ID-DONI TAL-ISPIRTU S-SANTU

 

IL-QAWWA

Kitba ta' Dun Hector Scerri.

 

Minħabba n-natura dgħajfa tagħna, neħtieġu l-qawwa biex nagħmlu dak kollu li int Mulej trid minna. Permezz tad-don tal-qawwa, l-Ispirtu s-Santu jwettaqna fil-waqtiet diffiċli tal-ħajja u fil-provi li nħabbtu wiċċna magħhom. Missier Qaddis, Ibnek stess qal lill-Appostli tiegħu: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verita’” (Ġw 14,16-17).

 

Kemm neħtiġuh dan id-don! Aħna qaddejja dgħajfin li malajr jitfixklu. Iftħilna qalbna beraħ biex naħdmu miegħek, bik u għalik. Neħtieġu l-qawwa tiegħek biex inkunu strumenti skont qalbek fil-qadi tal-missjoni tiegħek fuq l-art. Huwa permezz tal-qawwa tiegħek li nitqaddsu u nidħlu aktar fil-fond tal-misteru tiegħek. Imbagħad, ma’ San Pawl nistgħu nistqarru: “Jiena ninżel għarkupptejja quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art, biex skont l-għana tal-glorja tiegħu, jagħtikom li bil-qawwa tiegħu permezz tal-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa” (Ef 3,14-16).

 

Mulej, Inti dejjem magħna, speċjalment meta nħossuna beżgħana u dgħajfa. Niftakru fil-kliem tiegħek lil Mose’ meta dan beża’ quddiem il-missjoni li kont qed tafdalu f’idejh: “Jiena nkun miegħek” (Es 3,12). Il-wegħda tiegħek timliena bil-kuraġġ. Ibnek stess ħeġġiġna biex ma naqtgħux qalbna fil-prova u fl-inċertezza: “Toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih” (Lq 21,14-15).

 

Imsaħħin bid-don tal-qawwa, nistgħu nistqarru flimkien ma’ Marija li Int, O Mulej, urejt il-qawwa ta’ driegħek fil-ħajja tagħna (ara Lq 1,51), u li magħna u permezz tagħna Int tagħmel ħwejjeġ kbar.

 

Aqra u irrifletti:

q L-Ispirtu s-Santu hu “l-Persuna-Mħabba, id-Don mhux maħluq, l-għajn tal-għotjiet kollha li jiġu minn Alla fl-ordni tal-ħolqien, il-prinċipju dirett u, b’xi mod, is-suġġett tal-għoti tiegħu nnifsu ta’ Alla fl-ordni tal-grazzja” (Ġwanni Pawlu II, q q q Enċiklika Dominum et Vivificantem (1996), par.50).

“Int Difensur u Faraġ, id-don ta’ Alla l-Għoli, għajn, ħajja, nar, imħabba, u qawwa tar-ruħ tagħna” (mill-Veni Creator).

q “Fehimni biex inħares il-liġi tiegħek u nagħmilha b’qalbi kollha” (Salm 119,34).