MIN HU DUN VICTOR GRECH ...

Monsinjur Victor Grech twieled f’Bormla fl-1929; iggradwa fl-Arti u fit-Teoloġija mill-Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fl-1956 u serva bħala Viċi-Rettur tas-Seminarju (1956-1962) u Rettur tas-Seminarju (1962-1977).
Fiż-żmien illi fih Dun Victor kien Rettur tas-Seminarju għen biex titwaqqaf il-komunità tas-Saċerdoti Maltin fil-Brazil, kif ukoll ħadem mill-qrib ma’ Monsinjur J. Dellaport biex jinfetaħ is-Seminarju tal-Ewropa f’Maastricht.
Dun Victor għallem l-Omeletika għal bosta snin fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta kif ukoll kien jagħti lectures kull ġimgħa fuq temi soċjali lill-istudenti f’Mater Admirabilis Training College.
Fl-1977 inħatar Delegat tal-Arċisqof fis-Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità tal-Knisja u Direttur tal-Caritas Malta (1977-2014). Huwa waqqaf l-Aġenzija Caritas, il-Fondazzjoni għal Persuni bil-problema tal-Użura, u l-Fondazzjoni għar-Riabilitazzjoni Residenzjali, u fetaħ Erba’ Ċentri Residenzjali u Outreach Centre. Huwa ppromova fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja programmi ta’ prevenzjoni mid-droga u korsijiet ta’ tagħrif edukattiv għall-ġenituri (Social & Life Skills).
Dun Victor kien membru tal-Eżekuttiv tal-Caritas Europa u tal-Caritas Internationalis għal tmin snin u huwa magħruf mill-Caritas Europa bħala wieħed mill-Founding Fathers.
Fl-1990 inħatar bħala Kanonku tal-Kapitlu tal-Katidral u serva bħala President tal-Kapitlu għal tmin snin. Dawn l-aħħar snin qed jagħti servizz regulari fil-parroċċa tal-Ibraġ.
Għal 40 sena Dun Victor kien ixandar kull ġimgħa programm fuq issues soċjali fuq Radju Malta, u għal 10 snin fuq ir-Radju tal-Knisja (RTK). F’dawn l-aħħar 4 snin qed jagħti taħdita kull xahar fuq Radju Marija.
Dun Victor ippubblika tlett kotba u kien imfittex minn bosta żgħażagħ għall-Eżerċizzi tar-Randan.
Dun Victor irċieva l-Premju ta’ Ċittadin tal-Ewropa mill-Parlament Ewropew fl-2012 u nħatar Membru, u konsekuttivament Uffiċjal tar-Repubblika ta’ Malta, għas-sehem tiegħu fil-qasam soċjali.