Home          |          Email          |                                                                                                               Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

Ara t-test bit-Taljan

 

Ħajr għar-ritratti

lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma.

 

 

 

 

Il-LAJĊI FIL-KNISJA

Mill-kollaborazzjoni għall-korresponsabbiltà

 

 

Wara l-Konċilju Vatikan II, il-Knisja ma tistax tikkuntenta ruħha biss bil-kollaborazzjoni tal-lajċi, iżda trid tippromwovi korresponsabbiltà li tkun effettiva.   Hekk fakkar Benedittu XVI, nhar it-Tlieta 26 ta’ Mejju, wara nofs in-nhar,  meta fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran ta bidu għall-konvenju ekkleżjali fid-djoċesi ta’ Ruma.

 

Eċċellenza Kardinal, venerati Ħuti fl-episkopat u fis-Saċerdozju, għeżież reliġjużi  rġiel u nisa,  ħuti għeżież!

 

Kuntent li skont din id-drawwa sabiħa anki din is-sena qed nagħti bidu għal din il-laqgħa pastorali djoċesana.   Minn qalbi nsellem lilkom ilkoll li qed tirrappreżentaw il-komunità djoċesana kollha kemm hi  u nirringrazzjakom għax-xogħol pastorali li tagħmlu.  Nieħu din l-okkażjoni  biex minn qalbi nsellem lill-parroċċi kollha  bil-kliem ta’ l-Appostlu Pawlu: “Lill-maħbubin  kollha ta’ Alla li jinsabu f’Ruma, imsejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla l-Missier tagħna u Sidna Ġesù Kristu”  (Rm 1:7).  Nirringrazzja minn qalbi lill-Kardinal Vigarju tal-kliem inkoraġġanti li qal fil-waqt li esprima s-sentimenti tagħkom u tal-għajnuna li f’għaqda mal-Isqfijiet Awżiljari  qed jagħtini fil-ħidma appostolika li Mulej sejjaħli għaliha  bħala Isqof ta’ Ruma.

 

Għadna  kemm smajna li, matul dawn l-aħħar għaxar snin, fl-ewwel tlieta, id-Djoċesi kkonċentrat l-attenzjoni tagħha fuq il-familja. Imbagħad fit-tliet snin ta’ wara intom fittixtu li  twieġbu għal dik “l-emerġenza edukattiva” li qed toffri sfida iebsa billi kkonċentratu fuq  l-edukazzjoni għall-fidi tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.  Fl-aħħar snin, dejjem bil-ħarsa tagħkom konċentrata fuq l-edukazzjoni u mqanqlin mill-Ittra Enċiklika “Spe Salvi”,  bdejtu taħdmu fuq it-tema: nedukaw għat-tama.   Fil-waqt li flimkien magħkom inrodd ħajr lill-Mulej  għal tant ġid  li  għoġbu jafda f’idejna – b’mod partikulari lill-kappillani u lis-saċerdoti li jagħmlu ħilithom kollha biex imexxu l-komunitajiet  fdati f’idejhom – nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-għażla pastorali li  għamiltu. Iddedikajtu ħin biex tkun ivverifikata l-mixja li wieħed qed jagħmel, ħalli  fid-dawl ta’ l-esperjenza mgħejxa,  jitqanqlu xi  punti fundamentali tal-pastorali ordinarja, biex ikunu aktar ċari u anki biex  jinqasmu ma’oħrajn.  Bħala bażi ta’ dan l-impenn, li issa ġa ilkom xi xhur twettquh fil-parroċċi kollha u fir-realtajiet ekkleżjali l-oħra, jeħtieġ  li niġġeddu fl-għarfien tagħna bħala Knisja u  fil-korresponsabbiltà pastorali li lkoll msejħin biex inwettqu f’isem Kristu.  U   issa nixtieq li ngħid xi ħaġa aktar fuq dan  l-aspett.

 

 Il-Konċilju Vatikan II ried li jwassal b’mod sħiħ u bla mittiefes id-duttrina dwar il-Knisja li mmaturat matul  l-elfejn sena  ta’ l-eżistenza tagħha u  ddefinixxa lill-Knisja b’mod “aktar meditat” fil-waqt li, qabel kollox, wera n-natura mistika tagħha, jiġifieri dik “ ta’ realtà  mimlija bi preżenza divina, u għalhekk dejjem kapaci  li tiskopri affarijiet ġodda u aktar profondi” (Pawlu VI, Diskors tal-ftuħ tat-tieni sessjoni, 29 ta’ Settembru 1963). Il-Knisja li  għandha l-bidu tagħha f’Alla wieħed fi Tliet Persuni  hi misteru ta’ komunjoni. Bħala komunjoni, il-Knisja mhijiex realtà spiritwali biss, imma hi realtà  li tgħix fl-istorja; hi, biex ngħid hekk,  tad-demm u l-laħam. Il-Konċilju Vatikan II jiddeskriviha  “bħala sagrament, jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-għaqda tal-ġens tal-bnedmin” (Lumen Gentium n.1)

 

U l-essenza tas-sagrament  hija proprju din: is-sagrament iwassalna  biex  naraw dak li ma jidhirx f’dak li jidher;  dak li jidher u li nistgħu nmissuh  jiftaħ il-bieb  għal   Alla  nnifsu.  Għidna li l-Knisja hi komunjoni,  komunjoni ta’ persuni li  bil-ħidma ta’ l-Ispirtu Santu jiffurmaw il-Poplu ta’ Alla, li hu fl-istess ħin il-Ġisem ta’ Kristu.   Ejjew nirriflettu ftit  fuq dawn iż-żewġ  key-words.   Il-kunċett “Poplu ta’ Alla” twieled u żviluppa fit-Testment il-Qadim: biex jidħol fil-realtà tal-istorja umana, Alla għażel poplu;  Hu għażel il-poplu ta’ Iżrael biex dan ikun il-poplu tiegħu.    Ried jagħmel din l-għażla partikulari  biex permezz ta’ ftit jasal għal ħafna, u mill-ħafna jasal għal kulħadd.  Fi kliem ieħor,  din l-għażla partikulari kellha twassal għall-universalità. Permezz ta’ dan il-Poplu Alla daħal  tassew b’mod konkret fl-istorja.  U dan il-ftuħ għall-universalità seħħ fis-salib u l-qawmien mill-mewt ta’ Kristu.  Kif jgħid San Pawl, bis-salib tiegħu Kristu waqqa’ l-ħajt tal-firda.  Bl-għotja ta’ Ġismu, Hu jgħaqqadna f’dan il-Ġisem tiegħu, biex jagħmel minna ħaġa waħda.  Fil-komunjoni tal-“Ġisem ta’ Kristu” lkoll insiru  poplu wieħed, il-Poplu ta’ Alla, fejn –  nerġa’ nsemmi  dak li jgħid San Pawl – ilkoll inkunu ħaġa waħda u fejn m’hemmx  aktar distinzjoni jew differenza, bejn Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbru jew Skita, ilsier jew ħieles, imma  fejn Kristu huwa kollox f’kulħadd.  Kristu waqqa’ l-ħajt tad-distinzjoni bejn popli, razez u kulturi: ilkoll aħna ħaġa waħda  fi Kristu.  U hekk naraw li ż-żewġ kunċetti – “Poplu ta’ Alla” u “Ġisem ta’ Kristu” – imorru flimkien u jiffurmaw il-kunċett tal-Knisja skont it-Testment il-Ġdid.  U waqt  li f’“Poplu t’Alla” naraw il-kontinwità tal-istorja tal-Knisja, f’“Ġisem ta’ Kristu” naraw l-universalità  tal-Knisja li bdiet bis-salib u l-qawmien mill-mewt tal-Mulej.  Mela, għalina l-insara, “Ġisem ta’ Kristu” mhuwiex biss  xbieha, iżda kunċett tabilħaqq, għaliex Kristu jagħtina r-rigal tal-veru Ġisem tiegħu, mhux  biss ta’ xbieha.  Kristu li qam mill-mewt jgħaqqadna lkoll fis-Sagrament biex jagħmilna ġisem wieħed. Għaldaqstant,  “Poplu ta’ Alla” u “Ġisem ta’ Kristu” jikkompletaw lil xulxin: fi Kristu nsiru tabilħaqq il-Poplu ta’Alla.  U  għalhekk “Poplu ta’Alla” jfisser “kulhadd”: mill-Papa sa l-iċken tarbija li rċeviet il-magħmudija.  F’dak li jissejjaħ il-Kanoni  Ruman,  li nkiteb fir-raba’ seklu, l-ewwel Talba Ewkaristika tiddistingwi  bejn qaddejja – “aħna, qaddejja tiegħek” – u “plebs tua sancte” (l-poplu tiegħek qaddis); mela jekk irridu niddistingwu,  nitkellmu fuq qaddejja u plebs sancta (poplu qaddis),  imma  l-espressjoni “Poplu ta’ Alla”  turi lil kulħadd flimkien  bħala Knisja.

 

Kif spiċċa l-Konċilju kien hemm  ħafna li laqgħu din id-duttrina ekkleżjoloġika, u nirringrazzjaw lil Alla tal-frott tajjeb  li immatura fil-komunità nisranija.  Imma tajjeb niftakru li din id-duttrina,  kemm fil-prassi u allura anki fil-mod kif ġiet assimilata fin-nisġa tal-ħajja ekkleżjali, mhux dejjem u kullimkien kienet milqugħa bla diffikultà u b’interpretazzjoni xierqa. Fid-diskors li għamilt lill-Kurja Rumana fit-22 ta’ Diċembru 2005,  kont iċċarajt li hemm kurrent interpretattiv, li fil-waqt li jgħid li jżomm “l-ispirtu tal-Konċilju”, dan irid jistabbilixxi nuqqas ta’ kontinwità u saħansitra jpoġġi  l-Knisja ta’ qabel il-Konċilju f’pożizzjoni  kontra dik ta’ wara l-Konċilju, kultant anki  billi jaqbeż l-istess limiti li jeżistu oġġettivament bejn il-ministeru ġerarkiku u r-responsabbiltjiet tal-lajċi fil-Knisja.

 

 Kien hemm xi wħud li interpretaw, l-aktar l-idea  ta’ “Poplu ta’ Alla”,  b’viżjoni  li hi purament soċjoloġika, b’dimensjoni li  hi  kważi orizzontali biss  u ħallew barra  dik vertikali, lejn Alla.  Dan imur kontra l-kelma u l-ispirtu tal-Konċilju, li ma riedx  iġib xi qasma,  xi Knisja oħra, imma ried tiġdid veru u profond fil-kontinwità ta’ Knisja waħda li  maż-żmien tikber  u tiżviluppa, filwaqt li tibqa’ dejjem l-istess, il-Poplu  wieħed ta’ Alla  f’pellegrinaġġ.

 

It-tieni ħaġa li rridu  naraw hi  li l-qawmien ta’ enerġiji spiritwali u pastorali  li seħħ f’dawn l-aħħar snin mhux dejjem ipproduċa t-tisħiħ u l-iżvilupp mixtieq.  Fil-fatt,  jeħtieġ ngħidu li  għal xi komunitajiet ekkleżjali,  wara  żmien ta’ ħeġġa u ta’ inizjattiva, wasal  żmien ta’  nuqqas ta’ impenn,   ta’  għeja; xi  drabi   kważi  waqfu għal kollox; kien hemm ukoll reżistenza u  kontraddizjoni bejn id-duttrina konċiljari u d-diversi  ideat  li ġew formulati f’isem il-Konċilju, imma li  fil-fatt  jmorru kontra l-ispirtu  u l-kelma tiegħu.   Dan ukoll wassal biex  fl-1987 is-suġġett għall-Assemblea ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet  ikun il-vokazzjoni u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja u fid-dinja.  U dan il-fatt jurina li l-paġni mdawla li l-Konċilju ddedika għall-lajkat kienu għadhom  ma sabux posthom biżżejjed  fil-kuxjenza tal-kattoliċi u fil-prattika pastorali.

Min-naħa l-waħda għada teżisti t-tendenza li wieħed jidentifika l-Knisja  mal-ġerarkija biss  u jinsa r-responsabbiltà u l-missjoni  komuni tal-Poplu ta’ Alla, li fih, fi Kristu, hemm aħna lkoll.  Min-naħa l-oħra, kif ġa għidt, hemm ukoll it-tendenza li wieħed iħares lejn il-Poplu ta’ Alla mil-lat  purament soċjologiku jew politiku,  u jinsa n-novità  u l-ispeċifiċità  ta’ dan il-poplu, li jissawwar  poplu biss  fl-għaqda tiegħu ma’ Kristu.

 

Għeziez ħuti, issa jeħtieġ li nistaqsu: id-Djoċesi tagħna ta’ Ruma fejn waslet?   Kemm tagħraf  u tiffavorixxi  l-korresponsabbiltà pastorali ta’ kulhadd,  partikolarment tal-lajci? Fis-sekli li għaddew il-komunità nisranija ħabbret l-Evanġelju lin-nies ta’ Ruma bix-xhieda ġeneruża li bosta mgħammdin taw  matul ħajjithom fil-waqt li edukaw  lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda fil-fidi, ħadu ħsieb il-morda u taw l-għajnuna lill-foqra.  Din l-istess missjoni hi fdata f’idejna llum, f’sitwazzjonijiet differenti, f’belt fejn  numru mhux żgħir ta’ mgħammdin tilfu t-triq tal-Knisja u fejn dawk li mhumiex insara ma jafux dwar is-sbuħija tal-fidi tagħna.  Is-Sinodu Djoċesan, li sejjaħ il-predeċessur maħbub tiegħi, Ġwann Pawlu II, kien fil-fatt “receptio” tad-duttrina konċiljari. U l-Ktieb tas-Sinodu ta impenn lid-Djoċesi biex tkun dejjem iżjed Knisja ħajja li taħdem fil-qalba tal-belt, permezz tal-azzjoni koordinata u responsabbli ta’ dawk kollha li jagħmlu parti minnha.  Il-“Missjoni tal-belt” li saret wara bi thejjija għall-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000,  swiet biex  il-komunità  ekkleżjali tagħna  tagħraf li l-mandat tal-evanġelizazzjoni mhuwiex  għal xi wħud biss  imma għall-imgħammdin kollha. Kienet esperjenza siewja li tat kontribut biex il-parroċċi, il-komunitajiet reliġjużi, l-assoċjazzjonijiet u  l-movimenti jimmaturaw billi jagħrfu li huma parti mill-Poplu wieħed ta’ Alla,  poplu, li skont il-kliem tal-Appostlu Pietru,“Alla kiseb għalih, biex ixandar l-għemejjel tiegħu ta’ l-għaġeb.”  (I Pt 2:9).  U ta dan il-lejla rridu nroddu hajr.

 

Madanakollu, għad hemm ħafna x’isir.   Bosta mgħammdin ma jħossuhomx parti mill-komunità ekkleżjali u jgħixu ‘l bogħod mill-komunità; ifittxu l-parroċċa biss f’ċerti ċirkustanzi biex jirċievu servizzi reliġjużi.  Meta tqis in-numru ta’ nies f’kull parroċċa, issib li għalkemm ħafna jistqarru li huma kattoliċi, ftit huma dawk li lesti jaħdmu fid-diversi oqsma ta’ appostolat. Huwa veru li d-diffikultajiet ta’ natura kulturali u soċjali ma jonqsux, imma b’fedelta’ għas-sejħa tal-Mulej,  ma nistgħux nirrassenjaw ruħna u  kollox jibqa’  kif inhu. B’fiduċja fil-grazzja ta’ l-Ispirtu, li Kristu Rxoxt iggarantilna, jeħtieġ li b’ħeġġa mġedda nerġgħu nibdew il-mixja tagħna.

 

Liema huma t-toroq li nistgħu naqbdu?  L-ewwelnett hemm bżonn nġeddu l-isforz biex ikun hemm formazzjoni aktar attenta u puntwali  dwar il-viżjoni ta’ Knisja li għadni kemm semmejt, u dan  jgħodd   għas-saċerdoti,  għar-reliġjużi u għal-lajċi.  Irridu nifhmu dejjem aħjar x’inhi din il-Knisja,  x’inhu dan il-Poplu ta’ Alla fil-Ġisem ta’ Kristu. Fl-istess ħin,  hemm bżonn intejbu l-impostazzjoni pastorali,  biex  bil-mod il-mod nippromwovu l-korresponsabbiltà li l-membri kollha tal-Poplu ta’ Alla jridu jgħixu flimkien fil-waqt li  jrrispettaw il-vokazzjonijiet u r-rwoli tal-konsagrati u tal-lajċi.  Dan jitlob bidla ta’ mentalità, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-lajċi  biex dawn  ma jibqgħux  meqjusa bħala “kollaboraturi” tal-kleru  imma  biex  ikunu rikonoxxuti  verament bħala “korresponsabbli”  għal dak li hi u li tagħmel il-Knisja, ħalli b’hekk jissaħħaħ lajkat matur u impenjat.   Il-fatt li l-imgħammdin kollha jagħrfu li huma Knisja  bl-ebda  mod ma jnaqqas  ir-responsabbiltà tal-kappillani.

 

Għeżież kappillani, tridu tkunu  propju intom li tqanqlu lil dawk li ġa huma impenjati fil-parroċċa biex jikbru spiritwalment u  fil-ħidma appostolika li jwettqu: huma n-nukleju  tal-komunità li jservi bħala ħmira għall-oħrajn.  Biex dawn il-komunitajiet,  li kultant huma żgħar fin-numru, ma jitilfux l-identità u l-qawwa tagħhom, jeħtieġ li jkunu mħarrġa fis-smigħ tal-Kelma ta’Alla li jwassal għat-talb, permezz tal-lectio divina, li s-Sinodu tal-Isqfijiet ta’ dan l-aħħar tant ħeġġeġ biex issir. Ejjew nissaħħu tassew bis-smigħ, bil-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla.  Dawn il-komunitajiet  jeħtieġ jagħrfu li huma “Knisja” għaliex Kristu, Kelma eterna tal-Missier, isejħilhom u jagħmilhom il-Poplu tiegħu. 

 Fil-fatt, il-fidi hi relazzjoni personali u profonda ma’ Alla,  imma  fiha hemm ukoll id-dimensjoni essenzjali  ta’ komunità. Dawn iż-żewġ dimensjonijiet ma tistax tifridhom minn xulxin. B’hekk  wieħed ikun jista’ jisperimenta s-sbuħija u l-ferħ li tkun u li tħossok Knisja.  Din hi xi ħaġa li jkunu jistgħu jħossuha anki ż-żgħażagħ, li tant huma esposti għall-individwaliżmu tal-kultura ta’ żmienna, individwaliżmu li dejjem qed jikber u li jġib miegħu konsegwenzi inevitabbli  bħad-dgħufija tar-rabtiet interpersonali u n-nuqqas ta’ sens of belonging.  Il-fidi f’Alla tgħaqqadna fil-Ġisem ta’ Kristu u nsiru lkoll ħaġa waħda fl-istess Ġisem, u hekk, propju  b’din il-fidi profonda  nkunu nistgħu nisperimentaw ukoll il-komunjoni ta’ bejnietna u negħlbu s-solitudni li jġib miegħu l-individwaliżmu.

 

Jekk hi l-Kelma li ġġib flimkien il-Komunità, hi l-Ewkaristija li tagħmilha ġisem: għax kif jikteb San Pawl: “La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10:17).   Mela, il-Knisja mhijiex ir-riżultat li joħroġ minn somma ta’ individwi, imma hi għaqda bejn dawk li  huma mitmugħa mill-Kelma  unika ta’Alla u mill- Ħobża unika tal-ħajja.  Il-komunjoni u l-għaqda tal-Knisja, li  jitwieldu mill-Ewkaristija, huma realtà  li jeħtieġ nagħrfuha dejjem aktar, anki meta nirċievu t-tqarbin mqaddes. Jeħtieġ nagħrfu dejjem aktar li qed  nidħlu f’għaqda ma’ Kristu u b’hekk  aħna, bejnietna, qed insiru ħaġa waħda.   Jeħtieġ dejjem nitgħallmu mill-ġdid ngħożżu din l-għaqda ta’ bejnietna u nħarsuha minn  kull ġlied, tilwim, għira li jistgħu  jinbtu fil-komunitajiet ekkleżjali u bejnithom.

 

Lill-movimenti u lill-komunitajiet, b’mod speċjali lil dawk li twaqqfu wara l-Konċilju Vatikan II,  li  huma  wkoll don prezzjuż għad-Djoċesi tagħna u li rridu  nirringrazzjaw lill-Mulej għalih,  lil dawn il-movimenti, li nerġa’ ngħid huma don, nixtieq nitlobhom  jieħdu ħsieb li l-programmi  formattivi li jħejju jgħinu  lill-membri tagħhom biex jimmaturaw u jħossu fil-veru sens  li huma jagħmlu parti mill-komunità parrokjali.  Kif ġa għidt, iċ-ċentru tal-ħajja tal-parroċċa hi l-Ewkaristija, b’mod speċjali ċ-Ċelebrazzjoni tal-Ħadd.  Jekk l-għaqda tal-Knisja titwieled mill-laqgħa mal-Mulej,  allura m’għandhiex titqies bħala xi ħaġa sekondarja li nagħtu l-kura  xierqa kollha  lill-adorazzjoni u liċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija  biex min jieħu sehem iħoss il-ġmiel tal-misteru ta’ Kristu.   U la l-ġmiel tal-liturġija “mhux xi ħaġa sempliċiment estetika,  imma  hu mezz li bih l-verità ta’ l-imħabba ta’ Alla fi Kristu tasal għandna, issaħħarna u tiġbidna fi ħdanha” (Sacramentum caritatis, n.35), hu importanti li, permezz tas-sinjali sagramentali, iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika timmanifesta u tikkomunika l-ħajja divina u turi  lin-nies ta’ din il-belt il-veru wiċċ tal-Knisja.

 

Imbagħad, l-iżvilupp spiritwali u appostoliku tal-komunità jwassalha biex  permezz ta’  azzjoni missjunarja konvinta taħdem ħalli tkabbar  il-firxa tagħha.  Mela, kienu ġenerużi biex  bħal fi żmien il-Missjoni tal-Belt,  f’kull parroċċa  tingħata mill-ġdid ħajja lill-gruppi żgħar jew ċentri fejn il-fidili jkunu jistgħu jisimgħukom tħabbru lil Kristu u l-Kelma tiegħu,  fejn wieħed ikun jista’  jagħmel esperjenza  ta’ fidi,  jeżerċita l-imħabba u jorganizza  t-tama.   Meta l-parroċċi kbar fl-ibliet jinqasmu f’dawn il-ħafna komunitajiet żgħar ikun hemm aktar lok għall-ħidma missjunarja li tieħu f’konsiderazzjoni l-kobor tal-popolazzjoni, il-fiżonomija soċjali u kulturali tagħha, li spiss  tkun ta’ suriet differenti.   Hu importanti li dan il-metodu pastorali  jitwettaq anki fil-postijiet tax-xogħol, għax illum  trid tevanġelizza b’pastorali maħsuba tajjeb għall-ambjent, fejn  il-popolazzjoni tgħaddi parti kbira mill-ġurnata minħabba l-mobbilità soċjali li dejjem qed tiżdied.  

                                                                       

Fl-aħħarnett m’għandniex ninsew ix-xhieda ta’ l-imħabba, li tgħaqqad il-qlub u tiftaħ it-triq biex wieħed iħossu parti mill-knisja.  Meta wieħed jistaqsi x’kien li wassal għas-suċċess tal-Kristjaneżmu fl-ewwel sekli,  x’kien li wassal lil dik li kienet  meqjusa  bħala setta Lhudija biex issir ir-reliġjon ta’ l-imperu, l-istudjużi tal-istorja jwieġbu li  l-esperjenza ta’ l-imħabba  li għexu l-insara kienet dik li b’mod speċjali  kkonvinċit lid-dinja.  L-għixien ta’ l-imħabba hu l-forma  primarja tal-ħidma missjunarja.  Il-Kelma mħabbra u mgħejxa ssir  kredibbli jekk tinkarna ruħha f’imġiba ta’ solidarjetà,  ta’ qsim,  ta’ ġesti li juru l-wiċċ  ta’ Kristu bħala l-veru Ħabib tal-bniedem.  Jalla x-xhieda silenzjuża ta’ l-imħabba fil-ħajja ta’ kuljum,  li seħħ fil-parroċċi grazzi għall-impenn ta’ ħafna fidili lajċi, tkompli tinfirex dejjem aktar,  biex min jgħix fit-tbatija jħoss  il-Knisja qrib tiegħu u jesperimenta l-imħabba tal-Missier, għani fil-ħniena tiegħu.  Kunu, ghalhekk, “is-sammaritani t-twajba”, lesti  li tikkuraw il-ġrieħi materjali u spiritwali ta’ ħutkom.  Id-djakni, li l-ordinazzjoni  tagħhom tagħmilhom jixbhu lil Kristu qaddej,  jistgħu  jwettqu servizz  siewi  billi jippromwovu attenzjoni ġdida  lejn l-anzjani u  lejn l-forom ġodda tal-faqar.   Qed naħseb ukoll fiż-żgħażagħ: għeżież, nistedinkom  tpoġġu  l-entużjażmu  u l-kreatività tagħkom għas-servizz ta’ Kristu u ta’ l-Evanġelju,  billi tkunu appostli  għal sħabkom, lesti li twieġbu  b’ġenerożità  jekk l-Mulej isejħilkom biex timxu warajh mill-qrib fit-triq tas-saċerdozju jew tal-ħajja konsagrata.

 

Għeżież ħuti, il-ġejjieni tal-kristjanezimu u tal-Knisja f’Ruma jiddependi ukoll mill-impenn u mix-xhieda ta’ kull wieħed u waħda minnha.  Nitlob  għal dan bl-interċessjoni  ta’ Ommna l-Verġni Marija,  li matul is-sekli kienet meqjuma fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore bħala Salus populi romani.  Kif għamlet ma’ l-Appostli fiċ-Ċenaklu meta kienu jistennew il- Pentecoste, hekk tagħmel magħna fil-waqt li tikkumpanjana u tagħmlilna l-qalb biex inħarsu b’tama  lejn il-ġejjieni. 

 

B’dawn is-sentimenti, fil-waqt li nirringrazzjakom għax-xogħol siewi tagħkom, nagħti lil kulħadd minn qalbi,  Barka Appostolika speċjali.