Sinteżi tal-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali tal-Papa Franġisku, Christus vivit
 
Christus vivit – Kristu jgħix
 
“Kristu jgħix. Hu t-tama tagħna u l-isbaħ żgħożija ta’ din id-dinja. Dak kollu li jmiss isir żagħżugħ, jiġġedded, ifur bil-ħajja. Għalhekk, l-ewwel kelmiet li nixtieq illissen lil kull żagħżugħ Nisrani huma: Hu jgħix u jridek ħaj!”.
 
Hekk tiftaħ l-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit ta’ Franġisku, iffirmata t-Tnejn 25 ta’ Marzu fid-Dar Imqaddsa ta’ Loreto u indirizzata “liż-żgħażagħ u lill-poplu kollu ta’ Alla”. Fid-dokument, magħmul minn disa’ kapitli mqassma f’299 paragrafu, il-Papa jfisser kif ħalla “jnebbħu l-għana tar-riflessjonijiet u tad-djalogi tas-Sinodu” taż-żgħażagħ, iċċelebrat il-Vatikan f’Ottubru 2018.
 
L-ewwel kapitlu: “X’tgħid il-Kelma ta’ Alla dwar iż-żgħażagħ?”
Franġisku jfakkar li “fi żmien fejn iż-żgħażagħ ftit li xejn kienu jiswew, xi kitbiet juruna kif Alla jħares lejhom b’għajnejn differenti” (6) u jippreżenta fil-qosor figuri ta’ żgħażagħ mit-Testment il-Qadim: Ġużeppi, Gidgħon (7), Samwel (8), is-Sultan David (9), Salamun u Ġeremija (10), ix-xebba qaddejja Lhudija ta’ Nagħman u ż-żagħżugħa Rut (11). Imbagħad jgħaddi għat-Testment il-Ġdid. Il-Papa jfakkarna li “Ġesù, l-eternament żagħżugħ, irid jagħtina qalb dejjem żagħżugħa” (13) u jżid: “Ninnutaw li Ġesù ma kienx jogħġbu l-fatt li l-adulti kienu jħarsu bi stmerrija lejn dawk l-aktar żgħażagħ jew b’mod despotiku jżommuhom għall-qadi tagħhom. Bil-maqlub, kien jitlob: ‘L-akbar fostkom għandu jġib ruħu tal-iżgħar wieħed’ (Lq 22:26). Għalih, l-età ma kinitx tistabbilixxi l-privileġġi, u li wieħed kellu età iżgħar ma kienx ifisser li kien jiswa inqas”. Franġisku jafferma: “M’għandux għax jiddispjaċina li nqattgħu ż-żgħożija tagħna fit-tjieba, billi niftħu qalbna għall-Mulej, ngħixu b’mod differenti” (17).
 
It-tieni kapitlu: “Ġesù Kristu dejjem żagħżugħ”
Il-Papa jaffronta t-tema tas-snin taż-żgħożija ta’ Ġesù u jfakkarna fir-rakkont evanġeliku li jpinġi lin-Nazzarenu “fil-qalba tal-adolexxenza tiegħu, meta reġa’ lura mal-ġenituri tiegħu f’Nazaret, wara li kienu tilfuh u reġgħu sabuh fit-Tempju” (26). Ma rridux naħsbu, jgħid Franġisku, li “Ġesù kien xi adolexxent solitarju jew żagħżugħ li kien jaħseb biss fih innifsu. Ir-relazzjoni tiegħu man-nies kienet dik ta’ żagħżugħ li kien jaqsam fil-ħajja kollha ta’ familja intergrata tajjeb fir-raħal”, “ħadd ma kien iżommu b’żagħżugħ stramb jew maqtugħ mill-oħrajn” (28). Il-Papa jinnota li Ġesù adolexxent, “grazzi għall-fiduċja tal-ġenituri tiegħu… iħossu liberu li jitħarrek u jitgħallem jimxi mal-oħrajn kollha” (29). Dawn l-aspetti tal-ħajja ta’ Ġesù ma għandhomx jiġu injorati fil-pastorali maż-żgħażagħ, “biex ma noħolqux proġetti li jiżolaw liż-żgħażagħ mill-familja u mid-dinja, jew li jibdluhom f’minoranza magħżula u attenta li ma tmurx tittieħed mix-xejriet ta’ barra”. Imma għandna bżonn ta’ “proġetti li jsaħħuhom, iseħbuhom u jwassluhom għal-laqgħa tagħhom mal-oħrajn, għall-qadi ġeneruż, il-missjoni” (30).
 
Ġesù “lilkom, żgħażagħ, ma jdawwalkomx mill-bogħod jew minn barra, imma ibda mill-istess żgħożija tiegħu, li hu jaqsam magħkom” u fih nistgħu nagħrfu l-bosta aspetti tipiċi tal-qlub żgħażagħ (31). Qrib “tiegħu nistgħu nixorbu mill-għajn vera, li żżomm ħajja l-ħolmiet tagħna, il-proġetti tagħna, l-ideali kbar tagħna, u li tindirizzana lejn it-tħabbira ta’ ħajja li hi ta’ min jgħixha” (32); “il-Mulej qed isejħilna biex nixegħlu kwiekeb fil-lejl ta’ żgħażagħ oħra” (33).
 
Għalhekk Franġisku jitkellem fuq iż-żgħożija tal-Knisja u jikteb: “Nitolbu lill-Mulej jeħles lill-Knisja minn dawk li jridu jxejħuha, iżommuha mwaħħla fil-passat, iwaqqfuha, ma jħalluhiex tiċċaqlaq. Nitolbuh anki jeħlisha minn tentazzjoni oħra: li temmen li hi żagħżugħa għax tbaxxi rasha għal dak kollu li d-dinja toffrilha, li temmen li tiġġedded jekk taħbi l-messaġġ tagħha u tinħeba qalb il-kotra. Le. Hi żagħżugħa meta tkun dak li tassew hi, meta tirċievi l-qawwa tagħha dejjem ġdida mill-Kelma ta’ Alla, mill-Ewkaristija, mill-preżenza ta’ Kristu u tal-qawwa tal-Ispirtu tiegħu kuljum” (35).
 
Huwa minnu li “aħna l-membri tal-Knisja ma rridux inkunu strambi”, imma fl-istess waqt “irid ikollna l-kuraġġ li nkunu differenti, li nikxfu ħolm ieħor li din id-dinja ma toffrix, li nagħtu xhieda tal-ġmiel tal-ġenerożità, tas-servizz, tas-safa, tal-qawwa, tal-maħfra, tal-fedeltà għall-vokazzjoni tagħna, tat-talb, tat-taqbida għall-ġustizzja u l-ġid komuni, tal-imħabba għall-foqra, tal-ħbiberija soċjali” (36). Il-Knisja tista’ tiġi ttentata titlef il-ħeġġa tagħha u tfittex “ċertezzi mondani foloz. Huma proprju ż-żgħażagħ li jistgħu jgħinuha tibqa’ żagħżugħa” (37).
 
Il-Papa mbagħad jirritorna għal tagħlim li għalih hu fost l-egħżeż u, biex ifisser li hemm bżonn nippreżentaw il-figura ta’ Ġesù “b’mod attraenti u effikaċi”, jgħid: “Għalhekk hemm bżonn li l-Knisja ma tkunx ħsiebha żżejjed fiha nfisha, imma tirrifletti fuq kollox lil Ġesù Kristu. Dan ifisser li tagħraf b’umiltà li hemm xi affarijiet konkreti li jeħtieġ jinbidlu” (39).
 
Fl-Eżortazzjoni jingħad li hemm żgħażagħ li jħossu li l-preżenza tal-Knisja “tagħtihom fastidju u ddejjaqhom”. Atteġġjament li għandu għeruqu “wkoll f’raġunijiet serji u li jixirqilhom ir-rispett tagħna: l-iskandli sesswali u ekonomiċi; in-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-ministri ordnati li ma jafux jaqraw kif jixraq is-sensibbiltà taż-żgħażagħ; ir-rwol passiv li jingħataw iż-żgħażagħ fi ħdan il-komunità Nisranija; il-Knisja li ssibha bi tqila tagħti raġuni lis-soċjetà għall-pożizzjonijiet duttrinali u etiċi tagħha” (40).
 
Hemm żgħażagħ li “jixtiequ Knisja li tisma’ iżjed, li ma toqgħodx il-ħin kollu tikkundanna lid-dinja. Ma jridux jaraw Knisja siekta u najxa, imma lanqas waħda dejjem fi gwerra minħabba f’żewġ temi jew tlieta li bihom hi ossessjonata. Biex tkun kredibbli f’għajnejn iż-żgħażagħ, xi drabi jkun hemm bżonn terġa’ tumilja ruħha u sempliċiment tisma’, tagħraf f’dak li jgħidu oħrajn dawl li jista’ jgħinha tiskopri aħjar il-Vanġelu” (41). Ngħidu aħna, Knisja li tibża’ żżejjed tista’ tkun il-ħin kollu kritika “fil-konfront tad-diskorsi kollha fuq id-difiża tad-drittijiet tan-nisa u trid turi l-ħin kollu r-riskji u l-iżbalji li jista’ jġib miegħu t-tiftix ta’ dawn id-drittijiet”, waqt li Knisja “ħajja tista’ tirreaġixxi billi tagħti attenzjoni lit-tiftix leġittimu tad-drittijiet tan-nisa”, imqar jekk “ma taqbilx ma’ dak kollu li jipproponu ċerti gruppi femministi” (42).
 
Franġisku għalhekk jippreżenta lil “Marija, ix-xebba ta’ Nazaret”, u l-iva tagħha bħala dik “ta’ min irid iċappas idejh u jirriskja, ta’ min irid jilgħab kollox, mingħajr garanzija oħra ħlief iċ-ċertezza li taf li hi qed iġġorr fiha wegħda. U jien nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom: tħossu li qed iġġorru fikom wegħda?” (44). Għal Marija, “id-diffikultajiet ma kinux raġuni biex tgħid ‘le’” u bl-involviment tagħha saret “l-‘influencer’ ta’ Alla”. Il-qalb tal-Knisja hi wkoll mimlija b’żgħażagħ qaddisin. Il-Papa jfakkar f’San Bastjan, San Franġisk ta’ Assisi, Santa Giovanna d’Arc, il-Beatu martri Andrew Phû Yên, Santa Kateri Tekakwitha, San Duminku Savio, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, il-Beatu Ceferino Namuncurá, il-Beatu Isidoro Bakanja, il-Beatu Pier Giorgio Frassati, il-Beatu Marcel Callo, u l-Beata żagħżugħa Chiara Badano.
 
It-tielet kapitlu: “Intom l-illum ta’ Alla”
Franġisku jafferma li ma nistgħux nillimitaw ruħna u ngħidu li “ż-żgħażagħ huma l-futur tad-dinja: huma l-preżent, qed jagħnuh bil-kontribut tagħhom” (64). Għalhekk jeħtieġ nisimgħuhom imqar jekk “xi drabi tipprevali t-tendenza li nipprovdu tweġibiet prekonfezzjonati u riċetti lesti, mingħajr ma nħallu joħorġu l-mistoqsijiet taż-żgħażagħ fl-aspett ġdid tagħhom u nilqgħu l-provokazzjoni tagħhom” (65).
 
“Illum aħna l-adulti qed nirriskjaw li nagħmlu lista ta’ diżastri, ta’ difetti taż-żgħażagħ ta’ żmienna… Xi jkun ir-riżultat ta’ dan l-atteġġjament? Distanza dejjem ikbar bejnietna” (66). Min hu msejjaħ ikun missier, ragħaj u gwida taż-żgħażagħ għandu jkollu l-ħila “jindividwa mixjiet fejn oħrajn qed jaraw biss ħitan, jilmaħ possibbiltajiet fejn oħrajn jaraw biss perikli. Hekk hi l-ħarsa ta’ Alla l-Missier, li kapaċi jivvalorizza u jkabbar iż-żerriegħa li hemm fil-qalb taż-żagħażagħ. Għalhekk il-qalb ta’ kull żagħżugħ għandha titqies ‘art qaddisa’” (67). Franġisku jżid jistedinna biex ma niġġeneralizzawx, għax “teżisti pluralità ta’ dinjiet taż-żgħażagħ” (68).
 
Huwa u jitkellem fuq minn xiex jgħaddu ż-żgħażagħ, il-Papa jiftakar fiż-żgħażagħ li jgħixu f’kuntesti ta’ gwerra, dawk sfruttati u vittmi ta’ ħtif, kriminalità organizzata, traffikar ta’ bnedmin, jasar u sfruttament sesswali, stupri. U anki dawk li jġarrbu atti kriminali u vjolenzi (72). “Ħafna żgħażagħ huma ideoloġizzati, strumentalizzati u użati bħala laħam tal-priża u bħala għodda biex teqred, tbeżża’ jew tirredikola lill-oħrajn. U l-agħar ħaġa hi li ħafna jinbidlu f’suġġetti individwalisti, għedewwa u suspettużi f’kulħadd, u hekk isiru priża faċli ta’ proposti diżumanizzanti u ta’ pjanijiet qerrieda minsuġa minn gruppi politiċi jew poteri ekonomiċi” (73). Iżjed kotrana huma dawk li jġarrbu xi xorta ta’ emarġinazzjoni u esklużjoni soċjali għal raġunijiet reliġjużi, etniċi jew ekonomiċi. Franġisku jikkwota adolexxenti u żgħażagħ li “joħorġu tqal u l-pjaga tal-abort, kif ukoll it-tixrid tal-HIV, il-bosta xorta ta’ dipendenza (drogi, logħob tal-azzard, pornografija, u l-bqija) u s-sitwazzjoni tat-tfal tat-triq” (74), sitwazzjonijiet li jsiru iktar ta’ swied il-qalb u ibsin għan-nisa. “Ma nistgħux inkunu Knisja li ma tibkix quddiem dawn it-traġedji ta’ wliedha żgħażagħ. Qatt ma għandna nidraw… L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li napplikaw ir-riċetta tal-ispirtu ta’ din id-dinja li jissarraf f’li nilluppjaw liż-żgħażagħ b’aħbarijiet oħra, b’distrazzjonijiet oħra, b’banalitajiet” (75). Il-Papa jistieden liż-żgħażagħ jitgħallmu jibku għal sħabhom li huma agħar minnhom (76).
 
Huwa minnu, jispjega Franġisku, li “s-setgħana jagħtu xi għajnuniet, imma spiss bi prezz għoli. F’ħafna pajjiżi foqra, l-għajnuna ekonomika ta’ xi pajjiżi iżjed għonja jew ta’ xi organizzazzjonijiet internazzjonali normalment hi marbuta mal-aċċettazzjoni ta’ proposti min-naħa tal-Punent f’materja ta’ sesswalità, żwieġ, ħajja jew ġustizzja soċjali. Din il-kolonizzazzjoni ideoloġika tagħmel ħsara b’mod partikulari liż-żgħażagħ” (78). Il-Papa jiftħilna għajnejna wkoll għall-kultura tal-lum li tippreżenta l-mudell żagħżugħ tas-sbuħija u tinqeda bil-ġisem taż-żgħażagħ fil-pubbliċità: “mhuwiex xi eloġju liż-żgħażagħ. Ifisser biss li l-adulti jridu jisirqu ż-żgħożija għalihom infushom” (79).
 
F’aċċenn għal “xewqat, ġrieħi u tiftix”, Franġisku jitkellem fuq is-sesswalità: “F’dinja li tonfoħ iżżejjed is-sesswalità, diffiċli nżommu relazzjoni tajba ma’ ġisimna u ngħixu serenament ir-relazzjonijiet affettivi”. Minħabba f’hekk ukoll il-morali sesswali spiss hi kawża ta’ “nuqqas ta’ ftehim u ta’ tbegħid mill-Knisja” għax tinftiehem “bħala spazju ta’ ġudizzju u ta’ kundanna”, minkejja li hawn żgħażagħ li jixtiequ jikkonfrontaw ruħhom fuq dawn it-temi (81). Il-Papa, quddiem l-iżviluppi tax-xjenza, tat-tekonoloġiji bijomediċi u tan-newroxjenzi jfakkar li “jistgħu jnessuna li l-ħajja hi don, li aħna essri maħluqa u limitati, li nistgħu faċilment niġu strumentalizzati minn min għandu f’idejh il-poter teknoloġiku” (82).
 
L-Eżortazzjoni mbagħad tieqaf fuq it-tema tal-“ambjent diġitali”, li ħoloq “mod ġdid ta’ komunikazzjoni” u li “jista’ jiffaċilita ċ-ċirkulazzjoni ta’ informazzjoni indipendenti”. F’ħafna pajjiżi, l-internet u x-xbieki soċjali “llum saru post essenzjali biex nilħqu u ninvolvu liż-żgħażagħ” (87). Imma “huma wkoll territorju ta’ solitudni, manipulazzjoni, sfruttament u vjolenza, sal-każ estrem tad-‘dark web’. Il-midja diġitali tista’ tesponi għar-riskju ta’ dipendenza, ta’ iżolament u biex bil-mod il-mod jintilef il-kuntatt mar-realtà konkreta… Xejriet ġodda ta’ vjolenza jixterdu permezz tal-midja soċjali, ngħidu aħna l-ibbuljar fuq is-siti tal-internet; l-internet huwa wkoll kanal għat-tixrid tal-pornografija u ta’ sfruttament tal-persuni għal skop sesswali jew bil-logħob tal-azzard” (88). Ma rridux ninsew li fid-dinja diġitali “hemm għaddejjin interessi ekonomiċi ġganteski”, li kapaċi joħolqu “mekkaniżmi ta’ manipulazzjoni tal-kuxjenzi u tal-proċess demokratiku”. Hemm ċrieki magħluqa li “jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni u aħbarijiet foloz, jagħwu bi preġudizzji u mibegħda… Il-fama tal-persuna tispiċċa pperikolata minn proċessi mgħaġġla onlajn. Il-fenomenu jolqot ukoll il-Knisja u r-ragħajja tagħha” (89). F’dokument imħejji minn tliet mitt żagħżugħ u żagħżugħa mid-dinja kollha qabel is-Sinodu jingħad li “r-relazzjonijiet onlajn jistgħu jsiru diżumani” u l-mod kif spiċċajna mgħarrqin fid-dinja virtwali ffavorixxa “xorta ta’ ‘migrazzjoni diġitali’, jiġifieri qtugħ mill-familja, mill-valuri kulturali u reliġjużi, li jwassal lil ħafna persuni għal dinja ta’ solitudni” (90).
 
Il-Papa jkompli billi jippreżenta “l-migranti bħala paradigma ta’ żmienna”, u jfakkar tant żgħażagħ involuti fil-migrazzjoni. “It-tħassib tal-Knisja jolqot b’mod partikulari lil dawk li jaħarbu mill-gwerra, mill-vjolenza, mill-persekuzzjoni politika jew reliġjuża, mid-diżastri naturali minħabba wkoll bidliet fil-klima, u mill-faqar estrem” (91): mhux biss ifittxu opportunitajiet ġodda, imma joħolmu futur aħjar. Migranti oħra jħossuhom “miġbudin mill-kultura tal-Punent, u xi drabi jinbtu fihom aspettattivi irrealistiċi li jesponuhom għal delużjonijiet peżanti. Traffikanti bla skrupli, spiss imdaħħla fis-suq tad-droga u tal-armamenti, jisfruttaw id-dgħufija tal-migranti… Irridu nsemmu b’mod partikulari l-vulnerabbiltà tal-migranti minuri mhux akkumpanjati… F’xi pajjiżi fejn jaslu, il-fenomeni migratorji jqajmu sens ta’ allarm u biża’, spiss imrewħa u sfruttati għal fini politiċi. Hekk tixtered mentalità ksenofobika u ta’ għeluq fina nfusna, li jeħtieġ nirreaġixxu għaliha b’determinazzjoni” (92). Iż-żgħażagħ migranti spiss iħossuhom maqlugħa mill-għeruq kulturali u reliġjużi tagħhom (93). Franġisku jitlob “b’mod partikulari liż-żgħażagħ biex ma jaqgħux fix-xbieki ta’ dawk li jridu jpoġġuhom kontra żgħażagħ oħra li jaslu f’pajjiżhom, u jiddeskrivuhomlhom bħala suġġetti perikulużi” (94).
 
Il-Papa jitkellem ukoll fuq l-abbużi fuq il-minuri, u jagħmel tiegħu stess l-impenn tas-Sinodu b’risq l-adozzjoni rigoruża ta’ prevenzjoni u jesprimi gratitudni “lejn dawk li għandhom il-kuraġġ li jikkundannaw id-deni li sarilhom” (99), u jfakkar li “għall-grazzja ta’ Alla” s-saċerdoti li ħammġu jdejhom b’dawn il-“krimini orribbli mhumiex il-maġġoranza, li fil-verità hi magħmula minn dawk li qed iwettqu ministeru fidil u ġeneruż”. Jitlob liż-żgħażagħ biex, jekk jaraw saċerdot li jinsab f’riskju għax qabad it-triq żbaljata, isibu l-kuraġġ li jfakkruh fl-impenn tiegħu lejn Alla u lejn il-poplu tiegħu (100).
 
L-abbużi mhumiex l-uniku dnub fil-Knisja. “Dnubietna huma taħt għajnejn kulħadd; huma riflessi bla ħniena fit-tikmix tal-wiċċ millennarju ta’ Ommna”, imma l-Knisja ma tfittex ebda kirurġija estetika, “ma tibżax turi d-dnubiet tal-membri tagħha”. “Għalhekk niftakru li lill-Omm m’għandniex nitilquha waħidha meta hi midruba” (101). Dan il-mument mudlam, bl-għajnuna taż-żgħażagħ, “jista’ jkun tabilħaqq opportunità għal riforma ta’ qawwa epokali, biex ninfetħu għal Pentekoste ġdid” (102).
 
Franġisku jfakkar liż-żgħażagħ li “hemm triq biex noħorġu” mis-sitwazzjonijiet kollha koroh u ta’ tbatija. Ifakkar fl-aħbar it-tajba li xxandret fl-għodwa tal-Qawmien. U jfisser li mqar jekk id-dinja diġitali tista’ tesponina għal tant riskji, hemm żgħażagħ li jafu jkunu kreattivi u ġenjali f’dawn l-oqsma. Bħall-Venerabbli Carlo Acutis, li “għaraf jinqeda bit-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni biex iwassal il-Vanġelu” (105), ma nqabadx fin-nassa u kien jgħid: “Kulħadd jitwieled oriġinali, imma ħafna jmutu fotokopji”. “Tħallix li jiġrilek hekk” (106), iwissi l-Papa. “Tħallix lil min jisraqlek it-tama u l-ferħ, lil min isakkrek biex jużak bħala lsir tal-interess tiegħu” (107), fittex id-destinazzjoni l-kbira tal-qdusija. “Li nkunu żgħażagħ ma jfissirx biss infittxu l-pjaċiri li jgħaddu u suċċessi tal-qoxra. Sakemm iż-żgħożija ma tilħaqx il-fini tagħha fil-mixja tal-ħajja tiegħek, trid tkun żmien ta’ għotja ġeneruża, ta’ offerta sinċiera” (108). “Jekk int żagħżugħ fl-età, imma tħossok wisq dgħajjef, għajjien u deluż, itlob lil Ġesù jġeddek” (109). Imma ftakar dejjem li “diffiċli ħafna neħduha kontra… l-perikli u t-tiġrib tax-xitan u tad-dinja egoista jekk aħna waħidna” (110), fil-fatt neħtieġu ħajja komunitarja.
 
Ir-raba’ kapitlu: “It-tħabbira l-kbira liż-żgħażagħ kollha”
Liż-żgħażagħ kollha l-Papa jħabbrilhom tliet veritajiet kbar. “Alla li hu mħabba” u għalhekk “Alla jħobbok, qatt tiddubitah dan” (112) u tista’ “tinxteħet bla nkwiet ta’ xejn fid-dirgħajn ta’ Missierek tas-Sema” (113). Franġisku jafferma li l-memorja tal-Missier “mhix xi ‘hard disk’ li jżomm u jarkivja l-informazzjoni kollha tagħna, il-memorja tiegħu hi qalb ħelwa mimlija ħniena, u jieħu gost iħassar darba għal dejjem kull ħjiel ta’ ħażen tagħna… Għax iħobbok. Fittex li toqgħod għal mument fis-skiet u tħallih iħobbok” (115). U tiegħu hi mħabba “li iktar tafek terġa’ tqum milli taqa’, iktar taf ir-rikonċiljazzjoni milli l-projbizzjoni, iktar taf tagħti opportunitajiet ġodda milli tikkundanna, futur milli passat” (116).
 
It-tieni verità hi li “Kristu jsalvak”. “La tinsa qatt li hu jaħfer sebgħa għal sebgħa u sebgħin darba. Jerġa’ jerfagħna fuq spallejh għal darba wara l-oħra” (119). Ġesù jħobbna u jsalvana, għax “tista’ ssalva biss lil min l-ewwel tkun ħabbejtu. Tista’ tibdel biss lil min tkun għannaqt. L-imħabba tal-Mulej hi ikbar mill-ħażen kollu tagħna, mid-dgħufijiet u l-għemejjel imsejkna kollha tagħna” (120). U “l-maħfra tiegħu u s-salvazzjoni tiegħu mhumiex xi ħaġa li xtrajnieha jew li jeħtieġ niksbuha bl-opri u l-isforzi tagħna. Hu jaħfrilna u jeħlisna b’xejn” (121). It-tielet verità hi li “Hu jgħix!”. “Jeħtieġ niftakruh dan… għax nirriskjaw li nieħdu lil Ġesù Kristu biss bħala eżempju tajjeb mill-imgħoddi, bħala tifkira, bħala xi ħadd li salvana elfejn sena ilu. Dan ma jkun jiswielna għal xejn, iħallina kif sabna, ma jeħlisniex” (124). Jekk “hu jgħix, dan hu garanzija li t-tajjeb jista’ jsaltan f’ħajjitna… Allura nistgħu nieqfu ngemgmu u nibdew inħarsu ’l quddiem, għax flimkien miegħu dejjem tista’ tħares ’il quddiem” (127).
 
F’dawn il-veritajiet jidher il-Missier u jidher Ġesù. U fejn hemm huma, hemm ukoll l-Ispirtu s-Santu. “Sejjaħ ta’ kuljum lill-Ispirtu s-Santu… Titlef xejn u hu jista’ jibdillek ħajtek, jista’ jdawwalha u jagħtiha rotta aħjar. Ma jeħodlok xejn, ma jnaqqaslek xejn, anzi, jgħinek issib dak li għandek bżonn bl-aħjar mod” (131).
 
Il-ħames kapitlu: “Mixjiet taż-żgħażagħ”
“L-imħabba ta’ Alla u r-relazzjoni tagħna ma’ Kristu ħaj ma jżommuniex milli noħolmu, ma jitolbuniex indejqu l-ixfqa ta’ ħajjitna. Bil-maqlub, din l-imħabba tixprunana, tistimulana, tiftaħna għal ħajja aħjar u isbaħ. Il-kelma ‘tħassib’ tiġbor fiha ħafna mix-xewqat fil-qlub taż-żgħażagħ” (138). Meta jaħseb f’xi ħadd żagħżugħ, il-Papa jara lil dak li jżomm dejjem riġlu wieħed quddiem l-ieħor, lest biex jitlaq, biex jagħmel xi ħaġa, dejjem orjentat ’il quddiem (139). Iż-żgħożija ma tistax tibqa’ “żmien sospiż”, għax “hi ż-żmien tal-għażliet” f’ambitu professjonali, soċjali, politiku u anki fl-għażla tas-sieħeb jew sieħba jew li wieħed iġib l-ewwel ulied. L-ansjetà “tista’ ssir waħda mill-agħar għedewwa meta twassalna biex inċedu l-armi xħin niskopru li r-riżultati mhumiex immedjati. L-isbaħ ħolm jitwettaq bit-tama, is-sabar u t-tħabrik, u meta nwarrbu l-għaġla żejda. Fl-istess waqt, ma nistgħux neħlu għax ma nħossuniex fiż-żgur, ma rridux nibżgħu nirriskjaw jew inkella li ħa nagħmlu xi żball” (142). Franġisku jistieden liż-żgħażagħ biex ma jgħixux ħajjithom gallarija, ma jgħaddux ħajjithom quddiem skrin, ma jirriduċux ruħhom għal karozzi mitluqa u ma jħarsux lejn id-dinja qishom kienu turisti: “Agħmlu ħoss! Keċċu l-biżgħat li qed iwaħħlukom… għixu!” (143). Jistedinhom “jgħixu l-preżent” billi jgawdu bi gratitudni kull don ċkejken tal-ħajja mingħajr ma jispiċċaw “qatt mhuma sodisfatti b’xejn” jew “ossessjonati bil-pjaċiri bla tarf” (146). Fil-fatt, li ngħixu l-preżent “ma jfissirx li nintelqu għal ħajja vvizzjata b’mod irresponsabbli li tħallina battala u bla sodisfazzjon veru” (147).
 
“Qatt m’int ħa tagħraf il-milja taż-żgħożija, jekk… ma tgħixx il-ħbiberija ma’ Ġesù” (150). Il-ħbiberija miegħu ma tistax tinħall għax hu ma jitlaqniex waħidna (154) u hekk, bħalma nagħmlu ma’ ħabib, “nitkellmu, naqsmu anki l-iżjed ħwejjeġ mistura, ma’ Ġesù nidħlu anki f’konverżazzjoni”: meta nitolbu, “nilagħbu l-logħba tiegħu, nagħmlulu spazju biex hu jista’ jaġixxi u jista’ jidħol u jista’ jirbaħ” (155). “La ċaħħadx iż-żgħożija tiegħek minn din il-ħbiberija”, “tgħix l-esperjenza sabiħa ta’ min jaf li hu dejjem imsieħeb” bħalma ġralhom id-dixxipli ta’ Għemmaws (156); San Oscar Romero kien jgħid: “Il-Kristjaneżmu mhuwiex ġabra ta’ veritajiet li jeħtieġ nemmnu, ta’ liġijiet li jeħtieġ nosservaw, ta’ projbizzjonijiet. Għax hekk jimbuttana flok jiġbidna. Il-Kristjaneżmu hu Persuna li ħabbitni tant li issa qiegħda titlob imħabbti. Il-Kristjaneżmu hu Kristu”.
 
Għalhekk il-Papa, meta jitkellem fuq kif nikbru u nimmaturaw, jurina bl-importanza li nfittxu “żvilupp spiritwali”, li “nfittxu lill-Mulej u nħarsu l-Kelma tiegħu”, li nżommu “l-‘konnessjoni’ ma’ Ġesù… għax m’intix se tikber fil-ferħ u fil-qdusija biss bil-qawwa u l-ħsieb tiegħek” (158). Anki l-adult irid jimmatura mingħajr ma jitlef il-valuri taż-żgħożija: “F’kull mument tal-ħajja nistgħu nġeddu u nkabbru ż-żgħożija tagħna. Meta bdejt il-ministeru tiegħi bħala Papa, il-Mulej wessa’ l-ixfqa tiegħi u tani żgħożija mġedda. L-istess ħaġa tista’ tiġri lil koppja li ilha miżżewġa ħafna snin, jew lil monaku fil-monasteru tiegħu” (160). Li tikber “ifisser tgħożż u ssaħħaħ fik il-ħwejjeġ l-aktar prezzjużi li tagħtik iż-żgħożija, imma fl-istess waqt ifisser inkunu miftuħa biex insaffu fina dak li mhux tajjeb” (161). “Imma nfakkrek li m’intix ħa ssir qaddis u tħoss ħajtek mimlija jekk toqgħod tikkupja lill-oħrajn”, “jeħtieġ tiskopri min int u tiżviluppa l-mod personali tiegħek kif tkun qaddis” (162). Franġisku jipproponi “mixjiet ta’ fraternità” biex nistgħu ngħixu l-fidi, u jfakkarna li “l-Ispirtu s-Santu jrid joħroġna ’l barra minna nfusna, biex inħaddnu magħna lill-oħrajn… Għalhekk dejjem aħjar ngħixu l-fidi flimkien u nesprimu mħabbitna f’ħajja komunitarja” (164), waqt li negħlbu “t-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna, fil-problemi tagħna, fis-sentimenti miġruħa tagħna, fit-tgergir u fil-kumditajiet” (166). Alla “jħobb il-ferħ taż-żgħażagħ u jistedinhom fuq kollox għal dik l-allegrija li tingħax fil-komunjoni tal-aħwa” (167).
 
Il-Papa mbagħad jitkellem fuq iż-“żgħażagħ impenjati”, u jafferma li xi drabi jistgħu “jirriskjaw li jingħalqu fi gruppi żgħar… Iħossuhom qed jgħixu l-imħabba fraterna, imma forsi l-grupp tagħhom sar sempliċi estensjoni tal-jien tagħhom. Dan jiggrava jekk il-vokazzjoni tal-lajk tinftiehem biss bħala servizz fi ħdan il-Knisja…, u ninsew li l-vokazzjoni lajkali hi qabelxejn l-imħabba fil-familja u l-imħabba soċjali u politika” (168). Franġisku jipproponi “liż-żgħażagħ li jmorru lil hemm mill-gruppi ta’ ħbieb tagħhom u jibnu l-ħbiberija soċjali, ifittxu l-ġid komuni. L-ostilità soċjali teqred. U familja teqred lilha nfisha bil-mibegħda. Pajjiż jeqred lilu nnifsu bil-mibegħda. Id-dinja tinqered bil-mibegħda. U l-ikbar mibegħda hi l-gwerra. Illum il-ġurnata qed naraw lid-dinja teqred lilha nfisha bil-gwerra. Għax ma jafux ipoġġu bilqiegħda u jitkellmu” (169).
 
“L-impenn soċjali u l-kuntatt dirett mal-foqra jibqgħu okkażjoni fundamentali ta’ skoperta u approfondiment tal-fidi u ta’ dixxerniment tal-vokazzjoni” (170). Il-Papa jsemmi l-eżempju pożittiv taż-żgħażagħ tal-parroċċi, gruppi u movimenti li “għandhom id-drawwa li jmorru jagħmlu kumpanija lill-anzjani u l-morda, jew li jżuru l-postijiet fejn hemm il-foqra” (171). Waqt li “żgħażagħ oħra jipparteċipaw fi programmi soċjali bl-għan li jibnu djar lil min m’għandux saqaf fuq rasu, jew biex jgħinu reġjuni mniġġsa, jew biex jiġbru l-għajnuna għal dawk l-iktar fil-bżonn. Kemm tkun ħaġa sabiħa kieku din l-enerġija komunitarja tiġi applikata mhux biss f’azzjonijiet sporadiċi imma b’mod stabbli!”. L-istudenti universitarji “jistgħu jingħaqdu b’mod interdixxiplinari biex japplikaw dak li jafu ħalli jgħinu jissolvew problemi soċjali, u f’din il-ħidma jistgħu jaħdmu id f’id ma’ żgħażagħ ta’ Knejjes oħra jew ta’ reliġjonijiet oħra” (172). Franġisku jħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jagħmlu tagħhom dan l-impenn: “Nara li ħafna żgħażagħ f’tant partijiet tad-dinja ħarġu fit-toroq biex jesprimu x-xewqa tagħhom għal ċiviltà iżjed ġusta u fraterna… Huma żgħażagħ li jixtiequ jkunu protagonisti tal-bidla… Tħallux li jkunu oħrajn il-protagonisti tal-bidla!” (174).
 
Iż-żagħażagħ huma msejħa biex ikunu “missjunarji kuraġġjużi”, u jagħtu xhieda kullimkien tal-Vanġelu b’ħajjithom, li ma jfissirx “jitkellmu fuq il-verità, imma jgħixuha” (175). Imma l-kelma ma għandhiex tiskot: “Kunu kapaċi tmorru kontra l-kurrent u agħrfu aqsmu ma’ oħrajn lil Ġesù, għaddulhom il-fidi li hu takom” (176). Fejn jibgħatna Ġesù? “Ma hemmx konfini, ma hemmx limiti: jibgħatna għand kulħadd. Il-Vanġelu huwa għal kulħadd u mhux għal xi wħud. Mhuwiex biss għal dawk li jidhrulna l-aktar qrib tagħna, l-aktar li lesti jilqgħu l-aħbar, l-aktar li se jaċċettawna. Hu għal kulħadd” (177). U ma nistgħux nistennew li “l-missjoni ħa tkun ħafifa jew komda” (178).
 
Is-sitt kapitlu: “Żgħażagħ li għandhom għeruq”
Franġisku jgħid li jiddispjaċih “jara li xi wħud qed jipproponu liż-żgħażagħ li jibnu futur bla għeruq, bħallikieku d-dinja bdiet issa” (179). Jekk xi ħadd “jagħmlilkom proposta u jgħidilkom tinjoraw l-istorja, ma tgħożżux l-esperjenza tal-anzjani, tistkerrhu dak kollu li għadda u tħarsu biss lejn il-futur li qed joffrilkom hu, jewwilla dan mhux mod irħis kif jiġbidkom bil-proposta tiegħu biex tagħmlu biss dak li qed jgħidilkom hu? Dik il-persuna tixtieqkom battala, maqlugħa minn għeruqkom, suspettużi dwar kollox, biex tistgħu tafdaw biss fil-wegħdiet tagħha u toqogħdu għall-pjanijiet tagħha. Hekk jaħdmu l-ideoloġiji ta’ diversi lwien, li jeqirdu (jew iżarmaw) dak kollu li hu differenti u hekk jistgħu jaħkmu bla ma jsibu x’jiqfilhom” (181). Il-manipulatur jinqeda wkoll bl-adorazzjoni taż-żgħożija: “Il-ġisem żagħżugħ isir is-simbolu ta’ dan il-kult ġdid, u għalhekk kulma għandu x’jaqsam ma’ dak il-ġisem hu meqjum bħala idolu u mixtieq bla waqfien, u dak li mhux żagħżugħ hu mistkerrah. Imma din hi arma li tispiċċa biex tbaxxi qabelxejn liż-żgħażagħ stess” (182). “Għeżież żgħażagħ, tħallux lil min jiddobba biż-żgħożija tagħkom b’risq ħajja superfiċjali, li tifxel il-ġmiel mad-dehra” (183), għax hemm ċertu ġmiel f’dak il-ħaddiem li jerġa’ lura d-dar bil-ħmieġ tax-xogħol ma’ jdejh, fil-mara anzjana li tieħu ħsieb ta’ żewġha marid, fil-fedeltà ta’ koppji li jibqgħu jinħabbu mqar fil-ħarifa tal-ħajja.
 
Imma llum hawn min jippromovi “spiritwalità mingħajr Alla, affettività mingħajr komunità u mingħajr impenn b’risq min qed ibati, biża’ mill-foqra li jidhru qishom suġġetti perikulużi, u serje ta’ offerti li jippretendu li jistgħu jbellgħulkom futur ġenna tal-art li dejjem hu pospost għal darb’oħra” (184): il-Papa jistieden liż-żgħażagħ biex ma jħallux taħkimhom din l-ideoloġija li ġġib magħha “xejriet veri ta’ kolonizzazzjonijiet kulturali” (185) li jaqilgħu liż-żgħażagħ mill-appartenenzi kulturali u reliġjużi li minnhom ġejjin u tipprova tomoġenizzahom billi tibdilhom f’suġġetti “fabbrikati li jistgħu jiġu mmanipulati” (186).
 
Hi fundamentali r-“relazzjoni tiegħek mal-anzjani”, li jgħinu liż-żgħażagħ jiskopru l-għana ħaj tal-imgħoddi, u jagħmlu memorja tiegħu. “Il-Kelma ta’ Alla tissuġġerilna ma nitilfux il-kuntatt mal-anzjani, biex hekk nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza tagħhom” (188). Dan “ma jfissirx li int għandek taqbel magħhom f’dak kollu li jgħidu, lanqas li għandek tapprova l-għemejjel kollha tagħhom”, imma “sempliċiment li tkun miftuħ biex tilqa’ dak l-għerf li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra” (190). “Lid-dinja qatt m’għamlilha ġid u anqas se jagħmlilha l-qtugħ bejn ġenerazzjoni u oħra… Din hi l-gidba li trid tbellagħhielna li dak li hu ġdid biss hu tajjeb u sabiħ” (191).
 
Meta jitkelllem fuq “ħolm u viżjonijiet”, Franġisku josserva: “Jekk iż-żgħażagħ u l-anzjani jinfetħu għall-Ispirtu s-Santu, flimkien jistgħu jipproduċu kollaborazzjoni tal-għaġeb. L-anzjani joħolmu u ż-żgħażagħ ikollhom il-viżjonijiet” (192); jekk “iż-żgħażagħ iniżżlu għeruqhom fil-ħolm tal-anzjani, jirnexxilhom jaraw il-ġejjieni” (193). Mela jeħtieġ “nirriskjaw flimkien”, nimxu flimkien, żgħażagħ u anzjani: l-għeruq “mhumiex ankri li jgħallquna” imma “punt fejn inniżżlu għeruqna biex nistgħu nikbru u nilqgħu għall-isfidi l-ġodda” (200).
 
Is-seba’ kapitlu: “Il-pastorali maż-żgħażagħ”
Il-Papa jfisser kif il-pastorali maż-żgħażagħ ġarrbet l-attakk tal-bidliet soċjali u kulturali u “ż-żgħażagħ, fl-istrutturi tas-soltu, spiss mhumiex isibu tweġibiet għat-tħassib tagħhom, għall-ħtiġijiet tagħhom, għall-problemi u l-ġrieħi tagħhom” (202). Iż-żgħażagħ infushom “huma atturi tal-pastorali maż-żgħażagħ, imsieħba u ggwidati, imma ħielsa li jsibu toroq dejjem ġodda bi kreattività u kuraġġ”. Jeħtieġ “nużaw l-għaqal, l-intelliġenza u l-għarfien li ż-żgħażagħ stess għandhom tas-sensibbiltà, tal-lingwaġġ u tal-problemi taż-żgħażagħ l-oħra” (203). Il-pastorali maż-żgħażagħ għandha bżonn flessibbiltà, u hemm bżonn “nistiednu liż-żgħażagħ għal avvenimenti li kull tant u tant joffrulhom postijiet fejn mhux biss jirċievu formazzjoni, imma li jippermettulhom ukoll jaqsmu ħajjithom, jiffesteġġjaw, ikantaw, jisimgħu xhieda konkreti u jduqu l-laqgħa komunitarja ma’ Alla l-ħaj” (204).
 
Il-pastorali maż-żgħażagħ ma tistax ma tkunx sinodali, jiġifieri li kapaċi ssawwar “mixja flimkien”, u timplika żewġ linji kbar ta’ azzjoni: l-ewwel hi t-tiftixa, it-tieni l-maturazzjoni. Għall-ewwel waħda, Franġisku jafda fil-ħila taż-żgħażagħ infushom li “jsibu toroq attraenti biex jistiednu”: “Irridu biss inħeġġu liż-żgħażagħ u nagħtuhom il-libertà li jaġixxu”. Iżjed importanti minn hekk, “kull żagħżugħ u żagħżugħa jrid isib il-kuraġġ li jiżra’ l-ewwel tħabbira f’dik l-art għammiela li hi l-qalb ta’ żagħżugħ u żagħżugħa oħra” (210). Hu pprivileġġjat “il-lingwaġġ tal-qrubija, il-lingwaġġ tal-imħabba diżinteressata, relazzjonali, eżistenzjali, li jmiss il-qalb”, billi nersqu qrib taż-żgħażagħ “bil-grammatika tal-imħabba, mhux bil-proselitiżmu” (211). F’dak li jmiss il-maturità, Franġisku jiftħilna għajnejna li ma mmorrux nipproponu liż-żgħażagħ imqanqla minn esperjenza intensa ta’ Alla “laqgħat ta’ ‘formazzjoni’ fejn jaffrontaw biss kwistjonijiet duttrinali u morali… Ir-riżultat ikun li ħafna żgħażagħ jiddejqu, jitilfu n-nar imkebbes fihom mil-laqgħa ma’ Kristu u l-ferħ tal-mixja warajh” (212). Jekk kull proġett formattiv “bla dubju jrid jinkludi formazzjoni duttrinali u morali”, daqshekk ieħor importanti “li jkun idur” mal-kerygma, jiġifieri “l-esperjenza li fuqha tinbena l-laqgħa ma’ Alla permezz ta’ Kristu li miet u rxoxta” u mal-maturazzjoni “fl-imħabba fraterna, fil-ħajja komunitarja, fil-qadi” (213). Għalhekk “il-pastorali maż-żgħażagħ dejjem għandha tinkludi mumenti li jgħinu għat-tiġdid u l-approfondiment tal-esperjenza personali tal-imħabba ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu ħaj” (214). U trid tgħin liż-żgħażagħ “jgħixu bħal aħwa, jgħinu lil xulxin, biex isawru komunità, biex jaqdu lill-oħrajn, biex ikunu qrib tal-foqra” (215).
 
L-istituzzjonijiet tal-Knisja hekk isiru “ambjenti tajbin”, u jiżviluppaw “ħiliet ta’ kif wieħed jilqa’”: “Fl-istituzzjonijiet tagħna rridu noffru liż-żgħażagħ postijiet tajbin, li huma jistgħu jmexxu kif jixtiequ huma u fejn jistgħu jidħlu u joħorġu bla xkiel, postijiet li jilqgħuhom u fejn jistgħu jinġabru minn jeddhom u b’fiduċja biex jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra kemm fil-mumenti ta’ tbatija u meta jkunu mxebbgħin, u kemm meta jixtiequ ma’ min jiċċelebraw il-ferħ tagħhom” (218).
 
Għalhekk Franġisku jiddeskrivi “l-pastorali tal-istituzzjonijiet edukattivi”, u jafferma li l-iskola għandha “bżonn urġenti li tikkritika lilha nfisha”. U jfakkar li “hemm xi skejjel Kattoliċi li donnhom organizzati biss biex iżommu għaddej dak li hemm… L-iskola mibdula f’‘bunker’ li tipproteġi mill-iżbalji ‘ta’ barra’ hi l-karikatura li tesprimi l-aħjar din it-tendenza”. Meta mbagħad iż-żgħażagħ joħorġu, jintebħu li hemm “diskrepanza kbira bejn dak li għallmuhom u d-dinja li fiha sabu ruħhom issa”. Min-naħa l-oħra, “fost l-ikbar ferħ ta’ edukatur hemm dak li jara student tiegħu jikber f’persuna b’saħħitha, integra, protagonista u kapaċi tagħti” (221). Ma nistgħux nifirdu l-formazzjoni spiritwali mill-formazzjoni kulturali: “Din hi l-ħidma kbira tagħkom: li twieġbu għar-ritornelli paralizzanti tal-konsumiżmu kulturali b’għażliet dinamiċi u qawwija, bit-tiftix, l-għarfien u l-qsim” (223). Fost l-“ambjenti ta’ żvilupp pastorali”, il-Papa jindika l-“espressjonijiet artistiċi” (226), il-“prattika tal-isport” (227), u l-impenn għall-ħarsien tal-ħolqien (228).
 
Hemm bżonn ta’ “pastorali popolari maż-żgħażagħ”, “usa’ u iktar flessibbli, li tistimola, fid-diversi postijiet fejn konkretament issib liż-żgħażagħ, dawk il-gwidi naturali u dawk il-kariżmi li l-Ispirtu s-Santu diġà żera’ f’nofshom. Qabelxejn dan ifisser li ma nagħmlulhomx iżżejjed xkiel, normi, kontrolli u strutturi obbligatorji lil dawk iż-żgħażagħ ta’ fidi li huma ‘leaders’ naturali fil-postjiet fejn jgħixu u fid-diversi ambjenti. Irridu nillimitaw ruħna li nseħbuhom u nħeġġuhom” (230). Meta nippretendu “pastorali maż-żgħażagħ impersonali, pura, ikkaratterizzata minn ideat astratti, maqtugħa mid-dinja u mħarsa minn kull tebgħa, inkunu nirriduċu l-Vanġelu għal proposta bla togħma, li ma tinftehimx, imbiegħda, maqtugħa mill-kulturi taż-żgħażagħ u adattata biss għal élite ta’ żgħażagħ Insara li jħossuhom differenti, imma li fir-realtà qed jgħumu f’iżolament bla ħajja u li lanqas jagħti frott” (232). Franġisku jistedinna nkunu “Knisja bil-bibien tagħha miftuħa”, u “lanqas mhu meħtieġ li wieħed jaċċetta għalkollox it-tagħlim kollu tal-Knisja biex jista’ jieħu sehem f’xi wħud mill-ispazji tagħna ddedikati għaż-żgħażagħ” (234); “irid ikun hemm wisa’ wkoll għal dawk kollha li għandhom viżjonijiet oħra tal-ħajja, jistqarru twemmin ieħor jew jiddikjaraw ruħhom barranin għax-xefaq reliġjuż” (235). L-ikona għal din il-viżjoni joffrihielna l-episodju evanġeliku tad-dixxipli ta’ Għemmaws: Ġesù jistaqsihom, jismagħhom bis-sabar, jgħinhom jagħrfu dak li għaddejjin minnu, jinterpretaw dak li għexu fid-dawl tal-Iskrittura, jaċċetta li jieqaf magħhom, jidħol fil-lejl tagħhom. Huma stess li jagħżlu li bla dewmien jerġgħu jaqbdu l-mixja tagħhom fid-direzzjoni opposta (237).
 
“Dejjem missjunarji”. Biex iż-żgħażagħ isiru missjunarji ma hemmx bżonn jagħmlu xi “mixja twila”: “Żagħżugħ li jmur pellegrinaġġ biex jitlob l-għajnuna lill-Madonna u jistieden ħabib jew sieħeb tiegħu biex imur miegħu, b’dan il-ġest sempliċi qed iwettaq azzjoni missjunarja prezzjuża” (239). Il-pastorali maż-żgħażagħ “trid tkun dejjem pastorali missjunarja” (240). U ż-żgħażagħ jixirqilhom dejjem ir-rispett fil-libertà tagħhom, “imma għandhom bżonn ukoll li jħossuhom imsieħba” min-naħa tal-adulti, ibda mill-familja (242) u allura mill-komunità: “Dan jimplika li liż-żgħażagħ nifhmuhom, nistmawhom u nħobbuhom, u ma niġġudikawhomx il-ħin kollu jew nesiġu minnhom perfezzjoni li ma tikkorrispondix mal-età tagħhom” (243). Jinħass in-nuqqas ta’ persuni esperti u dedikati għall-akkumpanjament (244) u “xi tfajliet iħossu n-nuqqas ta’ figuri ta’ riferiment femminili fi ħdan il-Knisja” (245). Iż-żgħażagħ infushom “fissrulna” l-karatteristiċi li jittamaw li jsibu f’min iseħibhom: “ikun Nisrani fidil impenjat fil-Knisja u fid-dinja; tiftixa kontinwa tal-qdusija; ma jiġġudikax, imma jieħu ħsieb; jagħti widen b’attenzjoni għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ; iwieġeb bi ħlewwa; ikun jaf lilu nnifsu; jagħraf il-limiti tiegħu; jaf bil-ferħ u n-niket tal-ħajja spiritwali. Kwalità ta’ importanza ewlenija hi li wieħed jagħraf li hu bniedem u li jista’ jiżbalja: m’aħniex perfetti, imma midinbin maħfura” (246). Iridu jkunu jafu “jimxu flimkien” maż-żgħażagħ u jirrispettaw il-libertà tagħhom.
 
It-tmien kapitlu: “Il-vokazzjoni”
“Dak li hu fundmentali hu li niddixxernu u niskopru li dak li jrid Ġesù minn kull żagħżugħ u żagħżugħa hu qabelxejn il-ħbiberija tiegħu” (250). Il-vokazzjoni hi sejħa għas-servizz missjunarju lejn l-oħrajn, “għax ħajjitna fuq din l-art tilħaq il-milja tagħha meta tinbidel f’offerta” (254). “Biex inwettqu l-vokazzjoni tagħna hemm bżonn niżviluppaw, inwarrdu u nikkultivaw dak kollu li aħna. Mhux nivvintaw, jew noħolqu lilna nfusna mix-xejn, imma niskopru mill-ġdid lilna nfusna għad-dawl ta’ Alla u nħallu lil ħajjitna twarrad” (257). U “dan l-‘inkunu għall-oħrajn’ fil-ħajja ta’ kull żagħżugħ normalment hu marbut ma’ żewġ kwistjonijiet fundamentali: il-formazzjoni ta’ familja ġdida u x-xogħol” (258).
 
F’dak li għandu x’jaqsam mal-“imħabba u l-familja”, il-Papa jikteb li “ż-żgħażagħ iħossu b’ċerta qawwa s-sejħa għall-imħabba u joħolmu li jiltaqgħu mal-persuna t-tajba li magħha jistgħu jibnu familja” (259), u s-sagrament taż-żwieġ “igeżwer din l-imħabba bil-grazzja ta’ Alla, iniżżlilha għeruqha f’Alla nnifsu” (260). Alla ħalaqna sesswati, hu stess ħalaq is-sesswalità, li hi don tiegħu, u għalhekk “xejn tabù”. Hi don li l-Mulej jagħtina u “għandu żewġ għanijiet: li nħobbu lil xulxin u li nnisslu l-ħajja. Hi passjoni… L-imħabba vera hi mimlija passjoni” (261). Franġisku josserva li “ż-żieda fis-separazzjonijiet, divorzji… tista’ tikkawża fiż-żgħażagħ tbatijiet kbar u kriżijiet ta’ identità. Xi drabi jkollhom jitgħabbew b’responsabbiltajiet li mhumiex proporzjonati għall-età tagħhom” (262). Minkejja d-diffikultajiet kollha, “nixtieq ngħidilkom… li l-familja hi ta’ min jirriskja għaliha u fiha ssibu l-aqwa tħeġġiġ biex timmaturaw u l-isbaħ ferħ x’taqsmu ma’ xulxin. Tħallux lil min jisirqilkom il-possibbiltà li tħobbu bis-serjetà” (263). “Li temmen li xejn ma jista’ jkun għal dejjem hu ingann u gidba… nitlobkom tkunu rivoluzzjonarji, nitlobkom tmorru kontra l-kurrent” (264).
 
Fejn jidħol ix-xogħol, il-Papa jikteb: “Nistieden liż-żgħażagħ biex ma jippretendux li jistgħu jgħixu bla ma jaħdmu, dejjem jiddependu mill-għajnuna tal-oħrajn. Dan mhuwiex sew, għax ix-xogħol hu ħtieġa, hu parti mis-sens tal-ħajja fuq din l-art, triq ta’ maturazzjoni, ta’ żvilupp uman u ta’ mixja biex nilħqu l-milja personali ta’ ħajjitna. F’dan is-sens, li ngħinu bil-flus lill-foqra għandu jkun dejjem rimedju proviżjorju kif nilqgħu għal ċerti emerġenzi” (269). U wara li jinnota kif fid-dinja tax-xogħol iż-żgħażagħ qed iħabbtu wiċċhom ma’ xejriet ta’ esklużjoni u ta’ emarġinazzjoni (270), jafferma hekk dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ: “Hi kwistjoni… li l-politika għandha tqisha bħala problema prijoritarja, b’mod partikulari llum li l-ħeffa tal-iżviluppi teknoloġiċi, flimkien mal-ossessjoni biex tonqos in-nefqa tax-xogħol, jistgħu jwasslu malajr biex ċerti postijiet tax-xogħol jeħdulhom posthom il-magni” (271). U liż-żgħażagħ jgħidilhom: “Huwa minnu li ma tistax tgħix bla ma taħdem u li xi drabi jkollok taċċetta dak li ssib, imma qatt terġa’ lura mill-ħolm tiegħek, tidfen qatt għalkollox vokazzjoni, qatt tgħodd ruħek b’mirbuħ” (272).
 
Franġisku jagħlaq dan il-kapitlu billi jitkellem fuq il-“vokazzjonijiet għal konsagrazzjoni speċjali”. “Fid-dixxerniment ta’ vokazzjoni ma rridux naqtgħu barra l-possibbiltà ta’ konsagrazzjoni lill-Mulej… Għaliex taqtagħha barra? Ibqa’ żgur li, jekk tagħraf sejħa ta’ Alla u timxi warajha, din tkun il-ħaġa li timla lil ħajtek tassew” (276).
 
Id-disa’ kapitlu: “Id-dixxerniment”
Il-Papa jfakkarna li “mingħajr l-għerf tad-dixxerniment nistgħu faċilment ninbidlu f’pupazzi qisna merċa mitluqa għat-tendenzi tal-mument” (279). “Espressjoni tad-dixxerniment hu l-impenn biex nagħrfu l-vokazzjoni tagħna. Hi ħidma li titlob spazji ta’ solitudni u ta’ skiet, għax din hi deċiżjoni personali ħafna li ħadd ma jista’ jeħodha hu flokna” (283). “Id-don tal-vokazzjoni hu bla dubju don esiġenti. Id-doni ta’ Alla huma interattivi u biex ingawduhom hemm bżonn nirriskjaw ħafna” (289).
 
Minn min jgħin liż-żgħażagħ fid-dixxerniment huma mitluba tliet sensibbiltajiet. L-ewwel waħda hi l-attenzjoni għall-persuna: “Irridu nisimgħu lill-ieħor li qed jagħtina lilu nnifsu fi kliemu” (292). It-tieni hi li wieħed jgħarbel lilu nnifsu, jiġifieri “taqra l-mument it-tajjeb fejn tista’ tagħraf il-grazzja mit-tentazzjoni” (293). It-tielet hi li “nagħtu widen għat-tqanqil li l-ieħor iħoss ‘quddiemu’. Hu s-smigħ profond ta’ ‘fejn irid imur tassew l-ieħor’” (294). Meta wieħed jisma’ lill-ieħor b’dan il-mod, “f’ċertu punt irid iwarrab min-nofs biex iħallih jimxi fit-triq li jkun skopra. Jgħib kif għeb il-Mulej minn quddiem id-dixxipli tiegħu” (296). Jeħtieġ “inqanqlu u nsieħbu l-proċessi, mhux nimponu l-mixjiet. U dawn huma proċessi ta’ persuni li huma dejjem uniċi u ħielsa. Għalhekk hu diffiċli li nsibu riċetti lesti” (297).
 
L-Eżortazzjoni tagħlaq b’“xewqa” tal-Papa Franġisku: “Għeżież żgħażagħ, kemm nieħu gost narakom tiġru b’ħeffa ikbar minn min jeħodha bil-mod u hu beżżiegħi. Iġru, miġbuda minn dak il-Wiċċ hekk maħbub, li aħna nqimu fl-Ewkaristija mqaddsa u nagħrfu fil-ġisem ta’ ħuna li jbati… Il-Knisja għandha bżonn tal-qabża tagħkom, tal-intuwizzjonijiet tagħkom, tal-fidi tagħkom… U meta taslu hemm fejn aħna għadna ma lħaqniex, ħa jkollkom is-sabar li tistennewna” (299).
 
 
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard