Ħuti Kardinali,

Dan iż-żmien iddedikat għall-Konklavi kellu sinifikat qawwi mhux biss għall-Kulleġġ tal-Kardinali, imma anki għall-fidili kollha.  F’dawn il-jiem stajna mmissu kważi b’idejna l-imħabba u s-solidarjetà tal-Knisja universali, kif ukoll l-attenzjoni ta’ tant persuni li, anki jekk ma jaqsmux magħna l-istess fidi, iħarsu b’rispett u ammirazzjoni lejn il-Knisja u s-Santa Sede.  Minn kull rokna tad-dinja telgħet bil-ħrara u f’vuċi waħda t-talba tal-Poplu Nisrani għall-Papa l-ġdid, u l-ewwel laqgħa tiegħi mal-ġemgħa li mliet Pjazza San Pietru kienet mimlija emozzjonijiet.  B’dik ix-xena impressjonanti tal-poplu miġbur fit-talb u fil-ferħ għadha ħajja f’moħħi, nixtieq nuri r-rikonoxxenza sinċiera tiegħi lejn l-Isqfijiet, is-saċerdoti, il-persuni kkonsagrati, iż-żgħażagħ, il-familji, u l-anzjani li kienu qrib tiegħi b’mod spiritwali, hekk imħeġġeġ u li jmiss il-qalb.

Inħoss il-bżonn li nesprimi l-gratitudni l-iżjed sħiħa u profonda tiegħi lejkom ilkoll, meqjuma u għeżież Ħuti Kardinali, għall-kollaborazzjoni żelanti fil-gwida tal-Knisja tul is-Sede Vakanti.  Lil kull wieħed minnkom nagħti t-tislima kordjali tiegħi, ibda mid-Dekan tal-Kulleġġ Kardinalizju, is-Sinjur Kardinal Angelo Sodano, li rroddlu ħajr għall-espressjonijiet ta’ devozzjoni u l-awguri mħeġġa li għaddieli f’isimkom.  Flimkien miegħu nirringrazzja lis-Sinjur Kardinal Tarcisio Bertone, Camerlengo ta’ l-Imqaddsa Knisja Rumana, għall-ħidma attenta tiegħu f’din il-fażi delikata ta’ bidla, u anki lill-għażiż Kardinal Giovanni Battista Re, li għamilha ta’ kap tagħna fil-Konklavi: grazzi kbir!  Ħsiebi jmur b’għożża speċjali lejn il-meqjuma Kardinali li, minħabba fl-età jew fil-mard, żgurawna mis-sehem tagħhom u mill-imħabba tagħhom lejn il-Knisja permezz ta’ l-offerta tat-tbatija u tat-talb.  U rrid naqsam magħkom li l-bieraħ tlula l-Kardinal Mejia kellu attakk tal-qalb: issa jinsab rikoverat f’Piju XI.  Imma naf li l-istat ta’ saħħtu hu stabbli, u bagħtilna t-tislijiet tiegħu.

Ma jistax jonqos li nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li, fid-diversi ħidmiet, ħadu sehem b’mod attiv fit-tħejjija u fl-iżvolġiment tal-Konklavi, u ffaċilitaw is-sigurtà u t-trankwillità tal-Kardinali f’dan iż-żmien hekk importanti għall-ħajja tal-Knisja.

Bi mħabba kbira u bi gratitudni profonda naħseb fil-Predeċessur meqjum tiegħi Benedittu XVI, li f’dawn is-snin ta’ Pontifikat tiegħu arrikkixxa u saħħaħ lill-Knisja bil-maġisteru tiegħu, bit-tjieba tiegħu, bil-gwida tiegħu, bil-fidi tiegħu, bl-umiltà tiegħu u bil-ħlewwa tiegħu.  Dawn sa jibqgħu wirt spiritwali għal kulħadd!  Il-Ministeru Petrin, li hu għex b’għotja sħiħa, sab fih interpretu għaref u umli, b’ħarstu dejjem iffissata fuq Kristu, Kristu Rxoxt, preżenti u ħaj fl-Ewkaristija.  Sa jibqgħu jakkumpanjawh dejjem it-talb imħeġġeġ tagħna, it-tifkira kollha ħrara tagħna, ir-rikonoxxenza dejjiema u kollha mħabba tagħna.  Inħossu li Benedittu XVI xegħel fjamma fil-fond ta’ qalbna: din sa tibqa’ ħajja għax sa tkun imħeġġa mit-talb tiegħu, li jkompli jsostni lill-Knisja fil-mixja spiritwali u missjunarja tagħha.

Għeżież Ħuti Kardinali, din il-laqgħa tagħna trid kważi tkun prolungament tal-komunjoni ekkleżjali intensa li għexna f’dan iż-żmien.  Immexxija minn sens profond ta’ responsabbiltà u msaħħa minn imħabba kbira lejn Kristu u lejn il-Knisja, tlabna flimkien, qsamna ma’ xulxin bħal aħwa s-sentimenti tagħna, l-esperjenzi u r-riflessjonijiet tagħna.  Hekk f’din il-klima kordjali kbira kotor l-għarfien reċiproku fejn imxejna b’qalb miftuħa ma’ xulxin; u dan hu tajjeb, għax aħna aħwa.  Xi ħadd qalli: il-Kardinali huma s-saċerdoti tal-Papa.  Dik il-komunità, dik il-ħbiberija, dak l-ambjent li fih konna hekk qrib ta’ xulxin huma ta’ ġid għalina lkoll.  U dan l-għarfien u dan il-ftuħ reċiproku għenuna nkunu iżjed doċli għall-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Hu, il-Paraklitu, hu l-protagonista suprem ta’ kull inizjattiva u manifestazzjoni ta’ fidi.  Kurjuża din: dan lili jġagħalni naħseb.  Il-Paraklitu joħloq id-differenzi kollha fil-Knisja, u donnu jidher bħal appostlu ta’ Babel.  Imma min-naħa l-oħra, Hu li jgħaqqad flimkien dawn id-differenzi kollha, mhux fl-“ugwalità”, imma fl-armonija.  Jiġini f’moħħi dak il-Missier tal-Knisja li kien jiddefenih hekk: “Ipse harmonia est”.  Il-Paraklitu hu dak li jagħti lil kull wieħed u waħda minna d-diversi kariżmi, jiġborna f’din il-komunità tal-Knisja, li tqim lill-Missier, l-Iben u lilu, l-Ispirtu s-Santu.

Nitlaq propju mir-rispett kolleġġjali awtentiku li jgħaqqad il-Kulleġġ tal-Kardinali biex nesprimi r-rieda tiegħi li naqdi l-Vanġelu bi mħabba mġedda, biex ngħin lill-Knisja ssir dejjem iżjed, fi Kristu u ma’ Kristu, id-dielja fertili tal-Mulej.  Imqanqlin ukoll miċ-ċelebrazzjoni tas-Sena tal-Fidi, ilkoll flimkien, Rgħajja u fidili, nagħmlu l-almu tagħna biex inwieġbu fedelment għall-missjoni tagħna sa minn dejjem: dik li nwasslu lil Ġesù Kristu lill-bniedem u nwasslu lill-bniedem għal-laqgħa ma’ Ġesù Kristu, it-Triq, il-Verità u l-Ħajja, realment preżenti fil-Knisja u ħaj il-lum f’kull bniedem.  Laqgħa bħal din twassalna biex insiru bnedmin ġodda fil-misteru tal-Grazzja, u tqajjem fir-ruħ dak il-ferħ Nisrani li jifforma l-mitt darba iżjed li jagħti Kristu lil min jilqgħu fl-eżistenza tiegħu.

Kif fakkarna kemm-il darba l-Papa Benedittu XVI fit-tagħlim tiegħu u, dan l-aħħar, b’dak il-ġest kuraġġjuż u umli tiegħu, hu Kristu li jiggwida lill-Knisja permezz ta’ l-Ispirtu tiegħu.  L-Ispirtu s-Santu hu r-ruħ tal-Knisja, bil-qawwa tiegħu li tagħti l-ħajja u ġġib l-għaqda: minn ħafna jagħmel ġisem wieħed, il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu.  Ma nċedu qatt għall-pessimiżmu, għal dak l-imrar li joffrilna kuljum ix-Xitan; ma nċedux għall-pessimiżmu u għall-qtigħ ta’ qalb: għandna ċ-ċertezza qawwija li l-Ispirtu s-Santu jagħti lill-Knisja, bin-nifs qawwi tiegħu, il-kuraġġ biex nipperseveraw u anki nfittxu metodi ġodda ta’ evanġelizzazzjoni, biex nistgħu nwasslu l-Vanġelu sat-truf l-aktar imbiegħda ta’ l-art (ara Atti 1:8).  Il-verità Nisranija hi attraenti u persważiva għax twieġeb għall-ħtieġa profonda ta’ l-eżistenza umana, tħabbar b’mod konvinċenti li Kristu hu l-Feddej waħdieni tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha.  Din l-aħbar tibqa’ valida l-lum daqskemm kienet fil-bidu tal-Kristjaneżmu, meta seħħet l-ewwel espansjoni missjunarja kbira tal-Vanġelu.

Għeżież Ħuti, kuraġġ!  Nofsna diġà jinsabu f’età avvanzata: ix-xjuħija hi – nieħu gost infissirha hekk – is-sede ta’ l-għerf tal-ħajja.  L-anzjani għandhom l-għerf miksub mill-mixja li għamlu fil-ħajja tagħhom, bħax-xwejjaħ Xmun, ix-xwejħa Anna fit-Tempju.  Kien sewwa sew b’dak l-għerf li għarfu lil Ġesù.  Ejjew nagħtu minn dan l-għerf liż-żgħażagħ: bħall-inbid it-tajjeb, li maż-żmien jitjieb iżjed, nagħtu l-għerf tal-ħajja liż-żgħażagħ tagħna.  Jiġini f’moħħi dak li kien jgħid fi xjuħitu poeta Ġermaniż: “Es ist ruhig, das Alter, und fromm”: hu ż-żmien tat-trankwillità u tat-talb.  U anki li nagħtu minn dan l-għerf liż-żgħażagħ.  Issa se tmorru lura fid-djoċesijiet rispettivi tagħkom biex tissoktaw bil-ministeru tagħkom, iġġorru l-għana ta’ l-esperjenza ta’ dawn il-ġranet, hekk mimlija bil-fidi u bil-komunjoni ekkleżjali.  Din l-esperjenza, unika u inkomparabbli, tatna l-opportunità li nilqgħu b’mod profond il-ġmiel kollu tar-realtà ekkleżjali, li hu mera tal-ġmiel ta’ Kristu Rxoxt: jum wieħed għad naraw dak il-wiċċ mimli ġmiel ta’ Kristu Rxoxt!

Nafda l-ministeru tiegħi u l-ministeru tagħkom fl-interċessjoni qawwija ta’ Marija, l-Omm tagħna, Omm il-Knisja.  Taħt il-ħarsa materna tagħha, kull wieħed minna jista’ jimxi hieni u doċli għal-leħen ta’ l-Iben divin tagħna, biex insaħħu l-għaqda, nipperseveraw flimkien fit-talb u nagħtu xhieda tal-fidi vera fil-preżenza kontinwa tal-Mulej.  B’dawn is-sentimenti – huma veri! – b’dawn is-sentimenti, nagħtikom minn qalbi l-Barka Appostolika tiegħi, li nestendi għall-kollaboraturi tagħkom u għall-persuni fdati fil-kura pastorali tagħkom.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard