ID-DONI TAL-ISPIRTU S-SANTU

IL-PJETA’ U L-BIŻA’ T’ALLA

Minn Dun Hector Scerri

 

Dawn iż-żewġ doni tal-Ispirtu s-Santu huma kumplimentari għal xulxin. Permezz tal-pjeta’, nikbru f’atteġġjament ta’ adorazzjoni lejk, Alla Missier. Nikbru fl-imħabba lejk u fl-għotja tagħna lilek, filwaqt li nagħrfu l-maesta’ divina tiegħek u nagħtuk il-ġieħ u l-qima li jistħoqqlok.

 

L-Ispirtu Qaddis jgħallimna kif dawn id-dispożizzjonijiet qaddisa jkunu f’armonija bejniethom fil-ħajja spiritwali tagħna.

 

Id-don tal-pjeta’ iqawwi l-qlub ta’ dawk kollha li ma’ San Pawl jistqarru b’umilta’ li “aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem” (Rum 8,26). Aħna u nħaddnu dan id-don fil-ħajja tagħna, nidħlu f’rabta aktar intima miegħek, Mulej. Qalbna tibda tħabbat f’sintonija mal-“qalb ħanina” (Lq 1,78) tiegħek. Insiru strumenti effikaċi f’idejk, u hekk, il-qaddej tiegħek “ikun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba” (2 Tim 3,17).

 

Fl-aħħarnett, meta nitkellmu dwar is-seba’ don tal-Ispirtu s-Santu, huwa importanti li nagħmlu distinzjoni bejn l-biża’ (servili) li ġej mill-kastig, u dik it-tarġa ogħla li hi l-biża’ filjali li jġiegħlna naħarbu d-dnub, għax dan joffendi lilek, Missier Qaddis.

 

Il-Kelma qaddisa tiegħek bosta drabi ssemmi dan id-don li bih l-Ispirtu jimliena b’atteġġjament ta’ reverenza quddiemek. Mas-salmista ntennu: “Il-biża’ tal-Mulej sinċier, u jibqa’ għal dejjem” (Salm 19,10), u mal-awtur sagru tal-ktieb tal-Proverbji ngħidu: “Il-biża’ tal-Mulej jobgħod il-ħażen” (Prov 8,13); “Il-biża’ tal-Mulej hu għajn tal-ħajja, bih wieħed jeħles mix-xibka tal-mewt” (Prov 14,27); u “Il-biża’ tal-Mulej hu l-bidu tal-għerf” (Prov 1,7). B’dan l-atteġġjament ġewwa fina u mwettqin b’dan id-don tiegħek, naslu biex induru lejk bi spirtu ta’ umilta’, ta’ reverenza u ta’ adorazzjoni, u nistqarru: “Min, Mulej, ma jibżax minn ismek, min ma jsebbħux?” (Apok 15,4).

 

Aqra u irrifletti:

“L-imħabba ta’ Alla ssawwbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5,5).

“Il-biża’ tal-Mulej hu tagħlim il-għerf; u biex tasal għall-ġieħ, trid tiċċekken” (Prov 15,33).

“Int turi l-qawwa t’Alla bis-seba’ doni tiegħek” (mill-Veni Creator).

“Agħti s-seba’ doni tiegħek lil min jimxi fidil miegħek u li fik jistrieħ kull ħin” (Mis-Sekwenza ta’ Pentekoste).