"Warrbu dawn minn hawn, u dar
Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!"
Il-Ħadd, 9 ta' Novembru 2014:
Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela'
Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ
barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien
bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt
mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll 'il barra
mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom;
xerred il-flus ta' dawk li kienu jsarrfu, u
qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa
tal-ħamiem qalilhom: "Warrbu dawn minn hawn,
u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!"
Id-dixxipli ftakru f'dak li kien hemm miktub
fl-Iskrittura, "Il-ħeġġa għal darek fnietni.'
Mbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: "X'sinjal se
turina li inti tista' tagħmel dan?" Ġesù
weġibhom: "Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt
ijiem nerġa' ntellgħu." Għalhekk il-Lhud
qalulu: "Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin
sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt
ijiem?" Iżda hu tkellem fuq it-tempju
tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet,
id-dixxipli tiegħu ftakru f'dan li kien qal,
u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien
qal Ġesù.
Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid,
kien hemm ħafna li emmnu f'ismu billi raw
is-sinjali li kien jagħmel. |