Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

Diskors tal-Onor Prim Ministru

Dr Lawrence Gonzi

dwar l-Enċiklika,

Caritas in Veritate.

SEMINAR DWAR L-ENĊIKLIKA TAL-PAPA BENEDITTU XVI

 CARITAS IN VERITATE

 IL-ĠIMGĦA,  20 TA’ NOVEMBRU 2009

 
Eċċellenza,
Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,


L-impenn għall-iżvilupp Soċjo-ekonomiku f’Malta fid-Dawl tal-Enċiklika “Caritas in Veritate”


A. INTRODUZZJONI

Nixtieq nirringrazzja lill-Fondazzjoni Pro Pontifice Centesimus Annus għall-istedina li għamluli biex nikkummenta dwar l-ittra enċiklika tal-Papa Benedettu XVI, Caritas in Veritate fil-kuntest tal-iżvilupp soċjo-ekonomiku li nixtiequ għal pajjiżna.

Qabel nagħmel dan ippermettuli nsellem lill-Papa Ġwanni Pawlu II, il-kittieb tal-enċiklika ċ-Centesimus Annus li tati l-isem lill-Fondazzjoni tagħkom. Dik l-enċiklika kienet ippubblikata fl-għeluq il-mitt sena mill-ewwel enċiklika soċjali kbira tad-dinja moderna, jiġifieri r-Rerum Novarum. Minn dakinhar Papiet differenti komplew joħorġu enċikliki u dokumenti oħra li fihom żviluppaw it-tagħlim soċjali tal-knisja. Jien kelli ċ-ċans niltaqa’ mal-Papa Ġwanni Pawlu II li kien l-ewwel Papa li żarna.  Kont tħoss il-kariżma u l-qawwa spiritwali ta’ dan il-bniedem. F’dawn il-ġranet fakkarna l-20 anniversarju mill-waqgħa tal-Komuniżmu u ftakarna li dan il-Papa kbir ta kontribut sostanzjali għal din il-waqgħa.

Il-memorja ta’ dan il-Papa kbir tibqa’ mnaqqxa f’qalbna u fil-paġni ta’ l-istorja tal-Ewropa.

 

B. IN-NIES TAL-KNISJA U N-NIES TAL-POLITIKA

Illejla ser nitkellmu dwar ix-xogħol ta’ Papa li se jżurna dalwaqt. Din hija żjara mistennija ħafna iżda l-valur tagħha jista joħroġ fil-beraħ jekk ir-riflessjoni fuq it-tagħlim tiegħu tgħinna nifhmu aħjar ir-realtà li ngħixu fiha.

F’dinja li għada muġugħa minħabba l-kriżi finanzjarja li ġabet riċessjoni globali li qatt ma rajna bħalha, hu inevitabbli – anzi hu vitali – li lkoll nieqfu nirriflettu biex niskopru mill-ġdid il-pedamenti tagħna bħala soċjetà moderna li trid tipprova ssib is-soluzzjoni għall-isfidi ġodda li tfaċċaw f’dawn l-aħħar żminijiet. Fi kliem ieħor tfaċċat opportunità biex nirriflettu dwar x’għandhom ikunu l-valuri li għandhom jiggwidawna fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jindirizzaw l-bżonnijiet taż-żminijiet tal-lum.

Il-Papa Benedettu, b’din l-enċiklika tiegħu, qed ikompli r-rikkezza tat-tradizzjoni tal-enċikliki soċjali tal-Knisja. L-Enċiklika “Caritas in Veritate” toħroġ b’mod ċar kif il-Papa jara r-relazzjoni partikulari li għandu jkun hemm bejn ir-rwol li għandhom in-nies tal-Knisja u dak tan-nies li qegħdin fil-politika fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku.

Dan il-punt jolqotni direttament u personalment.

B’mod sempliċi din ir-relazzjoni nista’ niddeskriviha b’dan il-mod:

It-tnejn qegħdin hemm għas-servizz tal-bnedmin iżda dan is-servizz jagħmluh b’modi differenti minn xulxin. Ir-rwol tan-nies tal-Knisja huwa li jipproponu viżjoni wara li jirriflettu fuq ir-realtà umana fid-dawl tal-tagħlim tal-Vanġelu.  Il-Papa jagħmilha ċara li l-Knisja toffri viżjoni u mhux soluzzjonijiet tekniċi; anzi jżid li l-Knisja xejn ma tippretendi li tindaħal fil-politika tal-istati individwali (Caritas in Veritate, para 9).

Mill-banda l-oħra, ir-rwol tan-nies tal-politika huwa li joffru viżjoni u jsibu soluzzjonijiet tekniċi u politiċi. L-enfasi hawnhekk hi fuq it-tliet kelmiet:  “soluzzjonijiet”, “tekniċi” u “prattiċi”. Il-missjoni diffiċli tagħna l-politiċi hi li nħaddmu l-arti tal-possibbli u mhux tat-teoriji, tax-xewqat snieħi, tal-ħolm li qatt ma jista’ jsir realtà. Aħna nippruvaw nieħdu l-aħjar deċiżjoni fiċ-ċirkustanzi konkreti u fil-posibbiltajiet reali li jkollna quddiemna. Mhux dejjem ikun possibbli nieħdu d-deċiżjoni ideali. Kemm-il darba nkunu rridu nimxu fuq il-prinċipju tal-gradwalità: jiġifieri nagħmlu l-aħjar fiċ-ċirkustanzi mingħajr ma nippreġudikaw il-possibbiltà li ‘l quddiem – jekk jinbidlu ċ-ċirkustanzi - intejbu dak li jkun possibbli li jsir illum.

Dawn ir-rwoli huma kumplimentari għal xulxin. Minn naħa waħda l-ħidma iebsa biex jinstabu soluzzjonijiet tekniċi trid tkun imnebbħa minn viżjoni inkella tkun qisha ġisem mingħajr ruh. Min-naħa l-oħra t-tfassil tal-viżjoni jrid ikun ankrat fir-realtà tas-sitwazzjoni partikulari inkella tkun biss xewqa pija bil-periklu li x’aktarx tkun irrelevanti.  Il-Papa Benedittu qagħad ħafna attent għal dan meta kiteb din l-Enċiklika. Fil-fatt, il-Papa ittardja b’xhur il-ħruġ tal-Enċiklika biex, flimkien mad-diversi esperti li ħadem magħhom, ikun jista’ jirrifletti fuq il-kriżi kbira ekonomika kurrenti li kienet bdiet taħkem id-dinja u fuq il-ħafna effetti li ħalliet anke fuq il-qasam soċjali.

Fit-tfittxija għas-soluzzjonijiet tekniċi, kif għidt, il-politiċi jridu jitmexxew minn viżjoni. Il-viżjoni li jħaddan il-Gvern tiegħi hija viżjoni ispirata mit-tagħlim soċjali nisrani żviluppat tant tajjeb minn Bendittu XVI. Fost il-valuri li tħaddan din il-viżjoni insibu s-servizz tal-bniedem u l-iżvilupp integrali tiegħu, l-għarfien tad-dinjità ta’ kull bniedem indipendentement minn kwalunkwe kundizzjoni jew orjentament tiegħu, il-ħarsien tad-dritt tal-ħajja sa’ mill-bidu nett tagħha, l-importanza tal-familja, is-sussidjarjetà u s-solidarjetà anke mal-ġenerazzjonijiet futuri, id-distinzjoni bejn il-Knisja u l-istat, it-tkattir tal-ġid komuni u r-rispett sħiħ lejn dawk li ma jaqblux ma’ din il-viżjoni iżda li, bħall-insara, huma membri tal-istess stat.

 

C. IS-SOLUZZJONIJIET MHUMIEX FAĊLI

Is-sejbien u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi u politiċi mhumiex faċli għax min-natura tal-affarijiet jiġri li aktar ma nersqu lejn id-dettalji prattiċi aktar insibu diverġenzi leġittimi kemm bejn in-nies li jħaddnu din il-viżjoni, kif ukoll insibu aktar nies li għalkemm igħixu fl-istess  soċjetà jħaddmu viżjoni differenti għal progress ta’ din is-soċjetà.

Għalhekk fost l-aktar għodod importanti li rridu nużaw biex il-viżjoni li nixtiequ li tmexxi s-soċjetà tagħna nittraduċuha fil-konkret insibu d-djalogu, it-tolleranza, ir-riflessjoni approfondita fuq is-sitwazzjoni reali u, fuq kollox, is-serenità li tkun ġejja minn atteġġjament ta’ servizz leali lejn il-ġid komuni.

Mingħajr it-tħaddim ta’ dawn l-għodod, diffiċli li nsibu terren komuni bejnietna u li fuqu nkunu nistgħu nibnu ġejjieni aħjar.


D. ŻEWG PUNTI

Fid-dawl ta’ dan, illejla nixtieq naqsam ftit ħsibijiet magħkom dwar żewġ oqsma li bħalissa jinsabu fuq nett tal-aġenda politika u nazzjonali.  Dawn huma l-ekonomija u l-immigrazzjoni.

1. Ekonomija u xogħol.

James Carville, l-istrateġista tal-President Amerikan Clinton baqa’ magħruf għall-frażi: “It’s the economy stupid”. B’din il-frażi ried ifisser li l-ekonomija għandha importanza fuq kollox.

Benedittu XVI jurina l-limitazzjoni ta’ din il-pożizzjoni u jagħtina viżjoni oħra tal-ekonomija u tal-mod kif għandna nħarsu lejha. Nitlobkom tippermettuli nikkwota minn paragrafu 36 fejn il-Papa jisfida b’mod dirett din il-pożizzjoni:

“L-attività ekonomika ma tistax issolvi l-problemi soċjali kollha billi sempliċiment tapplika l-loġika kummerċjali.  Din (l-ekonomija) jeħtieġ li tkun diretta lejn il-kisba tal-ġid komuni, li għalih il-komunità politika għandha tidhol responsabbli.  Għalhekk wieħed għandu jżomm f’moħħu li meta l-azzjoni ekonomika, meqjusa biss bħala l-magna għall-ħolqien tal-ġid, tinfired mill-azzjoni politika, meqjusa bħala l-mezz biex tinkiseb il-ġustizzja permezz tar-ridistribuzzjoni, jinħolqu żbilanċi kbar.”

Għalhekk, il-Papa jkompli li “L-ekonomija teħtieġ l-etika biex taħdem tajjeb – mhux kull etika iżda etika li ċ-ċentru tagħha huwa l-bniedem.” (Caritas in Veritate, para 45)

Fi kliem sempliċi, huwa żbaljat min jirraġuna li “business is business” u allura hu żbaljat min taħt din l-iskuża falza tas-suq isuq, jaħbi l-fatt ta’ inġustizzji, riskji bla rażan, sfruttament insensat ta’ assi ta’ ħaddieħor  u rgħiba sħiħa għall-profit mingħajr ebda rażan u mingħajr ebda ħsieb lejn il-konsegwenzi.

Dan hu, fl-opinjoni tiegħi, x’wassal għar-rovina li d-dinja kellha tgħaddi minnha waqt ir-riċessjoni ta’ bħalissa.

F’din il-perspettiva l-ekonomija, minn xjenza mibnija fuq għodda teknika ssib sies fl-antropoloġija u allura titrasforma ruħha f’viżjoni partikulari tas-soċjetà. Il-Papa jkompli jtambar fuq din il-viżjoni fejn l-ekonomija, il-politika u l-bqija tal-ħidma umana jkunu għas-servizz tal-bniedem. Jgħidilna li jeħtieġ nagħrfu li l-progress li jsir biss mil-lat ekonomiku u politiku mhux biżżejjed (Caritas in Veritate, para. 23):

“Jeħtieġ nagħrfu li l-progress li jsir mil-lat ekonomiku u teknoloġiku mhux biżżejjed. Jeħtieġ li l-iżvilupp ikun qabel xejn veru u sħiħ.  Il-ħruġ min-nuqqas ta’ progress ekonomiku, ħaġa fiha nfisha pożittiva, ma jsolvix il-problema  kumplessa tal-promozzjoni tal-bniedem…”

Dan ifakkarni fl-aspetti li aħna spiss niddeskrivu b’frażijiet bħal “corporate social responsibility”; “social market economy”,  “soċjetà inklussiva” u frażijiet oħra bħal dawn li jirriflettu l-ġid komuni f’ekonomija mibnija fuq il-kunċett tas-suq ħieles.

Biex il-progress ikun veru u sħiħ, il-bniedem irid jitpoġġa fuq quddiem nett. F’appell li jagħmel lill-Gvernijiet “impenjati fit-tkabbir tal-ġid ekonomiku u soċjali tad-dinja” l-Papa jgħid li

“l-kapital ewlieni li għandhom iħarsu u jivvalutaw huwa l-bniedem. Il-persuna umana fis-sħuħija tagħha. Il-bniedem huwa l-awtur, iċ-ċentru u l-għan tal-ħajja ekonomika-soċjali kollha.” (Caritas in Veritate, para 25)

Il-ġid komuni jseħħ biss meta l-ekonomija, bħall-bqija tal-attivita umana, tkun għas-servizz tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha.

Għal darb oħra, l-isfida quddiemna l-politiċi hija li nsibu s-soluzzjoni teknika kif din il-viżjoni npoġġuha fil-prattika. Insemmi żewġ affarijiet: waħda dwar metodu u l-oħra dwar il-kontenut.

Nibda minn dik tal-aħħar.

L-ekonomija tkun tassew għas-servizz tal-bniedem meta toħloq ix-xogħol li l-Papa jikkwalifikah bil-kelma “xieraq”. Il-Gvern f’diversi dokumenti tiegħu jiddeskrivieh bħala “aktar xogħol u xogħol aħjar”. Mingħajr dan it-tip ta’ xogħol id-dinjità tal-bniedem u l-kwalità tal-ħajja li jistħoqqlu jgħix ikunu mhedda.

Fil-kriżi ekonomika internazzjonali li għaddejjin minnha l-Gvern għamel għażla ċara u fundamentali favur is-salvagwardja tax-xogħol u l-ħolqien ta’ aktar xogħol xieraq.

Importanti huwa l-metodu li jintuża biex l-ekonomija tkun għas-servizz tal-ġid komuni minflok għat-tisħiħ tal-ġid settorjali u b’konsegwenza tkun għal akbar servizz tal-bniedem (Caritas in Veritate, para. 7).

Metodu ewlieni li qed juża l-Gvern immexxi minni huwa l-metodu tad-djalogu strutturat fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. L-esperjenza uriet li f’dan il-Kunsill l-elementi differenti li jirrappreżentaw is-soċjetà tagħna jaħdmu flimkien biex il-ġid komuni jisseddaq. F’dan il-Kunsill tinġabar f’post wieħed rikkezza enormi ta’ esperjenzi, expertise u fuq kollox rieda li nimxu ‘l quddiem flimkien.

It-tfassil tal-baġit li ġie preżentat wera kif id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali jasal biex iġib il-quddiem miżuri li jsaħħu l-ekonomija b’risq il-bniedem.


2. L-immigrazzjoni

Hemm suġġett ieħor li jsemmi l-Papa u li jolqot mill-qrib l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tagħna. Anke dan is-suġġett jippreżupponi viżjoni tas-soċjetà u soluzzjonijiet tekniċi. Qed nirreferi għall-problemi marbuta mal-immigrazzjoni li l-Papa jsejħilha bħala “fenomenu soċjali li qed isawwar l-epoka” (Caritas in Veritate , para. 62).

Il-politika tal-Gvern tiegħi fuq dan is-suġġett ilha mibnija fuq il-preżuppost li jsemmi l-Papa, jiġifieri li din il-problema tista’ tissolva biss b’kooperazzjoni internazzjonali b’saħħitha għax l-ebda pajjiż ma għandu jkun mistenni li jsolvi l-problemi tal-emigrazzjoni waħdu. Ħdimna u qed naħdmu  fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet tal-Nazzjonijiet Uniti biex is-soluzzjoni internazzjonali li aħna nixtiequ u li jirreferi għalija l-Papa tinstab.

Bħal Papa, aħna dejjem sostnejna li “kull emigrant huwa bniedem li hu mogħni b’jeddijiet fundamentali inaljenabbli li għandhom ikunu rrispettati minn kulħadd u f’kull ċirkustanza.” (Caritas in Veritate, para 62).

Jien nixxokkja ruħi meta naqra l-kummenti li jinkitbu fil-blogs dwar dan is-suġġett. Il-livell ta’ razziżmu, intolleranza u animożità lejn dawn il-persuni li huma bnedmin bħalna iżda li għandhom ħafna problemi aktar minna huwa tal-biża. Meta naqra dawn il-kummenti nsaqsi x’ġara mill-valuri tal-ospitalità u l-imħabba lejn l-imġarrba li sawru lil dan il-pajjiż.

B’dan ma rridx nidher li qed innaqqas mit-toqol tal-problema għall-pajjiżna. L-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea tista’ tgħinna ntaffu t-toqol finanzjarju waqt li t-toqol soċjali jista’ jittaffa mis-sistema edukattiva tagħna u mis-soċjetà ċivili – fuq quddiem nett il-Knisja - li għandhom jgħinu lill-poplu tagħna jifhem aktar dawn il-persuni li jiġu minn kulturi differenti minn tagħna u jgħinhom imorru lil hinn mill-isterjotipi li ħafna drabi jitkattru minn nuqqas ta’ tagħrif u mill-biżà. It-toqol ta’ din il-problema jiżdied jekk diżgrazzjatament tinbidel f’ballun politiku.

 

E. HEMM ISSUES OĦRA

Hemm issues oħra li qed niddiskutu f’pajjiżna bħalissa u li l-Papa Benedittu jittratta fl-Enċiklika tiegħu.  Dawn jinkludu l-familja u l-bioetika.  Dawn iż-żewġ oqsma huma fundamentali għas-soċjetà. Il-problemi mqajma dwarhom f’soċjetà li dejjem issir iżjed pluralistika qed isiru aktar komplessi.

Aħna nemmnu fil-valur enormi tal-familja, kemm għas-socjetà kif ukoll għal individwi li jiffurmawha.  Id-dmir tagħna huwa li nħarsuha u nsaħħuha.  Nemmnu wkoll li ż-żwieġ huwa l-aħjar pedament għall-familja. Madanakollu hawn ir-realtà li hemm żwiġijiet li jfallu u nies li jagħżlu li jsawru familja mingħajr żwieġ.  X’għandna nagħmlu quddiem ir-realtà?  Kif se nħarsu d-drittijiet ta’ dawk li huma vulnerabbli f’dawn is-sitwazzjonijiet?

Nemmnu wkoll fil-protezzjoni tal-ħajja umana f’kull mument tagħha, sa mill-bidu nett.  Mill-banda l-oħra t-teknoloġija qed tiżviluppa u ninsabu f’sitwazzjoni fejn kollox hu permessibbli minħabba nuqqas ta’ provvedimenti leġislattivi.  Fil-konkret x’għandha tkun il-pożizzjoni tagħna?

Għalhekk waqqafna l-Kumitat tal-Parlament dwar l-prokreazzjoni assistita.

Is-soluzzjonijiet mhux faċli iżda l-ħarba mir-realtajiet preżenti lanqas ma hija s-soluzzjoni.

 

F. APPELL LILL-FONDAZZJONI

Bdejt billi irringrazzjajt lill-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontefice għall-istedina li għamiltuli. Kien tajjeb li tajtu lilna l-politiċi l-possibbiltà li ngħidulkom x’naħsbu. Nixtieq nispiċċa billi nagħmlilkom appell.

Jien nixtieq li fondazzjonijiet bħal tagħkom jew kummissjonijiet oħra fi ħdan il-Knisja jgħidu huma x’jaħsbu dwar l-impenn għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku f’Malta fid-dawl ta’ din l-enċiklika. Dan isir billi tikkummissjonaw studji tekniċi dwar kif aspetti tas-soċjetà tagħna u l-istrutturi ekonomiċi u soċjali tagħha jistgħu jiddawlu minn din l-enciklika. Qed inkun speċifiku. Mhux qed ngħid rapporti b’opinjonijiet iżda qed nirreferi għall-studji tekniċi u approfonditi dwar kif l-enċiklika tista’ tkun tradotta għas-sitwazzjoni tagħna. Naf li f’dawn l-aħħar snin kien hemm xi kummissjonijiet tal-Knisja li ppubblikaw studji interessanti. Iżda naħseb li dawn huma, kif jgħidu l-Ingliżi, few and far between.  Umilment nissuġġerixxi lill-Knisja f’Malta biex tikkummissjona aktar minn dawn l-istudji. Dawn l-istudji għandhom iżewġu flimkien il-viżjoni ta’ żvilupp sħiħ tal-bniedem flimkien mas-sitwazzjoni konkreta ta’pajjiżna.

Studji bħal dawn jipprovdu leħen importanti għas-soċjetà tagħna u jservu biex it-tagħlim soċjali tal-Knisja ma jibqax donnu xi ħaġa li tinżamm sigrieta. Il-pubblikazzjoni ta’ studji bħal dawn ikunu ta’ servizz li l-Knisja tagħti lis-soċjetà fl-imħabba u fil-verità.
 

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta