DUN VICTOR: IS-SAĊERDOT QRIB IL-POPLU

3 ta’ Ottubru 2014

37 sena Direttur tal-Caritas u 37 sena Delegat tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u tal-Arċisqof Pawlu Cremona, O.P., għas-Servizzi Soċjali u ta’ Karità fid-Djoċesi ta’ Malta. ’Il fuq minn 50 sena xandar bi programmi regolari fuq ir-radju. Bniedem li ma ddejjaqx imur kontra l-kurrent, inkluż fuq suġġetti bħalma huma l-problema tad-droga, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-paga ġusta.

Dun Victor Grech tkellem ma’ Melvic Zammit u fost l-oħrajn ta ħarsa lejn is-servizz li offra fil-komunità matul is-snin. Madwar mejda fit-terrazzin tal-Knisja tal-Ibraġ iddiskutew l-iżviluppi li għaddejjha minnhom is-soċjetà. Fost l-oħrajn appella għal soċjetà aktar ġusta u s-sehem tal-Knisja f’soċjetà sekularizzata.

Kif qed tħossok issa li temmejt il-kariga tiegħek bħala Direttur tal-Caritas?

Inħossni tajjeb. Fil-ħajja mdorri ma nħarisx lura. Wara 20 sena fit-tmexxija tas-Seminarju u 37 sena fit-tmexxija tal-Caritas, illum inħossni liberu minn dawn iż-żewġ impenji kbar u nipprova nagħmel xi ħaġa ġdida.  Bħalissa qed inqaddes kuljum fil-Knisja tal-Ibraġ.  Jiġu ħafna nies għall-qrar u għall-counselling. Bqajt nara ħafna nies.

Qed indur mal-affarjiet tiegħi għaliex f'dawn l-aħħar 37 sena, speċjalment wara li spiċċajt mill-Caritas, kelli bżonn niġbor dak kollu li għaddejt minnu. Għandi ħafna kitbiet imxerdin u qed nipprova niġborhom flimkien. Bħalissa qed jiġi ppreparat ktieb illi se joħroġ ftit tal-ġimgħat oħra. Din se tkun ġabra minn kontributuri li jafuni.

Minn fejn beda kollox?

Fl-1977, l-Arċisqof Ġuzeppi Mercieca għażilni biex inkun Direttur tal-Caritas Malta u bħala Delegat tiegħu għas-Servizzi Soċjali u ta’ Karità fid-Djoċesi ta’ Malta.

Ħassejt il-ħtieġa li nibda dan ix-xogħol bi grupp ta’ voluntieri. Niftakar kont għamilt appell fir-Randan ta’ dik is-sena li jekk hemm xi żgħażagħ li jridu jagħmlu xi xogħol bħala voluntieri soċjali jikkuntattjawni. Kienu kellmuni lura mijiet ta’ żgħażagħ u għażilt 20 minnhom.  Dawn kienu l-ewwel pilastri tal-volontarjat soċjali fil-Caritas Malta. Dawn in-nies ħarriġthom, il-grupp beda jikber, in-numru tela’ għal 100, saru 120 u bdejt indaħħal in-nies bil-mod il-mod biex inrawwimhom spiritwalment u soċjalment. Ġibt anke nies minn barra biex jgħinuni fit-taħriġ ta’ dawn iż-żgħażagħ. Għad għandi xi wħud minn dawn il-voluntieri li għadhom miegħi sa llum. Illum il-Caritas topera b’75 ħaddiem fuq bażi full-time u part-time minbarra l-voluntieri.

Ħsibt ukoll biex fl-iskejjel noħloq programm ta’ prevenzjoni u edukazzjoni. Dan kien jinkludi għarfien ta’ ħiliet ta’ kif wieħed għandu jgħix fil-ħajja soċjali.

Il-problemi mhux biss smajthom imma ħassejthom u allura stajt ngħin lill-persuni vulnerabbli b'kull mezz. Fost il-programmi li offriet l-Caritas matul dawn l-aħħar 37 sena kien hemm madwar 20-il servizz differenti. Dawn kienu frott il-fatt li widnejna kienu dejjem mal-art. Smajna l-qarba tan-nies u ħloqna servizzi adekwati għall-ħtiġijiet tan-nies mingħajr dupplikazzjoni ta’ servizzi.

Fl-1985 ħloqna ċentri ta' rijabilitazzjoni  li sa dak iż-żmien ma kinux jeżistu. Illum il-ġurnata hawn ħames ċentri differenti. Ħloqt firxa ta' servizzi biex ngħinu l-familji, speċjalment persuni li jidħlu fil-vizzji, bħall-alkoħol, l-użura, l-HIV/A.I.D.S. u s-self harm. Bdejna noffru wkoll servizz ta' counselling. Kont bdejt waħdi nisma’ lin-nies.  Meta bdew jersqu aktar nies, waqaft tim professjonali ta’ counsellors u social workers biex jgħinuni.

X’impatt ħallew is-servizzi li bdew jiġu offruti?

Meta tkun għaddej minn mument ikrah fil-ħajja u tkun taf fejn għandek tħabbat u jekk fejn tħabbat, jiftħulek, jilqgħuk, jisimgħuk u jippruvaw jgħinuk fil-problemi li jkollok, se tagħmillek differenza kbira fil-ħajja.

Is-servizzi li toffri l-Caritas huma b'xejn. Dawn jinkludu wkoll is-servizzi offruti miċ-ċentri ta' rijabilitazzjoni. Aħna qed noffru wkoll servizzi b’xejn fit-tul għax ċerti nies ma jiġux ifittxu l-għajnuna darba f’ħajjithom.

Kont ukoll xandar. Kien jagħtik sodisfazzjon dan l-irwol?

Kelli karriera twila fix-xandir għal ħamsin sena. Kelli programm regolari fil-ġimgħa. Permezz tax-xandir kont inkun qrib in-nies. Ix-xandir huwa wieħed mill-akbar mezzi utli biex wieħed jikkomunika man-nies u n-nies jikkomunikaw magħna.

Qatt ma ddejjaqt toħroġ għonqok kontra l-kurrent inkluż dwar suġġetti ta' tabù. X’ġiegħlek ma tibqax lura?

Fejn kien hemm bżonn ma ddejjaqtx nimxi kontra l-kurrent. Meta nara li tqum issue ta' natura soċjali fost in-nies dejjem tkellimt fuqha. Jekk wieħed iħares lejn il-ħamsin sena ta' xandir, dejjem missejt suġġetti li jaħirqu u li xi kultant mhux kulħadd jieħu gost li nsemmihom però ħassejt li tajjeb li wieħed jirrifletti ftit fuqhom.

Fost is-suġġetti kontroversjali li ġieli ħloqt diskussjoni dwarhom kien hemm il-problema tad-droga, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-bżonn ta’ paga ġusta, l-inugwaljanzi soċjali.

Fost il-persuni li kien hemm fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħek kien hemm persuni li jabbużaw mid-droga. X’inhi l-perspettiva tiegħek dwar dawn il-persuni?

Nemmen li jekk bniedem daħal fil-problema tad-droga, mhux se tfejqu billi titfgħu l-ħabs għax dan ma jagħtihx rijabilitazzjoni. Nemmen li l-ħabs mhix soluzzjoni għal dawn in-nies. Dawn ma jkollhomx biss problema ta' droga. Ikollhom problema ta' saħħa mentali, ta' emozzjonijiet u problemi familjari. Il-problema tad-droga hija biss il-wiċċ ta' dak li jkunu għaddejjin minnu.

Idejjaqni l-fatt li persuni li jkunu għaddejjin minn programm ta’ rijabilitazzjoni għad għandhom stigma fuqhom. Bniedem li jlesti b’suċċess il-programm, ħafn drabi meta jiġi biex japplika għax-xogħol isib il-bibien magħluqa.

Dawn għandhom bżonn rijabilitazzjoni integrali li twassalhom mhux biss sal-bieb ta’ barra tal-Caritas imma li tgħinhom jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjetà u jħossuhom ċittadini produttivi u parteċipattivi.

Għaddejja d-diskussjoni dwar jekk għandhiex tkun dikriminalizzata l-cannabis. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar dan?

Ma naqbilx magħha. Għandna studji ċari dwar l-effetti ħziena li tista’ tħalli l-cannabis fuq is-saħħa mentali. Inħoss li din għandha tibqa’ illegali għaliex għandha impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem. Min jinqabad jabbuża m’għandux jingħata piena iżda opportunità biex jirrijabilita ruħu. Meta tillegalizzaha tkun qed tberikha.

Fid-diskorsi tiegħek tenfassizza u tappella għall-soċjetà iktar ġusta. X’tifhem b’dan il-kunċett u kif tixtieq tarah li jitħaddem fil-prattika?   

F'soċjetà ġusta ż-Żgħir għandu jkun identifikat, stmat, mogħti akkoljenza u opportunitajiet indaqs biex ikun jista' jgħix ħajja denja ta' bniedem. Biż-Żgħir ma nifhimx biss it-tfal iżda wkoll min għandu dħul insuffiċjenti biex jakkwista baskett ta’ oġġetti u servizzi essenzjali biex jgħix ħajja denja ta’ bniedem.

F'dawn l-aħħar 50 sena gvernijiet suċċessivi ġabu bidliet kbar fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, iżda għadhom jinħassu ħafna inugwaljanzi soċjali u għamliet ta' dipendenza illi juri illi ż-Żgħir għadu mhuwiex mgħejjun biżżejjed biex itejjeb il-qagħda tiegħu u jkun jista' joffri futur sabiħ lil uliedu.

Ħadd m'għandu jħossu minsi, imwarrab jew fit-trufijiet tas-soċjetà, jew isir dipendenti mill-benefiċċji soċjali. F'soċjetà b'ekonomija żviluppata m'għandux ikun hawn 23.1% tat-tfal fir-riskju tal-faqar. Jekk mar-riskju tal-faqar inżidu l-esklużjoni soċjali, din ir-rata titla' għal 30.9% tat-tfal.  Xi kwalità ta' protezzjoni u żvilupp personali qegħdin nagħtu lil dawn it-tfal?  X'futur għandhom?

Il-ġid komuni mhux biss irid jitkattar fil-pajjiż, iżda huwa meħtieġ illi t-tqassim tal-ġid komuni jkun ġust. U biex id-distribuzzjoni tal-ġid komuni jkun ġust irid jilħaq lil kulħadd. Ħadd m'għandu jitrejjaq bil-loqom li jaqgħu minn fuq il-mejda.

Wara l-pubblikazzjoni tal-Green Paper mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, nistenna bil-ħerqa l-White Paper illi toffri rimedji konkreti biex jitnaqqas il-faqar u jintrefgħu l-persuni u familji minn kategoriji vulnerabbli tas-soċjetà billi jkollhom dħul deċenti biex jgħixu ħajja denja ta' bnedmin. Infaħħar l-isforzi li qed isiru.

Hawn madwar 93,000 persuna li fattwalment jgħixu fir-riskju tal-faqar jew f'deprivazzjoni materjali u soċjali jekk ninkludu wkoll dawk li jbatu minn esklużjoni soċjali. F'Malta għadna m'armonizzajniex l-interessi tas-setturi differenti tas-soċjetà ma' dak li titlob il-ġustizzja.

<><><><><>3 ott2014

Il-paga minima hija ġusta?

Paga minima mhix paga ġusta. Stħarriġ illi kien sar mill-Caritas fl-2011, illi fih tħaddem il-Budget Standard Approach, kien ġie kkalkulat id-dħul minimu neċessarju sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-bżonnijiet u s-servizzi essenzjali biex bniedem jgħix ħajja diċenti. Kien stmat illi għal-livell ta' għajxien minimu familja b'żewġt itfal teħtieġ dħul ta' €10,634 fis-sena jew €886 fix-xahar. Mill-banda l-oħra, koppja anzjana tkun tenħtieġ €6,328 fis-sena jew €527 fix-xahar. Dan l-istudju tal-Caritas kien ġie ppreżentat lill-kabinett tal-Ministri, lill-Imsieħba Soċjali u lis-Soċjetà Ċivili.

Illum nistgħu ngħidu illi min jgħix bil-paga minima nazzjonali biss huwa fir-riskju tal-faqar. Hawn madwar 8,000 persuna f'Malta illi qegħdin jippruvaw jgħixu fuq il-paga minima nazzjonali.

Skont rapport mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tal-2012 kien stmat illi kien hawn 1 minn kull 3 itfal jgħixu fir-riskju ta' faqar u wieħed minn kull 5 anzjani jgħixu wkoll fir-riskju tal-faqar.

Jekk inħarsu lejn l-istima tad-dħul essenzjali għal ħajja diċenti nagħrfu illi l-paga minima tinħass li hija paga inġusta għal-lum, paga inadekwata illi ma toffri l-ebda stabbilità lill-familji u ebda futur lit-tfal.

Mal-inċentivi u inizjattivi mill-Gvern biex sal-aħħar tal-2015 22,000 joħorġu mir-riskju tal-faqar, il-paga minima għandha tkun supplimentata minn pakkett ta' għajnuna finanzjarja maħsuba apposta biex tgħin lil min jibqa' taħt.

Mill-1991 iż-żieda fil-paga minima nazzjonali baqgħet marbuta biss mar-rata tal-inflazzjoni u qatt ma kkunsidrat fatturi oħra, bħat-tkattir tal-produttività u t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. U lanqas ma baqgħet aġġornata ma' bidliet fl-ispejjeż bażiċi tal-familji Maltin, ladarba ċertu prodotti u servizzi ma kinux jeżistu, jew ma kinux jeżistu fl-istess intensità, meta twaqqfet il-paga minima nazzjonali fl-1974, bħal l-użu tal-internet u apparat elettroniku, bħal kompjuters u freezers. Din id-differenza waslet biex il-paga nazzjonali l-lum ma tasalx biex tassigura ħajja diċenti.

Ma taħsibx li għad hawn parti mis-soċjetà li hija dipendenti wisq fuq il-Welfare State?

Huwa ċar li rridu nibdew naħsbu, b’urġenza kbira, dwar dan. Ma nafx kemm se jkun possibbli li l-benefiċċji soċjali, il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni b’xejn, fost oħrajn, jibqgħu sostenibbli, speċjalment meta għandek 25% tal-popolazzjoni li għandha ’l fuq minn sittin sena.

X’taħseb li hi s-soluzzjoni?

Żieda fid-dħul tal-pajjiż permezz ta’ produttività, kompetittività akbar, nuqqas ta’ burokrazija. Hemm bżonn li l-poplu jkollu ħiliet ikbar biex tikber il-kapaċità li nipproduċu u nbiegħu. Biex dan isir irid ikollok nies li għandhom ċerti ħiliet adattati għat-teknoloġija tal-lum, bieżla u mħarrġin tajjeb. L-edukazzjoni hija fattur importanti biex tagħmel il-ħajja iżjed sostenibbli.  

Kemm jiflaħ idum sostenibbli il-Welfare State?

Huwa magħruf li jingħataw b'€7,000 kuljum f’benefiċċji soċjali lill-persuni mingħajr impjieg. Dawn il-flus jistgħu jitħaddmu mod ieħor billi jinsabu alternattivi għall-impjieg illi jerfgħu d-dinjità tal-persuna biex il-bniedem ma jħossux qed jieħu biss iżda qed jagħti wkoll xi ħaġa lura.  Nagħraf ukoll li jkun hemm nies li ma jistgħux iżommu impjieg minħabba d-diżabilitajiet li jkollhom.  Jinkwetani wkoll il-fatt li persuni b’diżabilità jieħdu biss 55% tal-paga minima.

Jidher li fil-baġit li ġej, il-Ministru tal-Finanzi qed jaħseb biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali.  Ħerqan biex inkun naf kif ser titnaqqas din id-dipendenza.

Kif rajtha tinbidel is-soċjetà matul is-snin?

Is-soċjetà nbidlet u hija xi ħaġa sabiħa li nbidlet għax il-ħajja hija moviment kontinwu. Innutajt bidla fl-attitudnijiet u l-modi ta' għajxien. Il-pajjiż għamel progess.  Għandna ekonomija stabbli u l-livell tal-edukazzjoni tjieb.

Dahri kien hawn iktar stabbilità. Il-familja kienet aktar stabbli. Illum tara ġenerazzjonijiet telgħin li għandhom ħafna kwalitajiet sbieħ b'tfal iktar intelliġenti però fl-istess ħin m'għandhomx l-istess valuri sodi li kellna qabel.

X’għandu jkun l-irwol tal-Knisja fis-soċjetà tal-lum?

Il-Knisja ma tistax titkellem biss fuq l-aspett spiritwali tal-bniedem. Il-persuna umana hija ħaġa iktar komplessa, mhux spirtu biss. Meta jkun hemm issues ta’ natura soċjali, l-Knisja għandha d-dmir li titkellem minkejja li jista’ jkun hemm min ma jaqbilx magħha.

X’qed iwassal għal nuqqas ta’ żgħażagħ mill-popolazzjoni tal-Knisja?

Ħafna żgħażagħ għadhom iħossuhom parti mill-Knisja iżda għandhom ħafna pressjonijiet u distrazzjonijiet. Mhumiex nies ħżiena. Niltaqa’ ma’ ħafna żgħażagħ, inkluż ma’ dawk li ma jisimgħux quddies kull nhar ta’ Ħadd. Minix ngħid li jagħmlu tajjeb imma fil-fond ta’ qalbhom ikollhom valuri tajbin ħafna però ħafna drabi qed jitilfu l-interess.

It-tort jista’ jkun tagħna s-saċerdoti, f’ċerti każi, li ma nressqux l-Evanġelju lejn il-ħajja reali li jgħixu n-nies.  Biex dan isir, is-saċerdot għandu jkun eqreb lejn in-nies speċjalment lejn min hu fit-trufijiet tas-soċjetà. In-nies għadhom ifittxu saċerdot li jgħid kelma tajba. Il-Knisja trid taħdem iktar fuq il-mod ta’ kif ixxandar u twassal il-Kelma t’Alla fid-dinja tallum. 

3ott2014