Kwotazzjonijiet mill-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Christus vivit - Kristu jgħix.

Minn Paragrafu 125.  Hu jgħix ... dan mhux xi eżempju tal-passat.

Hu jgħix! Hemm bżonn niftakruh spiss dan, għax inkella nirriskjaw li lil Ġesù Kristu narawh biss bħala eżempju tajjeb tal-passat, bħala tifkira, bħala xi ħadd li salvana elfejn sena ilu. Dan ma jkun jiswielna għal xejn, iħallina kif konna qabel, ma jeħlisniex.

Biex iż-żgħożija tilħaq l-għanijiet tagħha fil-mixja ta’ ħajtek, trid tkun żmien ta’ għotja ġeneruża. (#108)

Jekk int żagħżugħ fl-età, imma tħossok dgħajjef, għajjien u deluż, itlob lil Ġesù jġeddek hu. (# 109)

Iż-żgħożija hi żmien imbierek għaż-żagħżugħ u barka għall-Knisja u għad-dinja. (# 135)

L-isbaħ ħolm inwettquh bit-tama, is-sabar u t-tħabrik, u mhux bl-għaġla. (#142)

Imqar jekk tiżbalja, dejjem tista’ terġa’ tgħolli rasek u tibda mill-ġdid, għax ħadd m’għandu l-jedd li jisraqlek it-tama. (# 142)

Tifxlux il-ferħ ma’ sufan u tgħaddux ħajjitkom kollha quddiem skrin. (# 143)

Issieltu b’risq il-ġid komuni, kunu qaddejja tal-foqra, kunu protagonisti tar-rivoluzzjoni tal-imħabba u tal-qadi, kapaċi tirreżistu l-mard tal-individwaliżmu konsumista u superfiċjali. (# 174)

Jekk nimxu flimkien, żgħażagħ u anzjani, kapaċi nniżżlu għeruqna sew fil-preżent u, minn din il-pożizzjoni, inżuru kemm l-imgħoddi u kemm il-ġejjieni. (# 199)

Nitolbu lill-Mulej jeħles lill-Knisja minn dawk li jridu jxejħuha, iżommuha mwaħħla fil-passat, iwaqqfuha, ma jħalluhiex tiċċaqlaq. (# 35)

Tħallux li oħrajn ikunu l-protagonisti tal-bidla flokkom! Intom dawk li għandhom il-futur f’idejhom! Permezz tagħkom jidħol il-futur fid-dinja. (# 174)

Il-Knisja hi bħal kenura, fejn l-anzjani jgħinu biex tinżamm ir-rotta t-tajba billi jaqraw il-kwiekeb, u ż-żgħażagħ jaqdfu b’saħħithom kollha huma u jistħajlu x’hemm jistenniehom iktar ’il quddiem. (# 201)

Il-vokazzjoni hi mixja li torjenta ħafna sforzi u ħafna azzjonijiet lejn direzzjoni ta’ qadi. (# 255)

Tant drabi, fil-ħajja, naħlu l-ħin nistaqsu lilna nfusna: “Imma jien min jien?”. Int tista’ toqgħod tistaqsi lilek innifsek min int u tgħaddi ħajtek kollha tfittex min int. Imma staqsi lilek innifsek: “Għal min jien?”   (# 286)

Knisja li dejjem ħa tara kif tiddefendi ruħha, li tinsa l-umiltà, li ma tibqax tisma’, li ma tħallix lil min jisfidaha, titlef iż-żgħożija tagħha u tinbidel f’mużew.  (# 41)

Qabelxejn lil kull persuna nixtieq insemmgħalha din l-ewwel verità: “Alla jħobbok”. Jekk din diġà smajtha, ma jimpurtax, nixtieq infakkarhielek: Alla jħobbok. Qatt tiddubitah dan, jiġri x’jiġri fil-ħajja. F’kull ċirkustanza, int maħbub bi mħabba bla tarf.  (# 112)

Il-ħażen m’għandux l-aħħar kelma. Lanqas f’ħajtek il-ħażen mhu ħa jkollu l-aħħar kelma, għax il-Ħabib tiegħek li jħobbok irid jittrijonfa fik. Il-Feddej tiegħek ħaj. (# 126)

Il-ħbieb fidili, li nsibuhom qrib tagħna fil-waqtiet ibsin, huma mera tal-imħabba tal-Mulej, tal-faraġ tiegħu u tal-preżenza kollha mħabba tiegħu. (# 151)

Ma tistax issir qaddis u ma tistax tilħaq il-milja tiegħek jekk toqgħod tikkopja lill-oħrajn. U lanqas li tixbah lill-qaddisin ma jfisser tikkopja l-mod kif huma kienu u għexu l-qdusija. (# 162)

Issir qaddis ifisser issir dejjem iżjed b’mod sħiħ dak li inti, dak li Alla ried joħlom u joħloq, u mhux fotokopja.   (# 162)

Hemm ġmiel tal-għaġeb fil-komunjoni tal-familja miġbura madwar il-mejda u fil-ħobż maqsum b’ġenerożità, imqar jekk il-mejda hi fqira ħafna. (# 183)

Hemm ġmiel fil-mara miżżewġa b’xagħarha żgarfat u xi ftit imdaħħla fiż-żmien li tkompli tieħu ħsieb ta’ żewġha marid imqar jekk hi stess hi xiplija u bla saħħa. (# 183)

Minkejja li r-rebbiegħa tan-namur ilha li għaddiet, hemm ġmiel fil-fedeltà tal-koppji li jinħabbu fil-ħarifa tal-ħajja u f’dawk ix-xwejħa li jimxu jżommu jdejhom f’ta’ xulxin. (# 183)

Hemm ġmiel li jmur lil hemm mid-dehra jew mill-estetika tal-moda f’kull raġel u f’kull mara li jgħixu bi mħabba l-vokazzjoni personali tagħhom, fil-qadi diżinteressat lill-komunità, lil pajjiżhom, fix-xogħol ġeneruż għall-kuntentizza tal-familja, impenjati fil-ħidma iebsa, anonima u b’xejn, biex iġeddu l-ħbiberija soċjali. (# 183)

Aħna msejħin mill-Mulej biex nieħdu sehem fl-opra ħallieqa tiegħu, billi noffru sehemna b’risq il-ġid komuni skont il-ħiliet li rċivejna. (# 253)

Għeżież żgħażagħ, il-Knisja għandha bżonn tal-qabża tagħkom, tal-intuwizzjonijiet tagħkom, tal-fidi tagħkom. Għandna bżonnhom! U meta taslu hemm fejn aħna għadna ma wasalniex, ħudu paċenzja stennewna. ( # 299)