Għeżież ħbieb,

Inħossni ferħan li, fil-bidu tal-ministeru tiegħi fis-Sede ta’ Pietru, qed niltaqa’ magħkom, li ħdimtu hawn f’Ruma f’dan il-perjodu hekk intens, li nfetaħ bit-tħabbira sorprendenti tal-Predeċessur meqjum tiegħi Benedittu XVI, fil-11 ta’ Frar li għadda.  Insellem minn qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom.

Ir-rwol tal-mass media ssokta dejjem jikber f’dawn l-aħħar snin, hekk li sar indispensabbli biex jirrakkonta lid-dinja l-ġrajjiet ta’ l-istorja kontemporanja.  Ringrazzjament speċjali nagħtih lilkom għas-servizz kwalifikat tagħkom tul il-ġranet li għaddew – u ħdimtu, eħ! ħdimtu! –, li tulhom għajnejn id-dinja Kattolika, imma mhux biss, kienu mdawrin fuq il-Belt Eterna, b’mod partikolari dan it-territorju li għandu bħala “fûs” tiegħu l-qabar ta’ San Pietru.  F’dawn il-ġimgħat kellkom opportunità li titkellmu dwar is-Santa Sede, dwar il-Knisja, dwar ir-riti u t-tradizzjonijiet tagħha, dwar il-fidi tagħha u b’mod partikolari dwar ir-rwol tal-Papa u tal-ministeru tiegħu.

Ringrazzjament partikularment minn qalbi jmur għal dawk li kienu kapaċi josservaw u jippreżentaw il-ġrajjiet ta’ l-istorja tal-Knisja billi żammew f’moħħhom il-perspettiva t-tajba li fiha għandhom jinqraw, jiġifieri dik tal-fidi.  Il-ġrajjiet ta’ l-istorja kważi dejjem jitolbu qari kumpless, li xi kultant jista’ jinkludi wkoll id-dimensjoni tal-fidi.  Il-ġrajjiet ekkleżjali żgur li m’humiex iżjed ikkumplikati minn dawk politiċi jew ekonomiċi!  Imma huma fil-fond tagħhom għandhom karatteristika partikolari: iwieġbu għal loġika li m’hix prinċipalment dik tal-kategoriji, biex ngħidu hekk, tad-dinja, u propju għalhekk m’hux faċli tinterpretahom u tikkomunikahom lil pubbliku wiesa’ u varjat.  Il-Knisja, fil-fatt, anki jekk ċertament hi istituzzjoni umana, storika, b’dak kollu li dan ifisser, m’għandhiex natura politika, imma essenzjalment spiritwali: hi l-Poplu ta’ Alla, il-Poplu Qaddis ta’ Alla, miexi lejn il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu.  Huwa biss jekk inqiegħdu lilna nfusna f’din il-perspettiva li nistgħu niġġustifikaw b’mod sħiħ dak kollu li l-Knisja Kattolika tagħmel.

Kristu hu r-Ragħaj tal-Knisja, imma l-preżenza tiegħu fl-istorja tgħaddi permezz tal-libertà tal-bnedmin: minn fosthom wieħed jiġi magħżul biex jaqdi bħala l-Vigarju tiegħu, Suċċessur ta’ l-Appostlu Pietru, imma Kristu hu ċ-ċentru, mhux is-Suċessur ta’ Pietru: Kristu.  Kristu hu ċ-ċentru.  Kristu hu l-punt ta’ riferiment fundamentali, il-qalb tal-Knisja.  MingħajrU, Pietru u l-Knisja ma kinux jeżistu, u lanqas kien ikollhom raġuni għaliex jeżistu.  Kif tenna iżjed minn darba Benedittu XVI, Kristu hu preżenti u jdawwal lill-Knisja tiegħu.  F’dak kollu li għadu kemm seħħ, il-protagonista, fl-aħħar mill-aħħar, hu l-Ispirtu s-Santu.  Hu ispira d-deċiżjoni ta’ Benedittu XVI għall-ġid tal-Knisja; Hu kien li mexxa lill-Kardinali fit-talb u fl-elezzjoni.

Għeżież ħbieb, hu importanti nieħdu f’kunsiderazzjoni dan l-orizzont ta’ interpretazzjoni, din l-ermenewtika, biex inpoġġu fil-perspettiva t-tajba l-qalba tal-ġrajjiet li seħħu fl-aħħar jiem.

Minn hawn joħroġ fuq kollox ringrazzjament imġedded u sinċier għat-taħbit ta’ dawn il-ġranet partikolarment impenjattivi, imma anki stedina biex infittxu li nsiru nafu dejjem iżjed in-natura vera tal-Knisja u anki l-mixja tagħha fid-dinja, bil-virtujiet tagħha u bid-dnubiet tagħha, u biex insiru nafu x’inhuma l-motivazzjonijiet spiritwali li jmexxuha u li huma l-iżjed awtentiċi biex nistgħu nifhmuha.  Ibqgħu ċerti li l-Knisja, min-naħa tagħha, turi attenzjoni kbira lejn il-ħidma prezzjuża tagħkom; intom għandkom dik il-kapaċità li tiġbru u tesprimu t-tamiet u l-ħtiġijiet ta’ żminijietna, li tipprovdu l-elementi għal interpertazzjoni tajba tar-realtà.  Ix-xogħol tagħkom jitlob studju, sensibbiltà, esperjenza, bħal bosta professjonijiet oħra, imma jġib miegħu attenzjoni partikulari fil-konfront tal-verità, tat-tjieba u tal-ġmiel; u dan lilna jqegħidna partikularment qrib ta’ xulxin, għax il-Knisja teżisti biex tikkomunika sewwa sew dan: il-Verità, it-Tjieba u l-Ġmiel “in persona”.  Għandu jidher ċar li lkoll aħna msejħa mhux biex nikkomunikaw lilna nfusna, imma dan it-trijade essenzjali ffurmat mill-verità, it-tjieba u l-ġmiel.

Xi wħud ma kinux jafu għaliex l-Isqof ta’ Ruma ried li jissejjaħ Franġisku.  Xi wħud ħasbu fi Franġisku Saverju, fi Franġisku di Sales, anki fi Franġisku ta’ Assisi.  Ħa nirrakkontalkom l-istorja.  Fl-elezzjoni jien kelli maġenbi lill-Arċisqof Emeritu ta’ São Paulo, li hu anki l-Prefett Emeritu tal-Kongregazzjoni tal-Kleru, il-Kardinal Claudio Hummes: ħabib kbir, ħabib kbir!  Meta l-biċċa saret xi ftit perikoluża, hu kien ifarraġni.  U meta l-voti telgħu għal żewġ terzi, wasal l-applaws tas-soltu, għax ġie elett il-Papa.  U hu għannaqni miegħu, biesni u qalli: “Tinsiex il-foqra!”.  U dik il-kelma daħlet hawn [f’moħħi]: il-foqra, il-foqra.  Imbagħad, dritt, f’rabta mal-foqra ħsibt fi Franġisku ta’ Assisi.  Imbagħad ħsibt fil-gwerer, waqt li l-iskrutinju baqa’ għaddej, sakemm inqraw il-voti kollha.  U Franġisku hu l-bniedem tal-paċi.  U hekk daħal f’qalbi dan l-isem: Franġisku ta’ Assisi.  Għalija hu l-bniedem tal-faqar, il-bniedem tal-paċi, il-bniedem li jħobb u jħares il-ħolqien; f’dan il-waqt aħna wkoll mal-ħolqien għandna relazzjoni li m’hix daqstant tajba, le?  Hu l-bniedem li jagħtina dan l-ispirtu ta’ paċi, il-bniedem fqajjar…  Aħ, kemm nixtieq Knisja fqira u għall-foqra!  Wara, xi wħud għaddew diversi kummenti ċajtiera.  “Imma int messek tagħżel l-isem ta’ Adrijanu, għax Adrijanu VI kien ir-riformatur, hemm bżonn tar-riforma…”.  U ieħor qalli: “Le, le: ismek messu jkun Klement”.  “Imma għaliex?”.  “Klement XV: hekk tivvendika ruħek minn Klement XIV li xolja l-Kumpanija ta’ Ġesù!”.  Huma ċajtiet…  Inħobbkom ħafna, nirringrazzjakom ta’ dak kollu li għamiltu.  U naħseb fix-xogħol tagħkom: nawguralkom li taħdmu b’serenità u bi frott, u li tagħrfu dejjem aħjar il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu u r-realtà tal-Knisja.  Nafdakom fl-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, Kewkba ta’ l-evanġelizzazzjoni.  U nawgura l-akbar ġid lilkom u lill-familji tagħkom, lil kull waħda mill-familji tagħkom.  U nagħti minn qalbi lilkom ilkoll il-barka tiegħi.  Grazzi.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard