Lir-Reverendi Aħwa

Il-Kardinal Joachim Meisner, Arċisqof ta’ Kolonja,

Mons Robert Zollitsch, President tal-Konferenza Epikopali Ġermaniża,

 

Bil-motto “Mulej, għand min immorru?” (Gw 6, 68) qegħdin f’dawn il-ġranet jingabru l-kattoliċi tal-Ġermanja u fidili oħra ġejjin minn Pajjiżi qrib fl-okkażjoni tal-Kungress Ewkaristiku Nazjoniali f’Kolonja. Din il-ġrajja tidħol fit-tradizzjoni twila ta’ venerazzjoni ta’ l-Ewkaristija f’ din il-belt, waħda fost l-ewwel bliet li ċċelebraw,  sa mill-bidu tas-seklu XIII, il-festa ta’ Corpus Domini bi proċessjonijiet tas-Santissimu Sagrament; kien ukoll f’din il-belt fejn sar il-Kungress Ewkaristiku Mondjali fl-1909. Għalhekk bil-qalb kollha nibgħat minn Ruma l-Kardinal Paul Josef Cordes bħala Delegat Speċjali tiegħi biex nuri il-komunjoni spiritwali ħajja tiegħi mal-kattoliċi Ġermaniżi, u biex nesprimi il-komunjoni universali tal-Knisja. Il-Missier tagħna fis-sema jsawwab fuq dawk kollha li jieħdu sehem frott abbondanti ta’ grazzja mill-adorazzjoni ta’ Kristu ewkaristiku.

Mulej, għand min immorru?” B’din il-mistoqsija, quddiem in-nuqqas ta’ fehma ta’ dawk il-ħafna li kienu qed jisimgħu lil Ġesù, dawk li xtaqu japprofittaw ruħhom egoistikament minnu, quddiem dawk kollha San Pietru jitkellem f’isem id-dixxipli fidili. Dawn id-dixxipli ma kkuntentawx ruħhom bil-qligħ mondan ta’ dawk li xebgħu bl-ikel (cfr Gw 6, 26) u baqgħu jaħdmu għall-ikel li jintemm (cfr Gw 6, 27). Ċertament, Pietru wkoll kien jaf xi jfisser il-ġuħ; għal żmien twil ma sabx l-ikel li seta’ jxebbgħu. Umbagħad daħal f’kuntatt mal-bniedem ta’ Nażaret. Mexa warajh, u sar jaf l-Imgħallem tiegħu mhux biss minn dak li jgħidu fuqu n-nies. Fir-relazzjonijiet li ta’ kull jum kellu miegħu kibret fiduċja bla limiti. Din hi l-fidi f’Ġesù; u bir-raġun kollu Pietru stenna minn għand il-Mulej il-ħajja imwegħda bil-kotra (cfr Gw 10, 10).

Mulej, għand min immorru?” Aħna wkoll, membri tal-Knisja tal-lum, nistaqsu lilna nfusna din il-mistoqsija. Ukoll jekk forsi fuq xufftejna tkun tlaqlaq aktar milli laqilqet fuq xufftejn Pietru, it-tweġiba tagħna, bħal dik ta’ l-Appostlu, tista’ tkun biss il-persuna ta’ Ġesù. Da sgur, huwa għex elfejn sena ilu! B’dana kollu nistgħu niltaqgħu miegħu fi żmienna meta nisimgħu il-Kelma tiegħu u nkunu qrib Tiegħu, b’mod uniku, fl-Ewkaristija. Il-Konċilju Vatikan II jsejjaħ l-ewkaristija “l-azzjoni sagra per eċċellenza; mhemm l-ebda azzjoni oħra fil-Knisja li hi daqsha fl-effikaċja fl-istess titlu u fl-istess grad.” (Cost. Sacrosanctum Concilium 7). Jalla l-Quddiesa ma ssirx għalina rutina superfiċjali! Jalla nidħlu dejjem aktar fil-profondità tagħha. Hi propju hi li ddaħħalna fl-opra immensa tas-salvazzjoni ta’ Kristu, li tiċċara l-viżjoni spiritwali tagħna biex inħaddnu l-imħabba tieghu: “il-profezija tiegħu fit-twettiq” meta, fiċ-Ċenaklu ta bidu għall-għotja tiegħu fuq is-Salib; ir-rebħa irrevokabbli tiegħu fuq id-dnub u fuq il-mewt li aħna kburin u ferħanin inħabbru. “Jeħtieġ nitgħallmu ngħixu l-quddiesa” kien qal darba l-Beatu Gwanni Pawlu II f’Seminarju ruman, meta ż-żgħażagħ staqsewh dwar il-ġabra profonda li biha kien iqaddes (Żjara fil-Kulleġġ Pontifiċju Ġermanico Ungaru, 18 Ottubru 1981). “Titgħallem tgħix il-Quddiesa”! Għal dan jgħinna, u jintroduċina, li nieqfu f’adorazzjoni quddiem il-Mulej ewkaristiku fit-tabernaklu u li nirċievu s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

Mulej, għand min immorru?” Din il-mistoqsija jagħmluha wkoll lilhom infushom xi nies ta’ żmienna, li  --  b’moħħ ċar jew b’intuwizzjoni għadha skura  --  qed ifittxu l-Missier ta’ Ġesù. Ir-Redentur irid jitlaqa’ magħhom permezz tagħna, aħna li bil-grazzja tal-Magħmudija, sirna ħutu, u li, fl-Ewkaristija, rċevejna l-qawwa biex flimkien Miegħu inwettqu l-missjoni Tiegħu tas-salvazzjoni. Bil-ħajja tagħna u bi kliemna għandna inħabbrulhom dak li aħna għarafna flimkien ma’ Pietru u ma’ l-Appostli: “Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Gw 6, 68). Ix-xhieda tagħna tħeġġiġhom bħalma aħna tħeġġiġna minn Kristu. Aħna lkoll, isqfijiet, saċerdoti, djakoni, reliġjużi u lajċi għandna l-impenn li nwasslu ’l Alla lid-dinja u d-dinja lil Alla.

Li niltaqgħu ma’ Kristu, li nafdaw fi Kristu, li nħabbru ’l Kristu  -  dawn huma l-pilastri tal-fidi tagħna li dejjem mill-ġdid jikkonċentraw fil-punt fokali ta’ l-Ewkaristija. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Kungress Ewkaristiku, matul is-Sena tal-fidi, tħabbar mill-ġdid b’ferħ u b’ċertezza:  l-Mulej tal-Knisja jgħix fil-Knisja. Insellmilkom kordjalment u bil-qalb nagħtikom lkoll il-Barka Appostolika.

Mill Vatikan, 30 ta’ Mejju 2013. Solennità tal-Ġisem u d-Demm Mqaddes ta’ Kristu.

                                                                Franġisku PP

Miġjub għall-Malti minn Fr Anton Azzopardi SJ.