L

A

I

K

0

S

 

 

Il-Ħadd, 7 ta' Awwissu 2016

Id-Dsagħtax-il Ħadd Matul is-Sena (Sena Ċ). Riflessjoni fuq l-Evanġelju ta' San Luqa (12:32-48) minn Dun Pawl Camilleri. Video iffilmjat u editjat minn George Palmier. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta.

F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll."

"Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. 

Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! 
Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta' daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem."

"Mulej," qallu Pietru, "din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?" 

Wieġbu l-Mulej: "Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f'ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f'idejh. 

Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f'qalbu, 'Sidi jiddawwar ma jiġi,' u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f'jum meta ma jkunx jistennieh, f'siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li m'humiex fidili. 

U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla'. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. 

Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f'idejh, iżjed jippretendu mingħandu.