ID-DONI TAL-ISPIRTU S-SANTU

L-GĦERF

Minn Dun Hector Scerri.

 

Mulej,

“Ibgħat l-għerf mis-smewwiet imqaddsa,

ibagħtu mit-tron glorjuż tiegħek,

biex jieqaf miegħi fit-tħabrik tiegħi,

ħa nkun naf sewwa x’inhu li jogħġob lilek” (Għerf 9,10).

 

Mulej Missier Qaddis, nirringrazzjawk ta’ dan id-don. Bih aħna nistgħu niggustaw dak kollu li hu tiegħek. Id-don tal-għerf li int tagħtina permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħek mhuwiex biss għarfien tal-misteru tiegħek, imma jimliena wkoll bil-għatx għall-preżenza tiegħek fil-ħajja tagħna. Dan id-don jagħtina l-forza biex inwieġbu għat-tweġiba tas-Salmista meta jistqarr: “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej” (Salm 34,8). Għinna biex nagħżlu lilek fuq kollox u qabel kollox. Permezz tad-don tal-għerf li sawwabt fina, Int tagħtina l-għajnuna fid-dixxerniment tagħna, kemm personali kif ukoll komunitarju. Iddawwalna biex fil-ħajja tagħna nagħtu l-ewwel post lir-rabta tagħna miegħek.

 

Missier Qaddis, permezz ta’ dan id-don, int tħeġġiġna biex nagħżlu, bla dewmien, li naqduk b’qalb kbira u fidila. Timliena bil-ħerqa biex nistqarru: “Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti… Għax jum wieħed fit-Tempju tiegħek aħjar minn elf jum f’post ieħor” (Salm 84,1.10). Id-don tal-għerf ikabbar fina x-xewqa li nidħlu f’intimita’ akbar miegħek, b’mod li nfittxu l-wisa’, it-tul, l-għoli u l-fond ta’ mħabbtek għalina (ara Ef 3,18). Għaldaqstant, meta nħaddmu dan id-don, nistgħu nwieġbu b’disponibilta’ akbar għall-imħabba li sawwabt fina, bis-saħħa tal-Ispirtu tiegħek (ara Rum 5,5 u 8,11).

 

Mulej, niżżuk ħajr tad-don tal-għerf. Bih int timla l-qalb tagħna b’dik il-paċi interjuri li tagħti int biss, dik il-paċi li nġarrbu minkejja t-taqbida tagħna mal-ħalel li hemm fina u fid-dinja. Dan id-don iwassalna biex induqu l-qawwa setgħana tal-kelma tiegħek “li taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar… u tagħraf il-fehmiet u l-ħsibijiet tal-qalb (Lhud 4,12). L-istess Spirtu Qaddis tiegħek li nebbaħ il-kitba tal-Iskrittura, inebbaħ ukoll lilna biex nifhmu l-Kelma tiegħek u napplikawha għall-ħajja tagħna llum, u għall-ħajja tal-bnedmin li niltaqgħu magħhom jew li jfittxu l-għajnuna tagħna.

 

Missier Qaddis, iftħilna beraħ il-qalb tagħna għad-don tal-għerf tiegħek. Agħmel li dan id-don iwettaqna, aħna u nwieġbu għall-kliem ta’ Ibnek Ġesu’: “Min jieħdu l-għatx jiġi għandi u jixrob… Min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7,37-38).