama kontra kull tama!  Anki l-lum, quddiem tant biċċiet ta’ sema griż, għandna bżonn naraw id-dawl tat-tama u li nkunu aħna stess li nagħtu t-tama.  Li nħarsu l-ħolqien, lil kull raġel u mara, b’ħarsa ta’ ħlewwa u mħabba, ifisser li niftħu x-xefaq tat-tama, ifisser li niftħu xaqq ta’ dawl qalb tant sħab, ifisser li nxerrdu b’ħeġġa t-tama!  U għal min jemmen, għalina l-Insara, bħal Abraham, bħal San Ġużepp, it-tama li nġorru fina għandha l-orizzont ta’ Alla li nfetaħ għalina minn Kristu, u din hi mwaqqfa fuq il-blata li hi Alla.

Inħarsu lil Ġesù flimkien ma’ Marija, inħarsu l-ħolqien kollu, inħarsu lil kull persuna, speċjalment l-iktar fqira, inħarsu lilna nfusna: dan hu servizz li l-Isqof ta’ Ruma hu msejjaħ iwettaq, imma li għalih ilkoll aħna msejħin, biex nagħmlu li tiddi tassew il-kewkba tat-tama: Inħarsu bi mħabba dak li tana Alla!

Nitlob l-interċessjoni tal-Verġni Marija, ta’ San Ġużepp, ta’ San Pietru u San Pawl, ta’ San Franġisk, biex l-Ispirtu s-Santu jakkumpanja l-ministeru tiegħi, u lilkom ilkoll ngħidilkom: itolbu għalija!  Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard