Il-Lenti Mirakoluża
Il-Ħadd, 14 ta'
Diċembru 2014:
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu
Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed
għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni
ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed
għad-dawl.
Ix-xhieda ta' Ġwanni kienet din: meta l-Lhud
ta' Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u
Leviti biex jistaqsuh, "Int min int?", hu
stqarr bla ma ċaħad: "Jien m'iniex
il-Messija." Huma reġgħu staqsewh: "Mela min
int? Elija?" "M'iniex," qalilhom. "Int
il-Profeta?" "Le," weġibhom. Mbagħad qalulu:
"Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk
li bagħtuna. Min tgħid li int?" U hu wieġeb
kif qal il-profeta Isaija: “Jiena leħen ta’
wieħed jgħajjat fid-deżert. Wittu t-triq
tal-Mulej.”
Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa
tal-Fariżej. Huma staqsewh: "Mela kif
qiegħed tgħammed la m'intix il-Messija, u la
Elija u lanqas il-Profeta?" "Jiena ngħammed
bl-ilma," weġibhom Ġwanni, "imma f'nofskom
hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej
warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll
il-qafla tal-qorq tiegħu."
Dan ġara f'Betanja, in-naħa l-oħra
tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed. |