Għeżież ħuti,

 

Qabel xejn irrodd ħajr minn qalbi lil Ħija Andrija [il-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew I] għall-kliem tiegħu.  Grazzi ħafna!  Grazzi ħafna!

 

Għalija hu motiv ta’ ferħ kbir li l-lum qed niltaqa’ magħkom, Delegati tal-Knejjes Ortodossi, tal-Knejjes Ortodossi Orjentali u tal-Komunitajiet ekkleżjali tal-Punent.  Nirringrazzjakom li wrejtu x-xewqa li tieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni li mmarkat l-inawgurazzjoni tal-ministeru tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma u Suċċessur ta’ Pietru.

 

Il-bieraħ fil-għodu, waqt il-Quddiesa, fil-persuna tagħkom stajt nilmaħ spiritwalment preżenti lill-komunitajiet li tirrappreżentaw.  Hekk f’din il-wirja ta’ fidi deherli li kont qed ngħix b’mod iżjed urġenti t-talba għall-għaqda bejn dawk kollha li jemmnu fi Kristu u stajt nilmaħ b’xi mod ipprefigurat dak it-twettiq sħiħ tagħha, li jiddipendi mill-pjan ta’ Alla u mill-kollaborazzjoni fidila tagħna.

 

Qed nagħti bidu għall-ministeru appostoliku tiegħi f’din is-sena li l-predeċessur meqjum tiegħi, Benedittu XVI, b’intuwizzjoni tabilħaqq ispirata, ipproklamaha Sena tal-Fidi għall-Knisja Kattolika.  B’din l-inizjattiva, li nixtieq nissokta u nittama li tkun ta’ stimolu għall-mixja tal-fidi ta’ kulħadd, hu ried ifakkar il-ħamsin anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, u hekk ippropona għamla ta’ pellegrinaġġ lejn dak li għal kull Nisrani jirrappreżenta l-essenzjali: ir-relazzjoni personali u trasformanti ma’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, li miet u qam għas-salvazzjoni tagħna.  Sewwa sew fix-xewqa li nħabbru lill-bnedmin ta’ żmienna dan it-teżor għal dejjem validu tal-fidi, tistrieħ il-qalba tal-messaġġ Konċiljari.

 

Flimkien magħkom ma nistax ninsa x’tifsira kellu dan il-Konċilju għall-mixja ekumenika.  Nieħu gost infakkar il-kliem li l-Beatu Ġwanni XXIII, li ma ndumux ma niċċelebraw il-ħamsin sena minn mewtu, lissen fil-famuż Diskors ta’ l-Inawgurazzjoni: “Il-Knisja Kattolika tħoss li hu dmir tagħha tħabrek b’mod attiv biex jitwettaq il-misteru kbir ta’ dik l-għaqda li Kristu Ġesù bi kliem ħerqan talab lill-Missier tas-Sema meta kien qorob is-sagrifiċċju tiegħu; hi tgawdi minn sliem l-aktar ħelu għax taf li tinsab magħquda intimament ma’ Kristu f’dak it-talb” (AAS 54 [1962], 793).  Dan il-Papa Ġwanni!

 

Iva, għeżież ħuti fi Kristu, ejjew inħossuna intimament magħquda mat-talba tal-Feddej tagħna fl-Aħħar Ċena, ma’ l-invokazzjoni tiegħu: ut unum sint.  Nitolbu lill-Missier ħanin tagħna li ngħixu fil-milja tagħha dik il-fidi li rċivejna bħala don fil-jum tal-Magħmudija tagħna, biex nistgħu nagħtu xhieda ħielsa, hienja u kuraġġjuża tagħha.  Dan ikun l-aqwa servizz li nistgħu nagħtu lill-kawża ta’ l-għaqda bejn l-Insara, servizz ta’ tama għal dinja li għadha mmarkata minn firdiet, minn kuntrasti u minn rivalitajiet.  Iktar ma nkunu fidili lejn ir-rieda tiegħu, fil-ħsibijiet, fil-kliem u fl-għemejjel tagħna, iktar nistgħu nimxu tassew u b’mod sostanzjali lejn l-għaqda.

 

Min-naħa tiegħi, nixtieq niżgurakom, fuq il-passi tal-Predeċessuri tiegħi, mir-rieda sħiħa tiegħi li nissokta fil-mixja tad-djalogu ekumeniku u nirringrazzja minn issa lill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda bejn l-Insara, għall-għajnuna li sa jkompli joffri, f’ismi, għal din il-kawża l-iżjed nobbli.  Nitlobkom, għeżież ħuti, biex twasslu lill-Knejjes u l-Komunitajiet Insara li qed tirrappreżentaw hawnhekk, it-tislima ħierġa minn qalbi u ċ-ċertezza li jien magħqud magħhom fil-ħsieb fil-Mulej Ġesù; u nitlobkom tagħmlu karità miegħi b’talba speċjali għall-persuna tiegħi, biex nista’ nkun Ragħaj skond il-qalb ta’ Kristu.

 

U issa ndur lejkom, rappreżentanti distinti tal-poplu Lhudi, li magħkom aħna marbuta b’rabta spiritwali l-iżjed speċjali, sa mill-mument li fih, kif jafferma l-Konċilju Vatikan II, “il-Knisja ta’ Kristu tagħraf illi skond il-misteru divin tas-salvazzjoni, il-bidu tal-fidi u tal-għażla tagħha jinsab diġà fil-Patrijarki, f’Mosè u fil-profeti” (Digriet Nostra ætate, 4).  Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u nittama li, bl-għajnuna ta’ l-Aktar Għoli, nistgħu nissoktaw bi profitt dak id-djalogu fratern li l-Konċilju xtaq (ara ibid.) u li fil-fatt seħħ, u ġab miegħu mhux ftit frott, speċjalment tul l-aħħar għexieren ta’ snin.

 

Imbagħad insellem u nirringrazzja minn qalbi lilkom ilkoll, għeżież ħbieb li ġejjin minn tradizzjonijiet reliġjużi oħra; qabel xejn il-Musulmani, li jqimu lil Alla wieħed, ħaj u ħanin, u jsejħulu fil-talb, u lilkom ilkoll.  Napprezza ħafna l-preżenza tagħkom: fiha nilmaħ sinjal tanġibbli tar-rieda li nikbru fl-istima reċiproka u fil-koperazzjoni għall-ġid komuni ta’ l-umanità.

 

Il-Knisja Kattolika hi konxja mill-importanza li għandha l-promozzjoni tal-ħbiberija u tar-rispett bejn il-bnedmin ta’ diversi tradizzjonijiet reliġjużi – dan irrid intennih: promozzjoni tal-ħbiberija u tar-rispett bejn il-bnedmin, irġiel u nisa, ta’ diversi tradizzjonijiet reliġjużi – dan tikkonfermah ukoll il-ħidma prezzjuża li jagħmel il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż.  Daqstant ieħor taf bir-responsabbiltà li lkoll nerfgħu għal din id-dinja tagħna, għall-ħolqien kollu, li għandna nħobbu u nħarsu.  U aħna nistgħu nagħmlu ħafna b’riżq il-ġid ta’ min hu ifqar, ta’ min hu dgħajjef u ta’ min qed ibati, biex niffavorixxu l-ġustizzja, biex nippromovu r-rikonċiljazzjoni, biex nibnu l-paċi.  Imma, fuq kollox, irridu nżommu ħaj fid-dinja l-għatx għall-assolut, u ma nħallux li teħodlu postu viżjoni tal-persuna umana b’dimensjoni waħda, li biha l-bniedem jirriduċi ruħu sempliċement għal dak li jipproduċi u li jikkonsma: din hi waħda min-nases l-iżjed perikolużi ta’ żmienna.

 

Nafu kemm vjolenza fl-istorja riċenti ġiet mit-tentattiv li jiġu eliminati Alla u d-divin minn fuq ix-xefaq ta’ l-umanità, u naraw il-valur kbir li fis-soċjetajiet tagħna nagħtu xhieda tal-ftuħ oriġinarju għat-traxxendenza li hemm imnaqqax fil-qalb tal-bniedem.  F’dan kollu, inħossu qrib tagħna wkoll lil dawk il-bnedmin kollha li, anki jekk ma jħossuhomx jagħmlu parti minn xi tradizzjoni reliġjuża, xorta jħossu li qed ifittxu l-verità, it-tjieba u l-ġmiel, din il-verità, tjieba u ġmiel ta’ Alla, u li huma alleati prezzjużi tagħna fl-impenn biex inħarsu d-dinjità tal-bniedem, biex nibnu konvivenza paċifika bejn il-popli u biex inħarsu b’għożża l-ħolqien.

 

Għeżież ħbieb, grazzi mill-ġdid tal-preżenza tagħkom.  Minn qalbi u bi mħabba ta’ ħukom, insellmilkom ilkoll.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard