Eċċellenzi,
Sinjuri,

Irrodd ħajr minn qalbi lid-Dekan tagħkom, l-Ambaxxatur Jean-Claude Michel, għall-kliem sabiħ li lissen f’isimkom ilkoll u nilqagħkom bil-ferħ għal dan il-qsim ta’ xewqat tajba, sempliċi imma fl-istess ħin intens, li idealment irid ikun it-tgħanniqa tal-Papa lid-dinja.  Permezz tagħkom, fil-fatt, niltaqa’ ma’ popli oħra, u hekk nista’, f’ċertu sens, nilħaq lil kull wieħed u waħda mill-konċittadini tagħkom, bil-ferħ, it-tiġrib, it-tamiet u x-xewqat tagħhom.

Il-preżenza numeruża tagħkom hi wkoll sinjal li r-relazzjonijiet li l-Pajjiżi tagħkom għandhom mas-Santa Sede qed iħallu l-frott u huma tabilħaqq okkażjoni ta’ ġid għall-umanità.  Hu dan, fil-fatt, li hu tant għal qalb is-Santa Sede: il-ġid ta’ kull bniedem fuq din l-art!  U fil-fatt hu b’dan il-ħsieb li l-Isqof ta’ Ruma qed jibda l-ministeru tiegħu: hu jaf li jista’ joqgħod fuq il-ħbiberija u r-rispett tal-Pajjiżi li intom tirrappreżentaw, u dan fiċ-ċertezza li intom taqsmu l-istess għan.  Fl-istess ħin, nittama li tkun anki okkażjoni biex nibdew mixja ma’ dawk il-Pajjiżi li s’issa m’għandhomx relazzjonijiet diplomatiċi mas-Santa Sede, li xi wħud minnhom – irroddilhom ħajr minn qalbi – xtaqu jkunu preżenti għall-Quddiesa ta’ l-inawgurazzjoni tal-ministeru tiegħi, jew bagħtu messaġġi biex juru li jinsabu qrib tiegħi. 

Kif tafu, hemm bosta raġunijiet għaliex meta għażilt ismi bħala Papa kelli fil-ħsieb tiegħi lil Franġisku ta’ Assisi, personalità magħrufa sew lil hemm mill-fruntieri ta’ l-Italja u ta’ l-Ewropa u anki fost dawk li ma jistqarrux il-fidi Kattolika.  Waħda mill-ewwel raġunijiet hi l-imħabba li Franġisku kellu għall-foqra.  Kemm foqra fadal fid-dinja!  U kemm tbatija jħabbtu wiċċhom magħha dawn in-nies!  Fuq l-eżempju ta’ Franġisku ta’ Assisi, il-Knisja dejjem fittxet li tieħu ħsieb, li tħares, f’kull rokna tad-dinja, lil min qed ibati għax jonqsu kollox, u naħseb li f’ħafna mill-Pajjiżi tagħkom tistgħu tikkonfermaw il-ħidma ġeneruża ta’ dawk l-Insara li jingħataw għall-għajnuna tal-morda, ta’ l-iltiema, ta’ dawk li m’għandhomx saqaf u ta’ dawk kollha li huma mwarrba, u li għalhekk jaħdmu biex jibnu soċjetajiet iktar umani u iktar ġusti.

Imma hemm ukoll tip ieħor ta’ faqar!  Hu l-faqar spiritwali ta’ żminijietna, li jolqot b’mod qawwi anki lill-Pajjiżi meqjusa iżjed sinjuri.  Hu dak li l-Predeċessur tiegħi, l-għażiż u meqjum Benedittu XVI, isejjaħ “dittatura tar-relattiviżmu”, fejn kull persuna ssir il-kejl tagħha nfisha u tipperikola l-konvivenza bejn il-bnedmin.  U b’hekk nasal għat-tieni raġuni ta’ l-għażla ta’ ismi.  Franġisku ta’ Assisi jgħidilna: tħabtu biex tibnu l-paċi!  Imma ma jistax ikun hemm tabilħaqq paċi mingħajr verità!  Ma jistax ikun hemm paċi vera jekk kull persuna tkun hi l-kejl tagħha nfisha, jekk kull persuna moħħha biex taqbeż dejjem u biss għad-dritt tagħha, mingħajr ma tieħu ħsieb fl-istess ħin il-ġid ta’ l-oħrajn, ta’ kulħadd, ibda min-natura li tagħmel komuni lil kull essri uman fuq din l-art.

Wieħed mit-titli ta’ l-Isqof ta’ Ruma hu “Pontifex”, jiġifieri dak li jibni l-pontijiet, ma’ Alla u bejn il-bnedmin.  Tassew nixtieq li d-djalogu ta’ bejnietna jgħin biex jinbnew pontijiet bejn il-bnedmin kollha, hekk li kull wieħed jista’ jsib fl-ieħor mhux għadu, mhux konkorrent, imma ħuh li jista’ jilqa’ u jgħannaq!  L-istess għeruq familjari tiegħi mbagħad jimbuttawni biex naħdem ħalli nibni l-pontijiet.  Fil-fatt, kif tafu, il-familja tiegħi hi ta’ oriġni Taljani; u hekk fija dejjem hu ħaj dak id-djalogu bejn postijiet u kulturi mbegħdin bejniethom, bejn tarf u ieħor tad-dinja, il-lum il-ġurnata dejjem iżjed qrib ta’ xulxin, interdipendenti, fil-bżonn li jiltaqgħu ma’ xulxin u li joħolqu spazji reali ta’ fraternità awtentika.

F’din il-ħidma hu fundamentali wkoll ir-rwol tar-reliġjonijiet.  Fil-fatt, ma nistgħux nibnu pontijiet bejn il-bnedmin u ninsew lil Alla.  Imma l-kuntrarju jgħodd ukoll: ma nistgħux ngħixu f’rabtiet veri ma’ Alla u ninjoraw lill-oħrajn.  Għaldaqstant, hu importanti nintensifikaw id-djalogu bejn id-diversi reliġjonijiet; jiġini f’moħħi qabel xejn dak ma’ l-Islam, u apprezzajt ħafna, waqt il-Quddiesa ta’ l-inawgurazzjoni tal-ministeru tiegħi, il-preżenza ta’ tant Aworitajiet ċivili u reliġjużi mid-dinja Islamika.  U importanti wkoll nintensifikaw id-djalogu ma’ dawk li ma jemmnux, biex qatt ma jirbħu d-differenzi li jifirdu u jġerrħu, imma tirbaħ, anki fid-diversità, ix-xewqa li nibnu rabtiet veri ta’ ħbiberija bejn il-popli kollha.

Nissieltu kontra l-faqar, kemm dak materjali u kemm dak spiritwali; nibnu l-paċi u nibnu l-pontijiet.  Dawn huma bħal punti ta’ riferiment ta’ mixja li nistieden jieħu sehem fiha lil kull wieħed mill-Pajjiżi li tirrappreżentaw.  Imma hi mixja diffiċli, jekk ma nitgħallmux dejjem iżjed inħobbu lil din l-Art tagħna.  Anki f’dan il-każ hu ta’ għajnuna għalija naħseb fl-isem ta’ Franġisku, li jgħallimna rispett profond għall-ħolqien kollu, kif inħarsu dan l-ambjent tagħna, li tant drabi ma nużawhx għall-ġid, imma nisfruttawh b’rebgħa u bi ħsara għal xulxin.

 

Għeżież Ambaxxaturi,

Sinjur,

Mill-ġdid grazzi għax-xogħol kollu li twettqu, flimkien mas-Segreterija ta’ l-Istat, biex tibnu l-paċi u l-pontijiet ta’ ħbiberija u ta’ fraternità.  Permezz tagħkom, nixtieq inġedded il-ħajr tiegħi lill-Gvernijiet tagħkom għas-sehem tagħhom fiċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni ta’ l-elezzjoni tiegħi, b’awgurju għal ħidma komuni li tħalli l-frott.  Alla li jista’ kollox iraxxax id-doni tiegħu fuq kull wieħed u waħda minnkom, fuq il-familji tagħkom u fuq il-popli li tirrappreżentaw.  Grazzi!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard