DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU

 Fl-Ewwel Angelus Tiegħu

Pjazza San Pietru, il-Ħadd, 17 ta’ Marzu 2013.

 

Ħuti,  bonġu.

Wara l-ewwel laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa li għaddew, illum nista’ nwassal mill-ġdid it-tislima tiegħi lil kulħadd, u jiena kuntent li qed nagħmlu dan illum, il-Ħadd, f’jum il-Mulej.  Dan huwa sabiħ għalina l-insara, niltaqgħu l-Ħadd, insellmu lil xulxin, nitkellmu kif qed nagħmlu issa fil-pjazza, pjazza li grazzi għal media tikseb id-daqs tad-dinja.

F’dan il-ħames Ħadd tar-Randan, l-Evanġelju jippreżentalna l-episodju tal-mara adultera, li Ġesù jsalvha mill-kundanna tal-mewt.  Jolqotna l-atteġġjament ta’ Ġesù.  Ma nisemgħux kliem ta’ disprezz.  Ma nisemgħux kliem ta’ kundanna, imma biss kliem ta’ mħabba, ta’ ħniena, li jistiednu għall-konverżjoni, “Lanqas jien ma nikkundannak.  Minn issa ‘l quddiem tidnibx aktar.”

Ħuti, il-wiċċ ta’ Alla huwa wieħed ta’ ħniena, li dejjem għandu l-paċenzja.  Ħsibtu intom dwar il-paċenzja li għandu Alla?  Il-paċenzja li huwa jieħu b’kull wieħed minna.  U din hija l-ħniena tiegħu.  Dejjem jieħu paċenzja.  Jifhimna. Jistenniena. Jekk nagħrfu nduru lura lejh b’qalb niedma, huwa ma jgħijjiex jaħfrilna.  Jgħidilna s-Salm, “Il-ħniena tal-Mulej hija kbira”.

F’dawn il-jiem stajt naqra ktieb ta’ kardinal, il-Kardinal Kasper, teologu tal-affari tiegħu, teologu tajjeb, ktieb dwar il-ħniena.  U dal ktieb tant għamilli ġid.  Imma taħsbux li qed nagħmel riklam għall-kotba tal-Kardinali tiegħi.  Mhuwiex hekk.  Imma għamilli tant ġid, tant ġid.  Il-Kardinal Kasper jgħid li tħoss il-ħniena, din il-kelma tibdel kollox.   Huwa l-aħjar mod li nistgħu nħossuna: tibdel id-dinja.  Ftit ħniena tagħmel id-dinja anqas bierda u aktar ġusta. Għandna bżonn nifhmu tajjeb din il-ħniena ta’ Alla, dan il-Missier ħanin li tant għandu sabar.  Niftakru l-Profeta Iżaija li jafferma li anke jekk dnubietna jkunu ħomor bħal l-iskarlatt, l-imħabba ta’ Alla tagħmilhom bojod bħas-silġ.  Il-ħniena hija sabiħa.

Niftakar, kont għadni kif sirt Isqof fis-sena 1992, kienet ġiet Buenos Aires il-Madonna ta’ Fatima u kien hemm quddiesa kbira għall-morda.  U f’dik il-quddiesa kont mort inqarar.  U kważi fl-aħħar tal-quddiesa qomt, għax kelli mmur nagħmel Griżma.  U resqet lejja mara anzjana, umli, umli ħafna, kellha aktar minn tmenin sena.  Ħarist lejha, u għidtilha, “Nanna”, għaliex aħna hekk insejħulhom, nanna lill-anzjani, “Nanna, inti trid tqerr?”  U hi weġbitni, “Iva”.  “Imma jekk inti m’għandekx dnub?”  U hi qaltli, “Kollha għandna dnub.”  “Imma forsi l-Mulej ma ħafirhomx …”  “Il-Mulej jaħfer kollox” qaltli żgura minnha nfisha. “Imma, int kif taf, Sinjura?” “Kieku l-Mulej ma jaħfirx kollox, id-dinja ma tehżistix.” Kelli x-xewqa nistaqsiha, “Imma inti studjajt fil-Gregorjana?”, għaliex dak huwa l-għerf li jagħti l-Ispirtu s-Santu: l-għerf interjuri lejn il-ħniena ta’ Alla.  Ma ninsewx din il-kelma: Alla ma jgħejja qatt jaħfrilna, qatt! “Imma allura, Father, x’inhi l-problema?”  Eh, il-problema hi li aħna ngħejjew nitolbu maħfra. Ma għandna ngħejjew qatt, ma għandna ngħejjew qatt!  Huwa, il-Missier maħbub, li jaħfer dejjem, li għandu dik il-qalb ħanina għalina lkoll.  U anke aħna nitgħallmu nuru ħniena ma’ kulħadd.  Insejħu l-interċessjoni tal-Madonna, Ii kellha f’diragħha, il-Ħniena ta’ Alla magħmula bniedem.

Issa nitolbu lkoll flimkien, l-Angelus.

Saret it-talba tal-Angelus, u wara temm jgħid …

Insellem mill-qalb lill-pellegrini kollha.  Grazzi tal-merħba tagħkom u tat-talb tagħkom. Itolbu għalija, nitlobkom.  Inħaddan mill-ġdid lill-fidili ta’ Ruma u lilkom lkoll, li ġejjin minn partijiet differenti tal-Italja u tad-dinja, kif ukoll lil dawk li huma magħqudin magħna permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

Għazilt l-isem tal-patrun tal-Italja, San Franġisk ta’ Assisi, u dan isaħħaħ ir-rabta spiritwali tiegħi ma din l-art, fejn – kif intom tafu – għandi l-oriġni tal-familja tiegħi.  Imma Ġesù sejħilna biex inkunu parti minn familja ġdida: il-Knisja, f’din il-familja ta’ Alla, nimxu flimkien fit-triq tal-Evanġelju. Il-Mulej iberrikkom, il-Madonna tħariskom. 

Tinsewhx dan: Il-Mulej ma jgħejja qatt li jaħfer!  Huwa aħna li ngħejjew, li nitolbu maħfra.

Il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba!