ATTI TAL-APPOSTLI

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

 

1. Il-wegħda ta' l-Ispirtu s-Santu

 

[Atti:1:1] Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda [Atti:1:2] sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz ta' l-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel. [Atti:1:3] Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f'erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta' Alla. [Atti:1:4] Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, "li fuqha", qalilhom, "smajtu x'kont għedtilkom. [Atti:1:5] Jiġifieri, li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu."

 

Tlugħ il-Mulej fis-sema

 

[Atti:1:6] Kif kienu flimkien staqsewh: "Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa' twaqqaf is-Saltna ta' Iżrael?" [Atti:1:7] Hu weġibhom: "M'hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. [Atti:1:8] Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f'Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u                  s-Samarija u sa truf l-art." [Atti:1:9] Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud 'il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. [Atti:1:10] Waqt li kienu b'għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f'daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel libsin l-abjad, [Atti:1:11] u qalulhom: "Rġiel tal-Galilija, x'intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa' jiġi kif rajtuh sejjer."

L-għażla ta' Mattija

 

[Atti:1:12] Mbagħad reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejjħa taż-Żebbuġ, li hi 'l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt. [Atti:1:13] Xħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta' fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Huma kienu: Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew, u Xmun jgħidulu l-Imħeġġeġ, u Ġuda bin Ġakbu. [Atti:1:14] U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma' xi nisa u ma' Marija, omm Ġesù, u ma' ħutu.

 

[Atti:1:15] F'dawk il-jiem, Pietru qam f'nofs il-ġemgħa ta' l-aħwa, li kienu b'kollox madwar mija u għoxrin ruħ, u qalilhom: [Atti:1:16] "Ħuti, jeħtieġ li sseħħ l-Iskrittura, dak li l-Ispirtu   s-Santu ħabbar b'fomm David fuq Ġuda, li kien il-mexxej ta' dawk li qabdu lil Ġesù. [Atti:1:17] Għax hu kien wieħed minna u kellu sehmu f'dan il-ministeru tagħna. [Atti:1:18] Issa dan Ġuda kien xtara għalqa bil-qligħ inġust tiegħu; u hemm waqa' għal rasu, nqasam minn nofsu u ħarġulu msarnu kollha. [Atti:1:19] In-nies kollha ta' Ġerusalemm saru jafu b'dan, u bdew isejjħu lil dik l-għalqa bl-ilsien tagħhom Ħakeldama, jiġifieri l-għalqa tad-demm.  [Atti:1:20] Hemm miktub fil-Ktieb tas-Salmi,

 

           ‘Issir ħerba d-dar tiegħu,

           u ma jkun hemm ħadd li jgħammar fiha;

           u ħaddieħor jeħodlu xogħlu.’

 

[Atti:1:21] Jeħtieġ għalhekk li jingħażel wieħed minn dawk li ssieħbu magħna tul iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù kien dieħel u ħiereġ magħna, [Atti:1:22] ibda mill-magħmudija ta' Ġwanni sa dak in-nhar li kien meħud minn magħna, u jkun flimkien magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet." [Atti:1:23] Mbagħad ressqu tnejn, Ġużeppi msejjaħ Barsaba, li jgħidulu wkoll Ġustu, u Mattija. [Atti:1:24] U talbu hekk: "Mulej, int li tagħraf il-qalb ta' kulħadd, uri liema minn dawn it-tnejn int għażilt [Atti:1:25] biex jieħu l-post ta' dan il-ministeru u l-appostolat li minnu telaq Ġuda biex imur fejn kien jistħoqqlu." [Atti:1:26] Mbagħad tefgħu x-xorti, li waqgħet fuq Mattija, u dan issieħeb mal-ħdax-il appostlu.

 

2. Il-miġja ta' l-Ispirtu s-Santu

 

[Atti:2:1] Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f'post wieħed. [Atti:2:2] F'daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta' riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. [Atti:2:3] U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. [Atti:2:4] Mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b'ilsna oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

 

[Atti:2:5] F'Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. [Atti:2:6] Malli nstama' dan il-ħoss, nġabret kotra kbira, lkoll imħawwdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu: [Atti:2:7] Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: "Dawn li qegħdin jitkellmu m'humiex ilkoll mill-Galilija? [Atti:2:8] Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? [Atti:2:9] Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, [Atti:2:10] mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, [Atti:2:11] kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta' Alla!" [Atti:2:12] U lkoll, mitlufa bl-għaġeb, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: "Dan xi jkun?" [Atti:2:13] Oħrajn bdew jiddieħku u jgħidu: "Dawn xorbu              l-inbid ġdid!"

 

Id-diskors ta' Pietru f'Għid il-Ħamsin

 

[Atti:2:14] Imma Pietru, flimkien mal-Ħdax, qam u qal lil-Lhud b'leħen għoli: "Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu f'Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x'se ngħidilkom jien. [Atti:2:15] Le, dawn m'humiex fis-sakra, kif qegħdin taħsbu intom; għax għadhom id-disgħa ta' filgħodu. [Atti:2:16] Imma dan m'hux ħlief dak li ntqal permezz  tal-profeta Ġoel :

 

     [Atti:2:17] 'U jiġri fl-aħħar jiem, jgħid Alla,

     li jiena msawwab mill-Ispirtu tiegħi fuq kull bniedem ;

     u jħabbru wliedkom, subjien u bniet,

     u ż-żgħażagħ tagħkom jaraw dehriet,

     u x-xjuħ tagħkom joħolmu ħolmiet;

     [Atti:2:18] u wkoll fuq il-qaddejja tiegħi, rġiel u nisa,

     nsawwab f’dawk il-jiem mill-Ispirtu tiegħi,

     u jħabbru.

     [Atti:2:19] U jien nagħmel għeġubijiet fl-għoli tas-

                                                                   smewwiet,

     u sinjali isfel fl-art :

     demm u nar u dħaħen kbar.

     [Atti:2:20] Ix-xemx tinbidel fi dlam,

     u l-qamar f’demm,

     qabel ma jasal jum il-Mulej,

     jum kbir u glorjuż.

     [Atti:2:21] U jiġri li kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salv.'

 

[Atti:2:22] "Poplu ta' Iżrael, isimgħu dan li se ngħidilkom. Ġesù ta' Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. [Atti:2:23] Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f'idejkom skond l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta' nies ħżiena; [Atti:2:24] imma Alla qajjmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. [Atti:2:25] Għax David jgħid fuqu,

 

     ‘Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi,

     għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek.

     [Atti:2:26] Għalhekk ferħet qalbi

     u mtela bl-hena lsieni ;

     u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama,

     [Atti:2:27] għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi,

     u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir.

     [Atti:2:28] Inti għarraftni t-triq tal-ħajja,

     timlieni bil-ferħ meta nkun quddiemek.

 

[Atti:2:29] "Ħuti, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sa llum stess. [Atti:2:30] Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b'ġurament li kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu. [Atti:2:31] David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal,

 

     ‘La kien mitluq fl-imwiet

     u lanqas ġismu ma ra t-taħsir.’

 

[Atti:2:32] Lil dan Ġesù, Alla qajjmu mill-imwiet, u ta' dan aħna lkoll xhieda. [Atti:2:33] Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawwbu fuqna, kif qegħdin taraw u tisimgħu [Atti:2:34] David ma telax fis-smewwiet, iżda hu nnifsu jgħid,

 

     ‘Il-Mulej qal lil Sidi :

     Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

     [Atti:2:35] sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek taħt             

                                                                                 riġlejk.’

 

[Atti:2:36] Mela ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta' Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija."

 

[Atti:2:37] Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u lill-appostli  l-oħra: "L-aħwa, x'għandna nagħmlu aħna?" [Atti:2:38] U Pietru weġibhom: "Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta' Ġesù Kristu għall-maħfra ta' dnubietkom; u intom tirċievu d-don ta' l-Ispirtu s-Santu. [Atti:2:39] Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejjħilhom." [Atti:2:40] U b'ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom: "Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin." [Atti:2:41] Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu u dak in-nhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ. [Atti:2:42] U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim ta' l-appostli u fl-għaqda ta' bejniethom,  fil-qsim tal-ħobż u fit-talb.

 

Il-ħajja ta' l-ewwel dixxipli

 

[Atti:2:43] Waqa' mbagħad il-biża' fuq kulħadd għax ħafna kienu l-mirakli u s-sinjali li kienu jsiru permezz ta' l-appostli. [Atti:2:44] Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, [Atti:2:45] ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skond il-ħtieġa ta' kull wieħed. [Atti:2:46] U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja; [Atti:2:47] u kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi.

 

3. Fejqan tal-magħtub ħdejn il-bieb  tat-tempju

 

[Atti:3:1] Pietru u Ġwanni kienu telgħin lejn it-tempju għat-talb tat-tlieta ta' wara nofsinhar. [Atti:3:2] U xi wħud kienu qegħdin iġorru raġel magħtub minn twelidu, li kienu jqegħduh kuljum ħdejn il-bieb  tat-tempju, li jgħidulu s-Sabiħ, biex jitlob il-karità lil dawk li jkunu deħlin fit-tempju. [Atti:3:3] Xħin ra lil Pietru u 'l Ġwanni deħlin fit-tempju talabhom il-karità. [Atti:3:4] Pietru, flimkien ma' Ġwanni, tefa' għajnejh fuqu u qallu: "Ħares lejna." [Atti:3:5] Dak baqa' jħares lejhom, jistenna li se jaqla' xi ħaġa minn għandhom. [Atti:3:6] Imma Pietru qallu: "Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta' Ġesù Kristu ta' Nazaret, imxi!" [Atti:3:7] U qabdu minn idu l-leminija u qajjmu. Minnufih riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom; [Atti:3:8] u malajr qabeż fuq riġlejh u beda jimxi. U daħal magħhom fit-tempju, jimxi u jaqbeż bil-ferħ u jfaħħar lil Alla. [Atti:3:9] Il-poplu kollu rah miexi u jfaħħar lil Alla; [Atti:3:10] għarfu li hu kien l-istess wieħed li soltu kien jitlob il-karità ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-tempju. U baqgħu mistagħġba u miblugħa b'dak li ġralu.

 

Id-diskors ta' Pietru ħdejn il-portiku ta' Salamun

 

[Atti:3:11] Waqt li hu kien imqabbad ma' Pietru u Ġwanni, in-nies, mistagħġba għall-aħħar, ġrew ilkoll flimkien lejhom ħdejn il-portiku li jgħidulu ta' Salamun. [Atti:3:12] Pietru, kif rahom qalilhom: "Nies ta' Iżrael, x'intom tistagħġbu b'dan? Jew x'intom tħarsu lejna, qisna konna aħna li b'ħilitna jew bit-tjieba tagħna għamilna lil dan ir-raġel jimxi? [Atti:3:13] Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb, Alla ta' missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, għalkemm dan kien qatagħha li jitilqu. [Atti:3:14] Intom ċħadtu  l-Qaddis u l-Ġust, tlabtu l-ħelsien ta' wieħed qattiel [Atti:3:15] u qtiltu lill-Awtur tal-ħajja. Imma Alla qajjmu mill-imwiet, u ta' dan aħna xhieda. [Atti:3:16] Kien bl-isem ta' Ġesù, u permezz tal-fidi f'dan l-isem, li dan ir-raġel, li intom tafuh u qegħdin tarawh, ħa saħħtu; hija l-fidi fih li tatu saħħtu għal kollox quddiemkom ilkoll. [Atti:3:17] Issa, ħuti, jiena naf li kemm intom u kemm il-kapijiet tagħkom, għamiltu dan għaliex ma kontux tafu. [Atti:3:18] Imma b'hekk Alla temm dak li hu kien ħabbar sa minn qabel b'fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija tiegħu kellu jbati. [Atti:3:19] Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom. [Atti:3:20] Hekk jiġu żminijiet ta' mistrieħ mingħand  il-Mulej, u hu jibagħtilkom il-Messija li għażlilkom, li hu Ġesù, li għalissa [Atti:3:21] għandu jibqa' fis-sema sa ma jseħħ it-tiġdid kollu li fl-imgħoddi semma Alla b'fomm il-profeti qaddisa tiegħu. [Atti:3:22] Mosè wkoll qal, 'Il-Mulej Alla tagħna jqajjmilkom profeta bħali minn fost ħutkom; lilu isimgħu f'kull ma jgħidilkom. [Atti:3:23] U jiġri li kull min ma jismax minn dan il-profeta jinqered minn qalb il-poplu.' [Atti:3:24]  U l-profeti kollha, ibda minn Samwel u dawk li ġew warajh, ilkoll tkellmu u ħabbru dawn il-jiem. [Atti:3:25] Intom ulied il-profeti u werrieta tal-Patt li Alla għamel ma' missirijietkom meta qal lil Abraham, 'F'nislek jitbierku l-ġnus kollha ta' l-art.' [Atti:3:26] Kien għalikom l-ewwel li Alla qajjem              il-Qaddej tiegħu u bagħtu jberikkom, billi kull wieħed minnkom jerġa' lura minn ħżunitu."

 

4. Pietru u Ġwanni quddiem is-Sinedriju

 

[Atti:4:1] Waqt li Pietru u Ġwanni kienu għadhom qegħdin ikellmu  lill-poplu, resqu fuqhom il-qassisin u l-kmandant tat-tempju u s-Sadduċej; [Atti:4:2] għax ma felħux jisimgħuhom jgħallmu lill-poplu u, bl-istess qawmien ta' Ġesù, ixandru l-qawmien mill-imwiet. [Atti:4:3] Għalhekk meddew idejhom fuqhom, u żammewhom fil-ħabs sa l-għada, għax kien ġa sar filgħaxija. [Atti:4:4] Imma ħafna minn dawk li kienu semgħu l-kelma emmnu, u l-għadd tagħhom kien jilħaq mal-ħamest elef ruħ.

[Atti:4:5] L-għada l-kapijiet tagħhom u x-xjuħ u l-kittieba ltaqgħu f'Ġerusalemm. [Atti:4:6] Kien hemm Anna l-qassis il-kbir, Kajfa, Ġwanni, Alessandru, u dawk kollha li kienu mill-familja tal-qassisin  il-kbar. [Atti:4:7] Qiegħdu lill-appostli fin-nofs u staqsewhom: "Intom b'liema qawwa jew f'isem min għamiltuh dan?" [Atti:4:8] Pietru, mimli  bl-Ispirtu s-Santu, wieġeb: "Kapijiet tal-poplu u xjuħ, [Atti:4:9] intom illum qegħdin tistħarrġuna fuq il-ġid li għamilna lil wieħed marid, u biex dan fieq. [Atti:4:10] Mela kunu afu intom ilkoll, u l-poplu kollu ta' Iżrael: jekk dan ir-raġel hu hawn quddiemkom qawwi u sħiħ, dan ġara  bis-saħħa ta' l-isem ta' Ġesù Kristu ta' Nazaret, li intom sallabtuh u Alla qajjmu mill-imwiet.           [Atti:4:11] Din hi

 

         ‘Il-ġebla li intom, il-bennejja, warrbtu

         u li saret il-ġebla tax-xewka.’

 

[Atti:4:12] F'ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi." [Atti:4:13] Meta l-kapijiet raw il-kuraġġ li bih Pietru u Ġwanni kienu tkellmu, baqgħu mistagħġba bihom, għax kienu jafu kemm dawn kienu nies sempliċi u bla tagħlim, u fehmu sewwa li kienu nies ta' madwar Ġesù; [Atti:4:14] imma meta raw  ir-raġel li kien imfejjaq, wieqaf hemm ħdejhom, ma kellhom ħila jwieġbu xejn. [Atti:4:15] Mbagħad ġagħluhom joħorġu barra mis-Sinedriju u qagħdu jitħaddtu bejniethom. [Atti:4:16] "X'se nagħmlu bihom dawn in-nies?" bdew jgħidu, "għax in-nies kollha ta' Ġerusalemm jafu li dan il-miraklu sar permezz tagħhom; u dan aħna ma nistgħux niċħduh. [Atti:4:17] Imma, biex dan ma jixteridx aktar fost il-poplu, ejjew nhedduhom biex ma jsemmu dan l-isem ma' ħadd iżjed." [Atti:4:18] Għalhekk reġgħu sejjħulhom, u ordnawlhom biex b'ebda mod ma jitkellmu jew jgħallmu fl-isem ta' Ġesù. [Atti:4:19] Imma Pietru u Ġwanni weġbuhom: "Għidulna intom jekk hux sewwa quddiem Alla li aħna nisimgħu aktar minnkom milli minn Alla; [Atti:4:20] għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna." [Atti:4:21] Mbagħad reġgħu hedduhom u telquhom, għaliex minħabba l-poplu ma għarfux kif jaqbdu jikkastigawhom, għax kulħadd kien qiegħed jagħti glorja lil Alla għal dak li ġara. [Atti:4:22] Ir-raġel li kien imfejjaq b'dan il-miraklu kellu iktar minn erbgħin sena.

 

Id-dixxipli jitolbu għall-kuraġġ

 

[Atti:4:23] Malli telquhom, l-appostli marru għand sħabhom u għarrfuhom b'dak kollu li l-qassisin il-kbar u x-xjuħ kienu qalulhom. [Atti:4:24] Meta semgħu dan, lkoll flimkien għollew leħenhom lejn Alla u qalu: "O Sid, int li għamilt is-sema, l-art, il-baħar, u kull ma fihom; [Atti:4:25] int li nebbaħt bl-Ispirtu s-Santu lil David missierna, qaddej tiegħek, u b'fommu għedt,

 

     ‘Għaliex ixxewxu l-ġnus

     u l-popli ngħaqdu konfoffa waħda għalxejn?

     [Atti:4:26] Qamu s-slaten ta’ l-art,

     u l-kbarat inġemgħu flimkien

     kontra l-Mulej u l-Messija tiegħu.’

 

[Atti:4:27] Għax, tabilħaqq, f'din il-belt Erodi u Ponzju Pilatu ngħaqdu flimkien mal-pagani u n-nies ta' Iżrael kontra l-qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li int ikkonsagrajt, [Atti:4:28] biex jagħmlu dak kollu li, bil-qawwa u r-rieda tiegħek, iddestinajt minn qabel li kellu jsir. [Atti:4:29] Issa mela, Mulej, ħares lejn it-tehdid tagħhom, u agħmel li l-qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-kuraġġ kollu. [Atti:4:30] U midd idek biex isiru fejqan u sinjali u mirakli permezz ta' l-isem tal-qaddej qaddis tiegħek Ġesù." [Atti:4:31] Kif spiċċaw jitolbu, il-post fejn kienu miġbura theżheż, u lkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma ta' Alla bil-kuraġġ kollu.

 

Kellhom kollox flimkien

 

[Atti:4:32] Il-kotra kbira ta' dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien. [Atti:4:33] B'qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna. [Atti:4:34] Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom [Atti:4:35] kien imur iqegħedhom f'riġlejn l-appostli. Mbagħad kien jitqassam kollox skond il-ħtieġa ta' kull wieħed. [Atti:4:36] Hekk għamel il-levita Ġużeppi, minn Ċipru, li l-appostli kienu jsejjħulu Barnaba, jiġifieri bin  il-faraġ; [Atti:4:37] dan kellu għalqa, biegħha, u l-flus li daħħal minnha mar iqegħedhom f'riġlejn l-appostli.

 

5. Ananija u Safira

 

[Atti:5:1] Imma kien hemm raġel ieħor, jismu Ananija, u martu, li kien jisimha Safira; dan biegħ għalqa li kellu, [Atti:5:2] ftiehem ma' martu, u warrab sehem mill-prezz ta' l-għalqa, u l-bqija ħadha u qegħedha f'riġlejn l-appostli. [Atti:5:3] Imma Pietru qallu: "Ananija, dan kif ħallejt lix-Xitan jidħollok f'qalbek biex gdibt lill-Ispirtu s-Santu u warrabt biċċa mill-prezz ta' l-għalqa? [Atti:5:4] M'hux tiegħek kienet? U, wara li begħtha, m'hux f'idejk kienu flusha? X'fettillek iddaħħal f'rasek biex tagħmel dan? Mhux lill-bnedmin gdibt, imma lil Alla." [Atti:5:5] Malli Ananija sama' dan il-kliem, waqa' u miet. U biża' kbir ħakem lil dawk kollha li semgħu b'dan. [Atti:5:6] Mbagħad ġew iż-żgħażagħ, keffnuh, ġarrewh u difnuh.

 

[Atti:5:7] Għaddew xi tliet sigħat, u ġiet ukoll martu, bla ma kienet taf x'ġara. [Atti:5:8] Pietru staqsieha: "Għidli ftit: daqshekk begħtuha l-għalqa?" Hi wieġbet: "Iva, daqshekk." [Atti:5:9] Imma Pietru qalilha: "L-għala ftehemtu bejnietkom u ttantajtu l-Ispirtu tal-Mulej? Araw, riġlejn dawk li difnu lil żewġek waslu fuq l-għatba tal-bieb u se jġorru lilek ukoll." [Atti:5:10] F'daqqa waħda dik waqgħet mejta f'riġlejh. Xħin daħlu ż-żgħażagħ sabuha mejta, ġarrewha u difnuha ħdejn żewġha. [Atti:5:11] U waqa' biża' kbir fuq il-Knisja kollha u fuq kull min sama' b'dan.

 

Sinjali u mirakli

 

[Atti:5:12] Bis-saħħa ta' l-appostli kienu jsiru ħafna sinjali u mirakli fost il-poplu. U huma lkoll qalb waħda kienu jinġabru flimkien fil-portiku ta' Salamun, [Atti:5:13] u ħadd mill-oħrajn ma kien jissogra jissieħeb magħhom; imma kulħadd kien ifaħħarhom ħafna. [Atti:5:14] L-għadd ta' dawk li kienu jemmnu fil-Mulej, kemm irġiel kemm nisa, kien dejjem jiżdied u joktor, [Atti:5:15] hekk li kienu wkoll iġorru l-morda tagħhom fuq sodod u mtieraħ u jqegħduhom fil-pjazez biex, xħin jgħaddi Pietru, jaqa' mqar id-dell tiegħu fuq xi ħadd minnhom. [Atti:5:16] In-nies kienu jiġu mill-ibliet ta' madwar Ġerusalemm, iġorru l-morda u lil dawk li kienu maħkuma mill-ispirti mniġġsa; u lkoll kienu jitfejjqu.

 

L-appostli ppersegwitati

 

[Atti:5:17] Mbagħad qam il-qassis il-kbir u sħabu kollha mill-partit tas-Sadduċej, u, mimlija bl-għira [Atti:5:18] meddew idejhom fuqhom u xeħtuhom fil-ħabs pubbliku. [Atti:5:19] Iżda billejl anġlu tal-Mulej fetaħ il-bibien tal-ħabs, ħariġhom barra u qalilhom: [Atti:5:20] "Morru fit-tempju, u xandru lill-poplu kull ma għandu x'jaqsam ma' din il-ħajja." [Atti:5:21] Huma semgħu minnu, u filgħodu kmieni daħlu fit-tempju u bdew jgħallmu. Mbagħad ġie l-qassis il-kbir flimkien ma' sħabu, sejjaħ laqgħa tas-Sinedriju, il-Kunsill kollu tax-xjuħ ta' Iżrael, u bagħat iġib l-appostli mill-ħabs. [Atti:5:22] Il-qaddejja marru, u ma sabuhomx fil-ħabs; u reġgħu lura bl-aħbar [Atti:5:23] u qalulhom: "Il-ħabs sibnieh imsakkar tajjeb, u l-għassiesa kienu ħdejn il-bibien. Iżda xħin ftaħna, ma sibna lil ħadd hemm ġew." [Atti:5:24] Għal din l-aħbar  il-kmandant tat-tempju u l-qassisin il-kbar baqgħu mħassbin fuqhom u fuq x'sata' ġara. [Atti:5:25] Mbagħad ġie xi ħadd jgħidilhom: "Dawk li intom xħettu fil-ħabs qegħdin fit-tempju jgħallmu 'l-poplu." [Atti:5:26]  Il-kmandant tat-tempju mar għalihom mal-qaddejja u ġiebhom miegħu, iżda mhux bil-forza, għax kienu jibżgħu li l-poplu jħaġġarhom.

 

[Atti:5:27] Daħħluhom u ressquhom quddiem is-Sinedriju. U l-qassis il-kbir [Atti:5:28] qalilhom: "Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem. U araw, issa mlejtu 'l Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna l-ħtija ta' demm dan il-bniedem!" [Atti:5:29] Iżda Pietru, flimkien ma' l-appostli, wieġeb u qal: "Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin. [Atti:5:30] Alla ta' missirijietna qajjem lil Ġesù li intom qtiltuh billi dendiltuh ma' għuda. [Atti:5:31] Alla għollieh bil-leminija tiegħu u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet. [Atti:5:32] U ta' dan kollu hawn xhieda aħna flimkien ma' l-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh."

 

[Atti:5:33] Xħin semgħu dan saħnu ħafna u waħħluha f'rashom li joqtluhom. [Atti:5:34] Imma wieħed Fariżew, jismu Gamaljel, mgħallem fil-Liġi u miġjub mill-poplu kollu, qam fis-Sinedriju u ordna li joħorġuhom 'il barra għal ftit. [Atti:5:35] Mbagħad qal lil sħabu: "Rġiel ta' Iżrael, iftħu għajnejkom x'sejrin tagħmlu lil dawn in-nies. [Atti:5:36] Ftit żmien ilu qam Tewda u beda jgħid li hu xi ħaġa; u madwar erba' mitt raġel qablu miegħu. Dan qatluh, u dawk kollha li kienu marru warajh tferrxu u ġew fix-xejn. [Atti:5:37] Warajh ġie Ġuda l-Galilew, fi żmien iċ-ċensiment, u ġibed poplu sħiħ warajh. Lil dan ukoll qatluh, u xterdu dawk kollha li kienu marru warajh. [Atti:5:38] Fuq dan li ġara issa, ngħidilkom: ħallukom minn dawn in-nies u itilquhom. Għax dan il-ħsieb jew ħidma tagħhom, jekk hi ġejja mill-bnedmin, għad tisfa fix-xejn; [Atti:5:39] iżda jekk hi ġejja minn Alla, ma jseħħilkomx teqirduhom. Araw li ma ssibux ruħkom li qegħdin teħduha kontra Alla!" Mbagħad qagħdu fuq il-parir tiegħu. [Atti:5:40] Sejjħu lill-appostli quddiemhom, u, wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta' Ġesù; mbagħad telquhom. [Atti:5:41] Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta' Ġesù. [Atti:5:42] U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija.

 

6. L-għażla tas-seba' djakni

 

[Atti:6:1] F'dawk il-jiem l-għadd tad-dixxipli kien qiegħed jiżdied; għalhekk sar xi tgergir mil-Lhud Griegi kontra l-Lhud, għax dehrilhom li ma kienx hemm min jieħu ħsieb ir-romol tagħhom fil-ministeru ta' kuljum. [Atti:6:2] Għalhekk it-Tnax sejjħu l-ġemgħa tad-dixxipli u qalulhom: "M'hux sewwa li aħna nħallu l-kelma ta' Alla biex naqdu  fl-imwejjed. [Atti:6:3] Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u                   bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f'idejhom. [Atti:6:4] U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-kelma." [Atti:6:5] Dan il-kliem għoġob  lill-ġemgħa kollha; u għażlu lil Stiefnu, bniedem mimli bil-fidi u  bl-Ispirtu s-Santu, lil Filippu, lil Prokoru, lil Nikanor, lil Timon, lil Parmena, u lil Nikola, prosèlita minn Antijokja. [Atti:6:6] Lil dawn ressquhom quddiem l-appostli, li talbu u qiegħdu idejhom fuqhom.

 

[Atti:6:7] U l-kelma ta' Alla kienet tixtered dejjem aktar; l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f'Ġerusalemm, u kotra kbira ta' qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.

 

Stiefnu arrestat

[Atti:6:8] Stiefnu, kollu grazzja u qawwa, kien jagħmel mirakli u sinjali kbar fost il-poplu. [Atti:6:9] Mbagħad qamu xi wħud minn tas-Sinagoga li jgħidulha tal-Meħlusin, taċ-Ċirinej, tal- Lixandrin, u ta' oħrajn miċ-Ċiliċja u mill-Asja, u bdew jeħduha ma' Stiefnu; [Atti:6:10] imma ma kellhomx ħila jiqfulu għall-għerf u għall-Ispirtu li bih kien jitkellem. [Atti:6:11] Mbagħad xewwxu xi nies biex jgħidu: "Aħna smajnieh jidgħi b'Mosè u b'Alla." [Atti:6:12] Qanqlu wkoll il-poplu u x-xjuħ u l-kittieba, li ġew għal fuqu, qabduh u ħaduh quddiem is-Sinedriju. [Atti:6:13] U ġiebu xhieda foloz biex jgħidu: "Dan ir-raġel qatt ma jieqaf jitkellem kontra dan  it-tempju mqaddes u kontra l-Liġi; [Atti:6:14] smajnieh jgħid li dan Ġesù ta' Nazaret għad iħott dan it-tempju u jbiddel id-drawwiet li tana Mosè." [Atti:6:15] Dawk kollha li kienu bilqiegħda fis-Sinedriju sammru għajnejhom fuqu, u rawlu wiċċu qisu wiċċ ta' anġlu.

 

7. Id-difiża ta' Stiefnu

 

[Atti:7:1] Mbagħad il-qassis il-kbir qallu: "Minnu dan?" [Atti:7:2] Stiefnu wieġeb: "Ħuti u missirijieti, isimgħuni. Alla tal-glorja deher lil Abraham missierna, meta dan kien fil-Mesopotamja qabel ma mar joqgħod Ħaran, [Atti:7:3] u qallu, 'Oħroġ minn artek u minn fost niesek u mur  fl-art li se nurik jien.' [Atti:7:4] Mbagħad ħareġ mill-art tal-Kaldin u mar joqgħod f'Ħaran. Minn hemm, wara li miet missieru, Alla ġiebu f'din l-art li fiha issa qed toqogħdu intom. [Atti:7:5] Hu ma tah xejn minnha għalih, anqas daqs sieq, imma wiegħdu li jagħtihielu biex tkun tiegħu, u ta' nislu warajh, għalkemm kien għad ma kellu ebda iben. [Atti:7:6] Alla qallu hekk għax nislu kellu jmur jgħix f'art barranija, li fiha kellhom ikunu mjassra u maħqura għal erba' mitt sena. [Atti:7:7] Iżda Alla qallu, 'Imma jien nagħmel ħaqq mill-poplu li jagħmilhom ilsiera tiegħu; mbagħad huma joħorġu u jagħtuni qima f'dan il-post.' [Atti:7:8] U għamel miegħu wkoll il-patt taċ-ċirkonċiżjoni. Hekk Abraham nissel lil Iżakk, u fit-tmien jum wara t-twelid għamillu ċ-ċirkonċiżjoni; l-istess għamel Iżakk lil Ġakobb, u Ġakobb lit-tnax-il patrijarka.

 

[Atti:7:9] "Il-patrijarki ġiethom l-għira għal Ġużeppi, u bigħuh bi lsir għall-Eġittu. Imma Alla kien miegħu; [Atti:7:10] ħelsu mit-taħbit kollu tiegħu u mlieh bl-għerf quddiem il-Fargħun, is-sultan ta' l-Eġittu, u għamel li dan jieħu tant grazzja miegħu li għamlu gvernatur fuq l-Eġittu u fuq daru kollha. [Atti:7:11] Mbagħad waqa' l-ġuħ fuq l-art kollha ta' l-Eġittu u ta' Kangħan li ġieb miegħu tbatija kbira, u missirijietna ma sabux x'jieklu. [Atti:7:12] Meta Ġakobb sama' li kien hemm il-qamħ fl-Eġittu, bagħat hemm lil missirijietna, u marru għall-ewwel darba; [Atti:7:13] fit-tieni darba Ġużeppi għarraf lil ħutu min kien, u l-Fargħun sar jaf lil nies Ġużeppi. [Atti:7:14] Mbagħad Ġużeppi bagħat iġib lil Ġakobb missieru u lil qrabatu kollha, li kienu b'kollox ħamsa u sebgħin ruħ. [Atti:7:15] Hekk Ġakobb niżel l-Eġittu, fejn miet, hu u missirijietna. [Atti:7:16] L-iġsma tagħhom ħaduhom Sikem u difnuhom fil-qabar li Abraham kien xtara mingħand ulied Ħamor f'Sikem u ħallashom bi flus tal-fidda.

 

[Atti:7:17] "Meta kien qiegħed joqrob iż-żmien biex isseħħ il-wegħda li Alla kien għamel lil Abraham, il-poplu żdied u kiber fl-Eġittu, [Atti:7:18] sakemm laħaq fl-Eġittu sultan ieħor, li ma kienx jaf b'Ġużeppi. [Atti:7:19] Dan mexa bil-ħażen ta' moħħu mal-ġens tagħna u ħaqar lil missirijietna, u sa ġegħelhom jarmu t-trabi tagħhom biex ma jgħixux aktar. [Atti:7:20] F'dak iż-żmien twieled Mosè, tarbija sabiħa ħafna, u għal tliet xhur rabbewh f'dar missieru. [Atti:7:21] Meta mbagħad kien mitluq barra mid-dar, ħaditu bint il-Fargħun u rabbietu bħal binha. [Atti:7:22] U Mosè trawwem fl-għerf kollu ta' l-Eġizzjani u sar qawwi fi kliemu u għemilu.

 

[Atti:7:23] "Mbagħad, meta kellu erbgħin sena, ġieħ il-ħsieb li jżur lil ħutu, ulied Iżrael. [Atti:7:24] Hemm ra raġel Eġizzjan jaħqar lil wieħed minnhom u qabeż għalih billi tħallas minn dak li kien qiegħed jaħqru, u qatlu. [Atti:7:25] Mosè ħaseb li ħutu fehmu li Alla kien se jeħlishom permezz tiegħu; iżda huma ma kienu fehmu xejn. [Atti:7:26] L-għada raġa' mar quddiemhom, u ra tnejn minnhom jiġġieldu, u, biex jagħmilhom paċi, qalilhom, 'Rġiel, intom aħwa; għaliex tagħmlu l-ħsara lil xulxin?' [Atti:7:27] Imma dak li kien qiegħed jaħqar lil sieħbu warrbu u qallu, 'Min għamlek kap u mħallef fuqna? [Atti:7:28] Jaqaw trid toqtolni bħalma lbieraħ qtilt lil dak l-Eġizzjan? [Atti:7:29] Malli sama' dan il-kliem Mosè ħarab u mar jgħix bħala barrani fl-art ta' Midjan, fejn kellu żewġt itfal.

 

[Atti:7:30] "Meta kienu għaddew erbgħin sena, kif darba kien fid-deżert tal-muntanja Sinaj, deherlu anġlu f'ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. [Atti:7:31] Mosè stagħġeb b'din id-dehra li kellu; imma kif resaq fil-qrib biex jara sewwa, sama' leħen il-Mulej jgħidlu, [Atti:7:32] 'Jiena Alla ta' missirijietek, Alla ta' Abraham, ta' Iżakk u ta' Ġakobb.' Mosè triegħed bil-biża' u ma ssugrax iħares. [Atti:7:33] Qallu mbagħad il-Mulej, 'Neħħi l-qorq minn saqajk, għax il-post fejn qiegħed int hu art qaddisa. [Atti:7:34] Jien stess rajt b'għajnejja t-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu, u smajt l-ilfiq tagħhom; għalhekk ġejt biex neħlishom. Ejja, mela, ħa nibagħtek lejn l-Eġittu.' [Atti:7:35] Dan hu l-istess Mosè li huma kienu ċaħdu meta qalulu, 'Min għamlek kap u mħallef?' Lilu Alla bagħat bħala kap u feddej meta deherlu permezz ta' l-anġlu li kien deherlu fl-għollieq. [Atti:7:36] Kien hu li ħariġhom 'il barra b'mirakli u sinjali li għamel fl-art ta' l-Eġittu, fil-Baħar l-Aħmar u fid-deżert għal erbgħin sena. [Atti:7:37] Dan hu Mosè li qal lil ulied Iżrael, 'Alla għad iqajjmilkom profeta bħali minn fost ħutkom.' [Atti:7:38] Dan hu li kien mal-ġemgħa fid-deżert, ma' l-anġlu li kien kellmu fuq il-muntanja Sinaj, u ma' missirijietna; hu, li rċieva kliem il-ħajja biex tah lilna. [Atti:7:39] Imma missirijietna ma ridux jisimgħu minnu, anzi warrbuh, u b'qalbhom reġgħu daru lejn l-Eġittu [Atti:7:40] meta qalu lil Aron, 'Agħmlilna allat, biex jimxu huma quddiemna, għax aħna ma nafux x'sar minnu dan Mosè li ħariġna mill-art ta' l-Eġittu!' [Atti:7:41] Dakinhar għamlu għoġol u offrew sagrifiċċju lill-idolu; u ferħu b'dak li kienu għamlu b'idejhom. [Atti:7:42] Għalhekk Alla tbiegħed minnhom u rħielhom jaduraw lill-kwiekeb tas-sema, kif hemm miktub fi ktieb il-profeti,

 

     ‘Qatt offrejtuli vittmi u sagrifiċċji

     f’dawk l-erbgħin sena fid-deżert, dar Iżrael?

     [Atti:7:43] Intom erfajtu t-tinda ta' Molok

     u l-kewkba ta’ Refal, alla tagħkom,

     ix-xbihat li intom għamiltu biex tqimuhom.

     U jien neżiljakom ‘l hemm minn Babilonja.’

 

[Atti:7:44] "It-tinda tax-Xhieda kienet hemm fid-deżert ma' missirijietna, it-tinda li Alla kien ordna lil Mosè u qallu biex jagħmilha fuq il-mudell li kien urieh. [Atti:7:45] Missirijietna, li rċevewha mingħand ta' qabilhom, daħħluha magħhom, huma u Ġożwè, meta ħadu taħt idejhom l-art tal-ġnus li Alla keċċa 'l barra minn quddiemhom. Hemm baqgħet sa żmien David. [Atti:7:46] David, li sab grazzja quddiem Alla, talab li jkun jista' jsib fejn jibni dar għal Alla ta' Ġakobb. [Atti:7:47] Imma kien Salamun li bnihielu d-dar. [Atti:7:48] Madankollu Alla l-Għoli ma jgħammarx fi djar maħduma bl-idejn, kif jgħid il-profeta,

 

     [Atti:7:49]  'Is-sema hu t-tron tiegħi,

     u l-art il-mirfes għal riġlejja.

     X’dar tistgħu tibnuli, jgħid il-Mulej,

     jew fejn hu l-post tal-mistrieħ tiegħi?

     [Atti:7:50] M'hux b'idejja sar dan kollu?'

 

[Atti:7:51] "Ja nies ta' ras iebsa, intom għalaqtu qalbkom u saddejtu widnejkom, u dejjem waqaftulu lill-Ispirtu s-Santu. Kif għamlu missirijietkom, qegħdin tagħmlu intom ukoll. [Atti:7:52] Lil min mill-profeti ma ppersegwitawx missirijietkom? Huma qatlu lil dawk li ħabbru minn qabel il-miġja ta' dak il-Ġust li issa intom stess ittradejtuh u qtiltuh, [Atti:7:53] intom, li rċevejtu l-Liġi minn idejn l-anġli, u ma ħaristuhiex."

 

Stiefnu mħaġġar

 

[Atti:7:54] Meta semgħu dan, ħassew kliemu jinfdilhom qalbhom u bdew jgħażżu snienhom kontra tiegħu. [Atti:7:55] Imma hu, mimli bl-Ispirtu  s-Santu u b'għajnejh fis-sema, ra l-glorja ta' Alla u lil Ġesù qiegħed fuq il-lemin ta' Alla. [Atti:7:56] U qal: "Ara, qiegħed nara s-sema miftuħ u lil Bin il-bniedem fil-lemin ta' Alla." [Atti:7:57] U huma nfexxew jgħajjtu kemm jifilħu u jsoddu widnejhom. Mbagħad intefgħu fuqu lkoll f'daqqa, [Atti:7:58] kaxkruh 'il barra mill-belt u qabdu jħaġġruh. Ix-xhieda qiegħdu ħwejjiġhom f'riġlejn żagħżugħ jismu Sawl. [Atti:7:59] Lil Stiefnu qabdu jħaġġruh huwa u jitlob u jgħid: "Mulej Ġesù, ilqa' r-ruħ tiegħi." [Atti:7:60] Mbagħad niżel għarkubbtejh u għajjat b'leħen għoli: "Mulej, tgħoddulhomx dan id-dnub." U kif qal hekk, miet.

 

8. [Atti:8:1] Sawl kien fehma waħda magħhom fil-mewt li tawh.

 

Sawl jippersegwita l-Knisja

 

[Atti:8:2] Xi rġiel twajba difnu lil Stiefnu, u bkewh ħafna. [Atti:8:3] Sadattant Sawl kien qiegħed jagħmel ħerba mill-Knisja; kien jidħol minn dar għal oħra, jaqbad irġiel u nisa u jitfagħhom il-ħabs.

 

Predikazzjoni fis-Samarija

 

[Atti:8:4] Imma dawk li xterdu bdew ixandru l-kelma kull fejn marru. [Atti:8:5] Filippu niżel f'belt tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha. [Atti:8:6] Il-folol tan-nies b'fehma waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. [Atti:8:7] Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena, u dawn b'għajat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejjqu. [Atti:8:8] U kien hemm ferħ kbir f'dik il-belt.

 

[Atti:8:9] Fil-belt kien hemm raġel jismu Xmun. Dan kien ilu jagħmel is-sħarijiet u jġennen lin-nies tas-Samarija u jgħidilhom li hu xi ħaġa kbira. [Atti:8:10] Lkoll, mill-kbar saż-żgħar, kienu jisimgħuh bil-ħerqa, għax kienu jgħidu: "Dan il-bniedem hu l-Qawwa ta' Alla, li jgħidulha l-Qawwa l-Kbira!" [Atti:8:11] Kienu jisimgħuh għax kien ilu ħafna jġenninhom bis-sħarijiet tiegħu. [Atti:8:12] Meta mbagħad emmnu l-Bxara t-tajba li Filippu kien ixandrilhom fuq is-Saltna ta' Alla u fuq  l-isem ta' Ġesù Kristu, tgħammdu, kemm l-irġiel u kemm in-nisa. [Atti:8:13] Xmun ukoll emmen u tgħammed, u kien dejjem maġenb Filippu, u kien jibqa' miblugħ meta kien jara s-sinjali u l-mirakli kbar li kienu jsiru.

 

[Atti:8:14] L-appostli, li kienu Ġerusalemm, semgħu li s-Samarija laqgħet il-kelma ta' Alla, u bagħtu hemm lil Pietru u 'l Ġwanni. [Atti:8:15] Dawn niżlu hemm u talbu biex dawk li emmnu jirċievu l-Ispirtu s-Santu; [Atti:8:16] għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss f'isem il-Mulej Ġesù. [Atti:8:17] Mbagħad l-appostli qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu. [Atti:8:18] Meta Xmun ra li bit-tqegħid ta' l-idejn ta' l-appostli kienu jirċievu l-Ispirtu s-Santu, huwa offra l-flus                     lill-appostli [Atti:8:19] u qalilhom: "Agħtu din is-setgħa lili wkoll, biex kull min inqiegħed idejja fuqu jirċievi l-Ispirtu s-Santu." [Atti:8:20] Imma Pietru wieġbu: "Alla jeqred flusek u lilek magħhom, ladarba ħsibt li bi flusek tista' tixtri d-don tiegħu! [Atti:8:21] Int ma għandekx x'taqsam f'din il-ħaġa, ma għandek ebda jedd għaliha; qalbek m'hijiex sinċiera quddiem Alla! [Atti:8:22] Indem minn dan il-ħażen tiegħek, u itlob lill-Mulej biex forsi jaħfirlek dan il-ħsieb tiegħek; [Atti:8:23] għax, milli qiegħed nara, int qalbek mimlija mrar, u l-ħażen jassrek." [Atti:8:24] Mbagħad Xmun wieġbu: "Itolbu intom għalija lill-Mulej, ħalli ma jiġrili xejn minn dan li intom għedtu."

 

[Atti:8:25] Pietru u Ġwanni, wara li taw ix-xhieda tagħhom u xandru l-kelma tal-Mulej, reġgħu lura Ġerusalemm. Huma u sejrin, xandru l-Bxara t-tajba lil ħafna rħula Samaritani.

 

Filippu u l-uffiċjal mill-Etjopja

 

[Atti:8:26] Anġlu tal-Mulej qal lil Filippu: "Qum, mur u aqbad it-triq li tieħu lejn in-nofsinhar minn Ġerusalemm għal Gaża." Din hi fid-deżert. [Atti:8:27] Filippu qam u telaq. Huwa u sejjer, jara raġel mill-Etjopja, ewnuku, uffiċjal għoli ta' Kandaċi, sultana ta' l-Etjopja, li kien jieħu ħsieb it-teżori kollha tagħha. Dan kien ġie Ġerusalemm biex jagħti qima lil Alla. [Atti:8:28] Huwa u sejjer lura, kif kien bilqiegħda fuq il-karru tiegħu, kien qiegħed jaqra l-ktieb tal-profeta Isaija. [Atti:8:29] Mbagħad l-Ispirtu qal lil Filippu: "Mur ersaq maġenb il-karru." [Atti:8:30] Filippu mar jgħaġġel lejn ir-raġel. Kif semgħu jaqra l-ktieb tal-profeta Isaija staqsieh: "Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?" [Atti:8:31] Dak wieġbu: "Kif nista' nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?" Mbagħad stieden lil Filippu biex jitla' bilqiegħda ħdejh. [Atti:8:32] Is-silta ta' l-Iskrittura li kien qiegħed jaqra kienet din:

 

     ‘Bħal nagħġa mehuda għall-qatla,

     u bħal ħaruf sieket quddiem min iġiżżu,

     hekk hu ma fetahx fommu.

     [Atti:8:33] Għakksuh u kien imċaħħad mill-ġustizzja.

     Min qatt jista’ jirrakkonta fuq nislu?

     Għax neħħewlu ħajtu minn fuq l-art.”

 

[Atti:8:34] Mela qal l-ewnuku lil Filippu: "Għidli, nitolbok, għal min qiegħed jgħid dan il-profeta? Għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor?" [Atti:8:35] Mbagħad Filippu fetaħ fommu u beda minn din is-silta ta' l-Iskrittura jxandarlu l-Evanġelju ta' Ġesù. [Atti:8:36] Huma u sejrin għal għonq it-triq, waslu f'post fejn kien hemm l-ilma. U l-ewnuku qal: "Ara, hawn l-ilma! X'qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?" [Atti:8:38] Mbagħad ordna li jwaqqfu l-karru, niżlu t-tnejn fl-ilma, hu u Filippu, u dan għammdu. [Atti:8:39] Malli telgħu mill-ilma, l-Ispirtu tal-Mulej ħataf lil Filippu; l-ewnuku ma rahx iktar u baqa' sejjer fi triqtu kollu ferħan. [Atti:8:40] Filippu sab ruħu f'Ażotu; huwa u għaddej minn dawk l-inħawi, kien ixandar l-Evanġelju f'kull belt sakemm wasal Ċesarija.

 

9. Il-konverżjoni ta' Sawl

 

[Atti:9:1] Sawl, li kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej, mar għand il-qassis il-kbir [Atti:9:2] u talbu jagħtih ittri għas-sinagogi ta' Damasku, biex ikun jista' jaqbad l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq tal-Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm. [Atti:9:3] Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f'daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. [Atti:9:4] Waqa' fl-art, u sama' leħen jgħidlu: "Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?" [Atti:9:5] Hu wieġeb: "Min int, Mulej?" u l-leħen wieġbu: "Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. [Atti:9:6] Imma issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x'għandek tagħmel." [Atti:9:7] Dawk li kienu sejrin miegħu baqgħu mbikkma, billi kienu semgħu l-leħen imma ma raw lil ħadd. [Atti:9:8] Sawl qam mill-art, fetaħ għajnejh u ma sata' jara xejn. Mbagħad mexxewh minn idu u wassluh Damasku. [Atti:9:9] Dam tlitt ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob.

 

[Atti:9:10] F'Damasku kien hemm dixxiplu, jismu Ħananija. Deherlu l-Mulej u qallu: "Ħananija!" "Hawn jien, Mulej," wieġeb. [Atti:9:11] U l-Mulej qallu: "Qum u mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta, u hemm, fid-dar ta' Ġuda, staqsi għal wieħed minn Tarsu, jismu Sawl. Dan qiegħed jitlob, [Atti:9:12] u ra f'dehra wieħed, jismu Ħananija, dieħel ħdejh u jqegħedlu idejh fuqu biex jerġa' jieħu d-dawl." [Atti:9:13] Ħananija wieġeb: "Mulej, jien smajt mingħand ħafna fuq dan ir-raġel, kemm għamel ħsara lill-qaddisin tiegħek f'Ġerusalemm. [Atti:9:14] U issa qiegħed hawn bis-setgħa mingħand il-qassisin il-kbar biex jarresta lil dawk kollha li jsejjħu ismek."[Atti:9:15] Iżda l-Mulej wieġbu: "Mur, għax dan ir-raġel hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael. [Atti:9:16] Jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f'ismi." [Atti:9:17] Ħananija telaq lejn id-dar ta' Ġuda, daħal, qiegħed idejh fuq Sawl u qallu: "Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù, li deherlek fit-triq inti u ġej hawn, bagħatni biex terġa' tieħu d-dawl u timtela bl-Ispirtu s-Santu." [Atti:9:18] F'daqqa waħda waqa' bħal qxur minn għajnejh u raġa' beda jara. Mbagħad qam u tgħammed, [Atti:9:19] kiel xi ħaġa, u ħa r-ruħ.

Sawl jippriedka f'Damasku

 

[Atti:9:20] U malajr beda jxandar lil Ġesù fis-sinagogi u jgħid li dan hu l-Iben ta' Alla. [Atti:9:21] Kull min kien jisimgħu kien jistagħġeb u jgħid: "Dan m'huwiex dak li f'Ġerusalemm kien iħarbat lil dawk li jsejjħu dan l-isem? U m'hux għalhekk ġie hawn? M'hux biex jaqbadhom u jeħodhom marbuta għand il-qassisin il-kbar?"  [Atti:9:22] Imma Sawl kull ma jmur kien jissaħħaħ u kien iħawwad lil-Lhud li kienu joqogħdu Damasku               bil-provi li kien iġibilhom li Ġesù hu l-Messija.

 

Sawl jaħrab mil-Lhud

 

[Atti:9:23] Wara li għadda ħafna żmien, il-Lhud ftiehmu li joqtlu lil Sawl; [Atti:9:24] imma hu sar jaf bil-ħsieb tagħhom. Huma kienu jgħassu lejl u nhar mal-bibien tal-belt biex joqtluh. [Atti:9:25] Imma darba billejl id-dixxipli tiegħu qabduh u niżżluh ġo qoffa mas-sur tal-belt.

 

Sawl f'Ġerusalemm

 

[Atti:9:26] Meta wasal Ġerusalemm beda jfittex li jissieħeb mad-dixxipli. Imma lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta. [Atti:9:27] Mbagħad Barnaba qabdu u ħadu miegħu għand  l-appostli. Hu qalilhom kif Sawl kien ra lill-Mulej fit-triq u semgħu jkellmu, u kif f'Damasku kien tkellem b'wiċċu minn quddiem fl-isem ta' Ġesù. [Atti:9:28] Għalhekk Sawl baqa' magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, u kien jitkellem bil-miftuħ f'isem il-Mulej. [Atti:9:29] Kien jitħaddet mal-Lhud Griegi u jiddiskuti magħhom; iżda huma kienu jfittxu li joqtluh. [Atti:9:30] Meta l-aħwa saru jafu b'dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu.

 

[Atti:9:31] Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi 'l quddiem bil-biża' tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu.

 

Il-fejqan ta' Enea

 

[Atti:9:32] Ġara li Pietru, huwa u jdur dawk l-inħawi kollha, niżel wkoll għand il-qaddisin li kienu joqogħdu Lidda. [Atti:9:33] Hemmhekk sab raġel mifluġ, jismu Enea, li kien ilu tmien snin mixħut  fis-sodda. [Atti:9:34] Pietru qallu: "Enea, Ġesù Kristu jfejjqek; qum u ifrex is-sodda inti stess." U dak minnufih qam. [Atti:9:35] In-nies kollha li kienu joqogħdu f'Lidda u f'Saron rawh, u daru lejn il-Mulej.

 

Il-qawmien ta' Tabita mill-mewt

 

[Atti:9:36] F'Ġaffa kien hemm waħda mid-dixxipli jisimha Tabita, isem li jfisser Għażżiela; kienet mara tagħmel ħafna opri ta' karità u għemejjel tajba. [Atti:9:37] Ħabat li f'dawk il-ġranet mardet u mietet; keffnuha, u qegħduha fil-kamra ta' fuq. [Atti:9:38] Billi Lidda tiġi qrib Ġaffa, id-dixxipli, meta semgħu li Pietru kien hemm, bagħtulu żewġt irġiel jitolbuh u jgħidulu: "Iddumx ma tiġi sa għandna." [Atti:9:39] Minnufih Pietru qam u telaq magħhom. Kif wasal, tellgħuh fil-kamra ta' fuq, u  r-romol kollha daru miegħu, jibku u juruh l-ilbiesi u l-imnatar li kienet għamlitilhom Tabita meta kienet għadha magħhom. [Atti:9:40] Pietru bagħat lil kulħadd 'il barra u niżel għarkubbtejh jitlob. Mbagħad dar lejn il-katavru u qal: "Tabita, qum!" Hi fetħet għajnejha u, malli rat lil Pietru, qamet bilqiegħda. [Atti:9:41] Pietru taha idu u qajjimha. Sejjaħ imbagħad lill-qaddisin u r-romol, u tahielhom ħajja. [Atti:9:42] Ġaffa kollha saret taf b'dan, u ħafna emmnu fil-Mulej. [Atti:9:43] Pietru baqa' ftit jiem sewwa f'Ġaffa għand wieħed konzatur jismu Xmun.

 

10. Pietru u Kornelju

 

[Atti:10:1] F'Ċesarija kien hemm wieħed jismu Kornelju, ċenturjun tar-riġment imsejjaħ 'ir-Riġment Taljan'. [Atti:10:2] Dan ir-raġel, flimkien mal-familja tiegħu kollha, kien bniedem sewwa u kellu l-biża' ta' Alla; kien jagħmel ħafna opri ta' karità mal-poplu u kien dejjem jitlob lil Alla. [Atti:10:3] Darba waħda, f'xi t-tlieta ta' wara nofsinhar, kellu dehra li fiha ra b'mod ċar anġlu ta' Alla dieħel ħdejh u jsejjaħlu: "Kornelju!" [Atti:10:4] Hu ċċassa jħares lejh kollu biża', u qal: "Dan x'inhu, Sinjur?" L-anġlu qallu: "It-talb tiegħek u l-opri tiegħek ta' karità telgħu quddiem Alla u ftakar fik. [Atti:10:5] Mela issa ibgħat xi rġiel f'Ġaffa, biex iġibu minn hemm lil wieħed Xmun, li jgħidulu wkoll Pietru. [Atti:10:6] Dan qiegħed għand ċertu Xmun, konzatur, li għandu d-dar ħdejn  il-baħar." [Atti:10:7] X'ħin l-anġlu li kien ikellmu telaq, Kornelju sejjaħ tnejn mill-qaddejja tiegħu u suldat twajjeb minn dawk li kellu dejjem madwaru, [Atti:10:8] qalilhom kull ma kien ġralu u bagħathom lejn Ġaffa.

 

[Atti:10:9] L-għada, waqt li dawn kienu fit-triq u qorbu lejn il-belt, Pietru għall-ħabta ta' nofsinhar tala' jitlob fuq il-bejt. [Atti:10:10] Qabdu l-ġuħ u xtaq jitrejjaq b'xi ħaġa; u ġara li, waqt li kienu qegħdin iħejjulu, daħal f'estasi. [Atti:10:11] Lemaħ is-sema jinfetaħ, u ra xi ħaġa qisha liżar kbir, miżmum mill-erbat itruf u nieżel lejn l-art. [Atti:10:12] Fih kien hemm minn kull xorta ta' bhejjem ta' erba' saqajn, annimali li jitkaxkru fuq l-art u għasafar ta' l-ajru. [Atti:10:13] U sema' leħen jgħidlu: "Qum, Pietru, oqtol u kul." [Atti:10:14] Imma Pietru wieġeb: "Ma jkun qatt, Mulej! Jien qatt ma kilt ikel profan u mniġġes." [Atti:10:15] U l-leħen tennielu għal darb'oħra: "Dak li Alla saffa, int ma għandekx issejjaħlu mniġġes."  [Atti:10:16] Dan ġara għal tliet darbiet. Mbagħad, f'daqqa waħda, dik il-ħaġa qisha liżar reġgħet ittieħdet 'il fuq lejn                               is-sema.

 

[Atti:10:17] Pietru, kollu mħawwad, kien qiegħed jaħseb bejnu u bejn ruħu x'setgħet tfisser dik id-dehra li kellu; fl-istess ħin l-irġiel li kien bagħat Kornelju staqsew għad-dar ta' Xmun u waslu quddiem il-bieb. [Atti:10:18] Mbagħad sejjħu lil xi ħadd u staqsew jekk Xmun, li jgħidulu Pietru, kienx qiegħed hemm. [Atti:10:19] Sadattant Pietru kien għadu mħasseb dwar dik id-dehra. U qallu l-Ispirtu: "Hawn żewġt irġiel qegħdin jistaqsu għalik. [Atti:10:20] Fittex inżel isfel u mur magħhom, tieħu ħsieb ta' xejn, għax jien hu li bgħatthom." [Atti:10:21] Pietru niżel ħdejn dawk l-irġiel u qalilhom: "Jien hu dak li qegħdin tfittxu. X'ġiebkom hawn?" [Atti:10:22] Huma qalulu: "Bagħatna Kornelju, iċ-ċenturjun, raġel sewwa li għandu l-biża' ta' Alla u jixhed għalih il-poplu Lhudi kollu. Anġlu qaddis qallu biex jibgħat għalik u tmur għandu ħalli jisma' x'għandek tgħidlu." [Atti:10:23] Mbagħad Pietru stedinhom jibqgħu hemm.

 

L-għada qam u telaq magħhom, u marru wkoll miegħu xi whud mill-aħwa ta’ Ġaffa.  [Atti:10:24] Il-jum ta' wara waslu Ċesarija. Kornelju laqqa' flimkien lil niesu u 'l ħbiebu u kien qiegħed jistenniehom. [Atti:10:25] Xħin daħal Pietru, Kornelju mar jilqgħu u ntefa' f'riġlejh jagħtih qima. [Atti:10:26] Imma Pietru qajjmu u qallu: "Qum. Jien bniedem ukoll." [Atti:10:27] Huwa u jitkellem miegħu, baqa' dieħel ġewwa, u hemm sab ħafna nies miġbura flimkien. [Atti:10:28] U qalilhom: "Intom tafu li m'hijiex ħaġa sewwa għal wieħed Lhudi li jissieħeb ma' wieħed barrani jew li jersaq lejh. Imma lili Alla wrieni li ebda bniedem ma għandi nsejjaħlu profan jew imniġġes. [Atti:10:29] Għalhekk xejn ma sibtha bi tqila biex niġi hawn meta bagħat għalija. Issa, nistaqsi jien, għalfejn bgħatt għalija?" [Atti:10:30] U Kornelju wieġbu: "Erbat ijiem ilu, bħal dan il-ħin, kont id- dar ngħid it-talba tat-tlieta ta' wara nofsinhar. F'daqqa waħda rajt raġel bi lbies ilellex wieqaf ħdejja, [Atti:10:31] u qalli, 'Kornelju, Alla sama' t-talb tiegħek u laqa' l-opri tal-karità tiegħek u ftakar fik. [Atti:10:32] Mela issa ibgħat lil xi ħadd f'Ġaffa għand Xmun, li jgħidulu Pietru, u għidlu jiġi għandek. Dan qiegħed fid-dar ta' Xmun, il-konzatur, ħdejn il-baħar.' [Atti:10:33] Għalhekk jien malajr bgħatt għalik; u int għamilt sewwa li ġejt. Issa aħna qegħdin hawn ilkoll quddiem Alla, biex nisimgħu dak kollu li l-Mulej iridek tgħidilna."

 

Id-diskors ta' Pietru fid-dar ta' Kornelju

 

[Atti:10:34] Pietru qabad jitkellem u qal: "Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, [Atti:10:35] imma jilqa' lil kull min għandu l-biża' tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun. [Atti:10:36] Huwa bagħat il-kelma tiegħu lil ulied Iżrael u xandrilhom is-sliem permezz ta' Ġesù Kristu, li hu s-Sid ta' kollox. [Atti:10:37] Intom tafu b'dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; [Atti:10:38] tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta' Nazaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu. [Atti:10:39] U aħna xhud ta' dak kollu li hu għamel fl-art tal-Lhudija u f'Ġerusalemm.

 

“Tawh il-mewt billi dendluh ma’ l-għuda tas-Salib;[Atti:10:40] imma Alla qajjmu mill-imwiet fit-tielet jum u għamel li hu jidher, [Atti:10:41] mhux lil kulħadd, imma lix-xhieda li Alla għażel minn qabel, lilna, li miegħu kilna u xrobna wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet. [Atti:10:42] Lilna ordnalna biex inxandruh lill-poplu u nixhdu li dan hu dak li Alla għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. [Atti:10:43] Il-profeti kollha jixhdu għalih u jgħidu li kull min jemmen fih jaqla'  l-maħfra tad-dnubiet bis-saħħa ta' ismu."

 

Il-pagani jirċievu l-Ispirtu s-Santu

 

[Atti:10:44] Meta Pietru kien għadu qiegħed jgħid dan, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh.  [Atti:10:45] Dawk li kienu marru ma' Pietru, Lhud li kienu emmnu, stagħġbu kif Alla sawwab id-don ta' l-Ispirtu s-Santu fuq il-pagani wkoll. [Atti:10:46] Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru l-kobor ta' Alla. Mbagħad Pietru qal: [Atti:10:47] "Jista' xi ħadd jiċħad l-ilma tal-magħmudija lil dawn               in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh aħna wkoll?" [Atti:10:48] U ordna li jitgħammdu fl-isem ta' Kristu. Mbagħad huma talbuh jibqa' għal ftit jiem magħhom.

 

11. Pietru jfisser ruħu lill-Knisja ta' Ġerusalemm

 

[Atti:11:1] L-appostli u l-aħwa li kienu fil- Lhudija semgħu li l-pagani wkoll kienu laqgħu l-kelma ta' Alla. [Atti:11:2] Għalhekk, meta Pietru tala' Ġerusalemm, dawk li riedu jżommu ċ-ċirkonċiżjoni bdew jeħduha miegħu [Atti:11:3] u jgħidulu: "Inti dħalt għand nies li ma għandhomx  iċ-ċirkonċiżjoni u kilt magħhom." [Atti:11:4] Mbagħad Pietru qabad ifissrilhom kollox ħaġa b'ħaġa u qalilhom: [Atti:11:5] "Jiena kont qiegħed nitlob fil-belt ta' Ġaffa, xħin kelli dehra f'estasi; rajt xi ħaġa nieżla                mis-sema, qisha liżar kbir miżmum mill-erbat itruf, u wasal sa ħdejja. [Atti:11:6] Bqajt inħares lejh sewwa, u rajt bhejjem ta' l-art b'erba' saqajn, bhejjem selvaġġi, bhejjem li jitkaxkru, u għasafar ta' l-ajru. [Atti:11:7] U smajt leħen jgħidli: 'Qum, Pietru, oqtol u kul.' [Atti:11:8] Imma jiena għedt: 'Ma jkun qatt, Mulej! Għax qatt ma daħal ġo ħalqi ikel profan jew imniġġes!' [Atti:11:9] Għal darba oħra  l-leħen mis-sema qalli, 'Dak li Alla saffa, int ma għandekx issejjaħlu mniġġes.' [Atti:11:10] Dan ġara għal tliet darbiet. Mbagħad kollox ittieħed mill-ġdid lejn is-sema. [Atti:11:11] Sewwasew dak il-ħin, fid-dar fejn konna, waslu tlitt irġiel, mibgħuta għandi minn Ċesarija. [Atti:11:12]               L-Ispirtu qalli biex immur magħhom bla ma noqgħod nitħasseb. Miegħi ġew ukoll dawn is-sitt aħwa, u dħalna fid-dar ta' dak ir-raġel. [Atti:11:13] Hu għarrafna kif kien ra l-anġlu f'daru, wieqaf quddiemu, u qallu, 'Ibgħat lil xi ħadd iġib minn Ġaffa lil Xmun, li jgħidulu Pietru; [Atti:11:14] u hu jgħidlek kliem li bih issalva, int u l-familja tiegħek kollha. [Atti:11:15] Kif bdejt nitkellem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuqhom, bħalma kien niżel fuqna fil-bidu. [Atti:11:16] Ftakart imbagħad fil-kelma tal-Mulej, meta qal, 'Ġwanni għammed bl-ilma, iżda intom titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.' [Atti:11:17] Mela jekk Alla tahom l-istess don kif tah lilna meta emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien x'jien biex stajt inżomm lil Alla?" [Atti:11:18] Meta semgħu dan il-kliem siktu, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: "Mela Alla lill-pagani wkoll tahom l-indiema li twassal għall-ħajja!"

 

Il-Knisja f'Antjokja

 

[Atti:11:19] Dawk li kienu xterdu minħabba l-persekuzzjoni li kienet qamet minħabba Stiefnu waslu sal-Feniċja, sa Ċipru u sa Antjokja, u ma kienu jxandru l-kelma lil ħadd ħlief lil-Lhud biss. [Atti:11:20] Imma xi wħud minnhom kienu minn Ċipru u minn Ċireni, u dawn, meta ġew Antjokja, bdew ikellmu wkoll lill-Griegi u jxandrulhom l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù. [Atti:11:21] U id il-Mulej kienet magħhom, u kbir kien               l-għadd ta' dawk li emmnu u daru lejn il-Mulej. [Atti:11:22] L-aħbar ta' dan waslet f'widnejn il-Knisja ta' Ġerusalemm, u għalhekk bagħtu lil Barnaba sa Antjokja. [Atti:11:23] Meta dan wasal u ra l-grazzja ta' Alla, feraħ u beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b'rieda sħiħa magħqudin fil-Mulej. [Atti:11:24] Għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u bil-fidi. U ġemgħa kbira ta' nies ingħaqdet mal-Mulej. [Atti:11:25] Mbagħad hu telaq lejn Tarsu jfittex lil Sawl, [Atti:11:26] u, meta sabu, ħadu Antjokja. Għaddew sena sħiħa flimkien fil-knisja, u għallmu kotra kbira ta' nies. Kien f'Antjokja li d-dixxipli għall-ewwel darba sejjħulhom 'Kristjani'.

 

[Atti:11:27] Dik il-ħabta xi profeti minn Ġerusalemm niżlu Antjokja. [Atti:11:28] Wieħed minnhom, jismu Agabu, kellu sinjal mill-Ispirtu, u qam iħabbar li kien se jaqa' ġuħ kbir fuq l-art kollha. Dan seħħ tabilħaqq fi żmien l-imperatur Klawdju. [Atti:11:29] Għalhekk id-dixxipli qatgħuha li lkoll kemm kienu, kull wieħed skond ma kien jista', jibagħtu l-għajnuna lil ħuthom li kienu joqogħdu fil-Lhudija. [Atti:11:30] Hekk għamlu; u bagħtu l-għajnuna għand il-presbiteri ma' Barnaba u ma' Sawl.

 

12. Il-martirju ta' Ġakbu u l-arrest ta' Pietru

 

[Atti:12:1] Għall-ħabta ta' dak iż-żmien, is-sultan Erodi medd idu fuq xi wħud mill-Knisja biex jaħqarhom. [Atti:12:2] Huwa qabad lil Ġakbu, ħu Ġwanni, u qatagħlu rasu. [Atti:12:3] Mbagħad, meta ra li dan għoġob lil-Lhud, qabad lil Pietru wkoll. Dan kien fi żmien il-festa ta'  l-Ażżmi. [Atti:12:4] Meta arrestah u tefgħu l-ħabs, bagħat erba' gruppi ta' erba' suldati kull wieħed biex joqogħdu għassa tiegħu, bil-ħsieb li, wara l-Għid, iressqu quddiem il-poplu. [Atti:12:5] Pietru, mela, kien arrestat fil-ħabs. Fl-istess ħin, il-Knisja kienet qiegħda titlob lil Alla għalih bil-ħerqa.

 

Pietru meħlus mill-ħabs

 

[Atti:12:6] Fil-lejl stess ta' qabel ma Erodi kellu joħroġ lil Pietru, dan kien rieqed bejn żewġ suldati, marbut b'żewġ ktajjen; u kien hemm għases oħra mal-bieb tal-ħabs. [Atti:12:7] F'daqqa waħda deher anġlu tal-Mulej, u dawl idda mal-kamra. L-anġlu ta daqqa lil Pietru fuq ġenbu, qajjmu u qallu: "Qum malajr." U l-ktajjen waqgħu minn ma' idejh. [Atti:12:8] Mbagħad l-anġlu qallu: "Tħażżem u ilbes il-qorq." U Pietru hekk għamel. U raġa' qallu: "Dawwar il-mantar miegħek u ejja warajja." [Atti:12:9] Pietru ħareġ u mar warajh, bla ma ntebaħ li dak li kien qiegħed jiġri permezz ta' l-anġlu kien veru; stħajjel li kienet xi viżjoni. [Atti:12:10] Għaddew                       l-ewwel għassa, u t-tieni wkoll, u waslu ħdejn il-bieb tal-ħadid, li kien jagħti għall-belt, u dan infetaħ waħdu. Ħarġu, u mxew triq flimkien, meta f'daqqa waħda l-anġlu telaq minn ħdejh. [Atti:12:11] Mbagħad Pietru ġie f'tiegħu u qal: "Issa naf tassew li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn id Erodi u minn dak kollu li l-Lhud kienu qegħdin jistennew li jsir." [Atti:12:12] Meta għaraf x'kien ġara, telaq lejn id-dar ta' Marija, omm Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku. Kien hemm ħafna miġbura jitolbu flimkien. [Atti:12:13] Pietru ħabbat il-bieb ta' barra u ġiet qaddejja, jisimha Roda, biex tara min kien. [Atti:12:14] Mil-leħen għarfet li kien Pietru, u bil-ferħ li qabadha anqas biss fetħet il-bieb, iżda telqet tiġri 'l ġewwa u qaltilhom li barra, fil-bieb, kien hemm Pietru. [Atti:12:15] "Qed thewden!" qalulha. Imma hi baqgħet tgħid li hekk kien. Huma mbagħad qalu: "Mela l-anġlu tiegħu!" [Atti:12:16] Sadattant Pietru baqa' jħabbat; marru jiftħu u baqgħu mistagħġba għall-aħħar kif rawh. [Atti:12:17] Pietru għamlilhom sinjal b'idu biex jisktu u beda jgħidilhom kif il-Mulej ħarġu mill-ħabs. U qalilhom ukoll: "Agħtu din l-aħbar lil Ġakbu u lill-aħwa                   l-oħra." Mbagħad telaq 'il barra u mar f'post ieħor.

 

[Atti:12:18] Xħin sebaħ, is-suldati baqgħu mħawwda mhux ftit fuq x'sata' sar minn Pietru. [Atti:12:19] Erodi bagħat ifittxu u ma sabux; għalhekk stħarreġ lill-għassiesa u qatagħhielhom għall-mewt. Mbagħad mil-Lhudija niżel Ċesarija u baqa' hemm.

 

Il-mewt ta' Erodi

 

[Atti:12:20] Issa Erodi kien inkurlat għan-nies ta' Tir u ta' Sidon. Dawn ftiehmu bejniethom u marru għandu, u, wara li rnexxielhom idawwru favur tagħhom lil Blastu, il-kamrier tas-sultan, talbu li jagħmlu paċi, għax l-għajxien tagħhom kien jiddependi minn art is-sultan. [Atti:12:21]  Fil-jum magħżul, Erodi, liebes l-ilbies ta' sultan, ħa postu fuq it-tron u għamlilhom diskors. [Atti:12:22] Il-poplu nfexx jgħajjat u jgħid: "Dan leħen ta' alla, mhux ta' bniedem!" [Atti:12:23] Iżda minnufih anġlu  tal-Mulej laqtu, għax ma tax il-glorja lil Alla; dar għalih id-dud u miet.

 

[Atti:12:24] Imma l-kelma ta' Alla baqgħet tikber u toktor. [Atti:12:25] Barnaba u Sawl, wara li temmew il-ministeru tagħhom f'Ġerusalemm, reġgħu lura u ħadu magħhom lil Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku.

 

13. Il-missjoni mogħtija lil Barnaba u Sawl

 

[Atti:13:1] Fil-Knisja ta' Antjokja kien hemm xi profeti u għalliema: Barnaba, Xmun li jgħidulu Niger, Luċju minn Ċireni, Manahen li kien trabba ma' Erodi t-tetrarka, u Sawl. [Atti:13:2] Darba, waqt li kienu qegħdin iqimu lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qalilhom: "Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom." [Atti:13:3] Mbagħad, wara li samu u talbu, qiegħdu idejhom fuqhom u bagħtuhom.

 

L-appostli f'Ċipru

 

[Atti:13:4] Għalhekk huma, mibgħuta mill-Ispirtu s-Santu, niżlu Selewkja, u minn hemm telqu bil-baħar għal Ċipru. [Atti:13:5] Meta waslu Salamina, bdew ixandru l-kelma ta' Alla fis-sinagogi tal-Lhud. Kellhom magħhom lil Ġwanni jgħinhom. [Atti:13:6] Qasmu l-gżira kollha sa Pafos. Hawnhekk iltaqgħu ma' wieħed Lhudi, jismu Barjesu, saħħar u profeta falz, [Atti:13:7] li kien mal-prokonslu Serġju Pawlu. Dan, raġel mogħni bid-dehen, bagħat għal Barnaba u għal Sawl u ried jisma' mingħandhom il-kelma ta' Alla. [Atti:13:8] Iżda Elima s-saħħar - għax hekk ifisser ismu - waqfilhom u beda jfittex li jbiegħed lill-prokonslu mill-fidi. [Atti:13:9] Mbagħad Sawl, li jismu wkoll Pawlu, mimli bl-Ispirtu s-Santu, waħħal għajnejh fih [Atti:13:10] u qallu: "Ja bniedem mimli b'kull qerq u ħażen, bin ix-xitan u għadu ta' kull ma hu sewwa, qatt m'int se tieqaf tgħawweġ it-triqat dritti tal-Mulej? [Atti:13:11] Imma issa, ara, id il-Mulej se tilħqek: int tagħma, u għal xi żmien ma tarax id-dawl tax-xemx." Minnufih waqa' fuqu ċpar u dlam, u beda jdur u jfittex lil min imexxih minn idejh. [Atti:13:12] Xħin il-prokonslu ra x'ġara, emmen u baqa' mistagħġeb bit-tagħlim tal-Mulej.

 

Pawlu u Barnaba f'Antjokja ta' Pisidja

 

[Atti:13:13] Pawlu u sħabu telqu bil-baħar minn Pafos u waslu Perge fil-Pamfilja. Hawn Ġwanni ħalliehom u raġa' lura lejn Ġerusalemm. [Atti:13:14] Minn Perge baqgħu sejrin sa ma waslu f'Antjokja ta' Pisidja. F'jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu bilqiegħda. [Atti:13:15] Wara l-qari mil-Liġi u l-Profeti, il-kapijiet tas-sinagoga bagħtu jgħidulhom: "L-aħwa, jekk xi ħadd minnkom irid jgħid kelmtejn ta' tħeġġiġ lill-poplu, tkellmu." [Atti:13:16] Għalhekk Pawlu qam, għamel sinjal b'idu u beda jitkellem:

 

Nies ta’ Iżrael, u intom il-ġnus li tibżgħu minn Alla, isimgħuni. [Atti:13:17] Alla ta' dan il-poplu ta' Iżrael għażel lil missirijietna. Meta l-poplu kien jgħix f'art barranija, fl-Eġittu, Alla għamlu poplu kbir u ħarġu minn hemm bil-qawwa ta' driegħu. [Atti:13:18] Għal madwar erbgħin sena stabar bihom fid-deżert. [Atti:13:19] Meta mbagħad xejjen seba' popli fl-art ta' Kangħan, tahom din l-art b'wirt għalihom. [Atti:13:20] Dan kollu ħa xi erba' mija u ħamsin sena. Mbagħad tahom l-Imħallfin, sa żmien il-profeta Samwel. [Atti:13:21] Wara dan talbu li jkollhom sultan, u Alla tahom lil Sawl bin Kis, raġel mit-tribù ta' Benjamin, li dam erbgħin sena. [Atti:13:22] Meta mbagħad neħħa lil Sawl, qiegħed bħala sultan tagħhom lil David, li għalih ta din ix-xhieda:

 

     ’Sibt lil David, bin Ġesse,

     raġel skond qalbi,

     li jagħmel dak kollu li rrid jien.’

 

[Atti:13:23] Min-nisel ta' David, Alla, skond il-wegħda tiegħu, ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù. [Atti:13:24] Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni ħareġ ixandar magħmudija ta' ndiema lill-poplu kollu ta' Iżrael. [Atti:13:25] U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal, 'Jien m'iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta' riġlejh.'

 

[Atti:13:26] "Ħuti, ulied Abraham, u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla, lilna bagħatha Alla l-aħbar ta' din is-salvazzjoni. [Atti:13:27] In-nies ta' Ġerusalemm u l-kapijiet tagħhom ma għarfux lil Ġesù, u anqas ma fehmu kliem il-profeti li jinqraw kull nhar ta' Sibt; madankollu temmewhom huma stess billi kkundannawh għall-mewt. [Atti:13:28] Għalkemm ma sabux fuqiex setgħu jagħtuh il-mewt, talbu lil Pilatu biex ineħħilu ħajtu. [Atti:13:29] U meta temmew dak kollu li kien miktub fuqu, niżżluh mis-salib u qegħduh f'qabar. [Atti:13:30] Imma Alla qajjmu mill-imwiet. [Atti:13:31] Għal ħafna jiem baqa' jidher lil dawk li kienu jitilgħu miegħu mill-Galilija lejn Ġerusalemm, u li issa huma xhieda tiegħu quddiem il-poplu. [Atti:13:32] U għalhekk aħna qegħdin hawn, biex nagħtukom l-aħbar, li l-wegħda, li Alla kien għamel lil missirijietna, [Atti:13:33] temmha għalina, li aħna wliedhom, billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet, kif hemm miktub fit-tieni salm,

 

     ’Ibni int,

     jien illum nissiltek.’   

 

[Atti:13:34] U dwar li hu qajjmu mill-imwiet, biex qatt aktar ma jerġa' jġarrab it-taħsir, huwa qal hekk,

 

     ’Il-ħwejjeġ qaddisa u żguri

     li wegħedt lil David,

     jien nagħtihom lilkom.’

[Atti:13:35] Għalhekk jgħid ukoll band'oħra,

 

     ’Int ma tħallix il-Qaddis tiegħek

      iġarrab it-taħsir.’

 

[Atti:13:36] David, wara li fi żmienu għamel ir-rieda ta' Alla, miet u nġabar ma' missirijietu; u huwa ġarrab it-taħsir. [Atti:13:37] Imma dak li Alla qajjmu mill-imwiet ma ġarrabx it-taħsir. [Atti:13:38] Mela, ħuti, kunu afu dan: li permezz ta' Ġesù qiegħda tixxandrilkom il-maħfra tad-dnubiet; [Atti:13:39] permezz tiegħu, kull min jemmen ikun iġġustifikat minn dak kollu li minnu ma stajtux tkunu ġġustifikati bis-saħħa tal-Liġi ta' Mosè. [Atti:13:40] Mela iftħu għajnejkom, li ma jiġix fuqkom dak li qalu l-profeti:

 

     [Atti:13:41] 'Araw, intom li tmaqdru,

     stagħbu u għibu!

     Għax se nagħmel ħaġa fi żmienkom,

     ħaġa li qatt ma temmnuha

     jekk xi ħadd jgħidilkom biha.’ ”

 

[Atti:13:42] Huma u ħerġin mis-sinagoga, in-nies bdew jitolbuhom biex is-Sibt ta' wara jerġgħu jkellmuhom fuq dawn il-ħwejjeġ. [Atti:13:43] U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna, kemm mil-Lhud u kemm mill-prosèliti twajba, marru ma' Pawlu u ma' Barnaba, u dawn ħeġġewhom biex jibqgħu fil-grazzja ta' Alla.

 

[Atti:13:44] Is-Sibt ta' wara, tista' tgħid il-belt kollha nġabret biex tisma' l-kelma tal-Mulej. [Atti:13:45] Il-Lhud, meta raw il-folol, mtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu. [Atti:13:46] Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: "Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta' Alla titħabbar lilkom  l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta' dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani. [Atti:13:47] Għax hekk ordnalna l-Mulej,

 

     ’Jien għamiltek dawl tal-ġnus,

     biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art.’

 

[Atti:13:48] Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta' dejjem emmnu. [Atti:13:49] Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tixtered ma' l-art kollha. [Atti:13:50] Imma l-Lhud xewwxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajjmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom 'il barra minn arthom. [Atti:13:51] Huma farfru għal fuqhom it-trab minn ma' riġlejhom u marru Ikonju. [Atti:13:52] Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu  s-Santu.

 

14. Pawlu u Barnaba f'Ikonju

 

[Atti:14:1] Meta kienu Ikonju, daħlu wkoll fis-sinagoga tal-Lhud u tkellmu b'mod li kotra kbira ta' nies, sew Lhud u sew Griegi, emmnu. [Atti:14:2] Imma l-Lhud li ma laqgħux il-fidi xewwxu l-pagani u għawewhom kontra l-aħwa nsara. [Atti:14:3] Pawlu u Barnaba baqgħu għal ftit żmien sewwa jitkellmu bi qlubija kbira fuq il-Mulej. U hu stess kien jixhed għall-kelma tal-grazzja tiegħu b'sinjali u mirakli li kienu jsiru permezz tagħhom. [Atti:14:4] Imma n-nies tal-belt inqasmu; xi wħud kienu jżommu mal-Lhud u oħrajn ma' l-appostli. [Atti:14:5] Il-pagani u l-Lhud, flimkien mal-kapijiet tagħhom, ftiehmu li jumiljaw lill-appostli u jħaġġruhom. [Atti:14:6] Malli saru jafu b'dan, ħarbu lejn Listra u Derbi, bliet ta' Likaonja, u fl-inħawi ta' madwarhom; [Atti:14:7] u hemmhekk qagħdu jxandru l-Evanġelju.

 

Pawlu mħaġġar f'Listra

 

[Atti:14:8] F'Listra kien hemm raġel bilqiegħda, marid b'riġlejh; kien magħtub mit-twelid, u qatt ma kien mexa. [Atti:14:9] Hu sama' lil Pawlu jitkellem. Dan ħares lejh sewwa, ra li kellu fidi biex ifiq, [Atti:14:10] u qallu b'leħen għoli: "Qum, ieqaf fuq riġlejk." Dak qam minnufih u beda jimxi. [Atti:14:11] Malli raw dak li għamel Pawlu, il-kotra tan-nies bdiet tgħajjat bl-ilsien ta' Likaonja: "L-allat niżlu fostna taħt sura ta' bnedmin!" [Atti:14:12] U lil Barnaba sejjħulu Żews u 'l Pawlu Ermi, għax hu l-aktar li tkellem. [Atti:14:13] Il-qassis ta' Żews, li kellu t-tempju tiegħu ħdejn il-belt, ġieb fil-bieb gniedes imżejjnin bil-kuruni u, flimkien mal-poplu, ried joffrihomlhom b'sagrifiċċju. [Atti:14:14] Malli semgħu b'dan, l-appostli Barnaba u Pawlu ċarrtu lbieshom, resqu malajr lejn il-ġemgħa, u bdew jgħajjtu [Atti:14:15] u jgħidu: "Ħbieb, hemm x'intom tagħmlu? Aħna wkoll bnedmin, ngħixu u nħossu bħalkom, bnedmin li ġejna nħabbrulkom l-Evanġelju biex tħallu dawn l-idoli fiergħa u dduru lejn Alla l-ħaj, li għamel is-sema u l-art u l-baħar u kull ma fihom. [Atti:14:16] Fl-imgħoddi huwa ħalla l-ġnus kollha jimxu fi triqathom, [Atti:14:17] madankollu ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-ikel u jimlielkom qalbkom bl-hena." [Atti:14:18] Imma b'dan il-kliem bilkemm setgħu jżommu lill-poplu li ma joffrilhomx sagrifiċċju. [Atti:14:19]

 

Mbagħad waslu xi Lhud minn Antjokja u minn Ikonju, li rnexxielhom idawwru n-nies għal magħhom. Qabdu jħaġġru lil Pawlu u kaxkruh 'il barra mill-belt, għax ħasbuh mejjet. [Atti:14:20] Imma xi dixxipli daru miegħu, u hu qam fuq riġlejh u daħal il-belt.

 

L-għada telaq ma’ Barnaba u mar Derbi.

 

Lura f'Antjokja tas-Sirja

 

[Atti:14:21] Huma xandru l-Evanġelju f'dik il-belt u għamlu ħafna dixxipli. Fi triqthom lura, għaddew minn Listra, Ikonju u Antjokja, [Atti:14:22] jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, għaliex, kif kienu jgħidulhom, jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta' Alla. [Atti:14:23] Għamlulhom ukoll presbiteri f'kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f'idejn il-Mulej, li fih kienu emmnu. [Atti:14:24] Mbagħad għaddew minn Pisidja u ġew  fil-Pamfilja. [Atti:14:25] Wara li xandru l-kelma f'Perġe, niżlu Attalija; [Atti:14:26] minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja, mnejn kienu bagħtuhom u rrikkmandawhom f'idejn il-grazzja ta' Alla  għax-xogħol li temmew. [Atti:14:27] Meta waslu, laqqgħu l-membri                tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b'dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani. [Atti:14:28] Hemm qagħdu għal ftit żmien sewwa mad-dixxipli.

15. Il-Konċilju ta' Ġerusalemm

 

[Atti:15:1] Imma mbagħad niżlu xi wħud mill-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: "Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skond id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw." [Atti:15:2] Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni. [Atti:15:3] Il-ġemgħa                tal-Knisja marret tqabbadhom it-triq, u huma għaddew mill-Feniċja u  s-Samarija, jitkellmu fuq il-konverżjoni tal-pagani u jnisslu ferħ kbir fost l-aħwa kollha. [Atti:15:4] Meta waslu Ġerusalemm, il-ġemgħa tal-Knisja, l-appostli u l-presbiteri laqgħuhom tajjeb u huma għarrfuhom b'dak kollu li Alla kien għamel magħhom. [Atti:15:5] Iżda xi wħud min-naħa tal-Fariżej li kienu emmnu qamu jgħidu: "Jeħtieġ li l-pagani joqogħdu għaċ-ċirkonċiżjoni u jkunu obbligati jħarsu l-Liġi ta' Mosè."

 

[Atti:15:6] Għalhekk l-appostli u l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni. [Atti:15:7] Wara diskussjoni twila, Pietru qam u qalilhom: "Ħuti, intom tafu li sa mill-ewwel jiem Alla għażilni minn fostkom biex minn fommi l-pagani jisimgħu l-kelma ta' l-Evanġelju u jemmnu. [Atti:15:8] U dan xehdu Alla, li jagħraf il-qlub, billi tahom l-Ispirtu s-Santu bħalma tah lilna. [Atti:15:9] Ma għamel ebda għażla bejnna u bejnhom, imma saffielhom qalbhom bil-fidi. [Atti:15:10] Mela issa għaliex iġġarrbu lil Alla billi tridu tqiegħdu fuq għonq id-dixxipli madmad li la missirijietna u lanqas aħna ma flaħna nerfgħuh? [Atti:15:11] Wara kollox aħna nemmnu li, bħalhom, aħna nsalvaw permezz  tal-grazzja tal-Mulej Ġesù."

 

[Atti:15:12] Mbagħad waqa' skiet fuq il-ġemgħa kollha. U qagħdu jisimgħu lil Barnaba u lil Pawlu jirrakkuntaw kemm sinjali u mirakli Alla kien għamel permezz tagħhom fost il-pagani. [Atti:15:13] Meta waqfu huma, qam Ġakbu u qal: "Ħuti, isimgħuni. [Atti:15:14] Xmun qalilna kif Alla sa mill-bidu ħaseb biex jiġbor minn fost il-pagani poplu li jkun tiegħu. [Atti:15:15] Ma' dan jaqbel kliem il-profeti, kif hemm miktub,

 

     [Atti:15:16] 'Wara dan nerġa' niġi

     u nibni d-dar ta’ David, li ġġarfet;

     u nerġa’ ntella’ l-ħerba tagħha

     u nwaqqafha mill-ġdid,

     [Atti:15:17] biex ifittxu l-Mulej il-bqija tal-bnedmin

     u l-ġnus kollha li fuqhom issejjaħ ismi,

     jgħid il-Mulej,

     [Atti:15:18] li għarraf dan kollu sa mill-qedem.'

 

[Atti:15:19] Għalhekk jien ngħid li m'hux ta' min idejjaqhom lill-pagani li jikkonvertu lejn Alla. [Atti:15:20] Biss niktbulhom biex jitbiegħdu mill-ikel imniġġes bl-idoli, u miż-żwieġ ħażin, mil-laħam ta' l-annimali fgati u mid-demm. [Atti:15:21] Għaliex sa mill-ewwel żminijiet kien hemm f'kull belt min ixandar il-Liġi ta' Mosè u jaqraha fis-sinagogi kull nhar ta' Sibt."

 

It-tweġiba tal-Konċilju

 

[Atti:15:22] Mbagħad l-appostli u l-presbiteri, flimkien mal-Knisja kollha, dehrilhom li kellhom jagħżlu lil xi wħud minnhom u jibagħtuhom Antjokja ma' Pawlu u Barnaba. Dawn kienu Ġuda, jgħidulu Barsaba, u Sila, li kienu minn ta' quddiem fost l-aħwa, [Atti:15:23] u bagħtu magħhom din l-ittra: "L-appostli u l-presbiteri, ħutkom, lill-aħwa ta' Antjokja, tas-Sirja u taċ-Ċiliċja, li ġew mill-ġnus; is-sliem għalikom! [Atti:15:24] Aħna smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawwdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom. [Atti:15:25] Għalhekk aħna qbilna lkoll bejnietna u dehrilna li kellna nagħżlu lil xi wħud u nibagħtuhom għandkom flimkien ma' l-għeżież tagħna Barnaba u Pawlu, [Atti:15:26] nies li ddedikaw ħajjithom għall-isem ta' Sidna Ġesù Kristu. [Atti:15:27] Għalhekk bgħatnielkom lil Ġuda u 'l Sila, biex jgħidulkom bi kliemhom l-istess ħaġa. [Atti:15:28] Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b'ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ, [Atti:15:29] jiġifieri, li titbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm, mil-laħam ta' l-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin. Tagħmlu tajjeb jekk tħarsu rwieħkom minn dawn. Saħħa!"

 

[Atti:15:30] Għalhekk dawn il-messaġġiera niżlu Antjokja, laqqgħu l-ġemgħa u tawhom l-ittra, [Atti:15:31] qrawha, u ferħu għall-faraġ li tathom. [Atti:15:32] Ġuda u Sila, li kienu wkoll profeti, farrġu lill-aħwa u wettquhom b'ħafna kliem. [Atti:15:33] Wara li qagħdu hemm għal ftit taż-żmien, telqu bis-sliem mingħand l-aħwa u reġgħu lura għand dawk li kienu bagħtuhom. [Atti:15:35] Imma Pawlu u Barnaba baqgħu Antjokja, fejn ma' ħafna oħrajn kienu jgħallmu u jxandru l-kelma ta' Alla.

Pawlu u Barnaba jinfirdu

 

[Atti:15:36] Ftit taż-żmien wara, Pawlu qal lil Barnaba: "Ħa nerġgħu mmorru nżuru l-aħwa fl-ibliet kollha li fihom xandarna l-kelma tal-Mulej, u naraw kif huma sejrin." [Atti:15:37] Barnaba ried li magħhom jieħdu wkoll lil Ġwanni, jgħidulu Marku. [Atti:15:38] Imma Pawlu deherlu li ma kellhomx jieħdu magħhom wieħed li, meta kienu fil-Pamfilja, telaqhom u ma marx magħhom għax-xogħol. [Atti:15:39] Kellhom xi jgħidu sewwa, hekk li nfirdu minn xulxin. Barnaba ħa miegħu lil Marku u telaq bil-baħar lejn Ċipru. [Atti:15:40] Pawlu għażel għal miegħu lil Sila u telaq, wara li l-aħwa rrikkmandawhom f'idejn il-ħniena  tal-Mulej. [Atti:15:41] U dar is-Sirja u ċ-Ċiliċja kollha, iwettaq il-Knejjes.

 

16. Timotju jissieħeb ma' Pawlu u Sila

 

[Atti:16:1] Pawlu wasal sa Derbi u Listra. Hemmhekk kien hemm dixxiplu jismu Timotju, bin mara Lhudija li kienet temmen, imma li missieru kien Grieg. [Atti:16:2] Hu kellu fama tajba ma' l-aħwa ta' Listra u Ikonju. [Atti:16:3] Pawlu ried jieħdu miegħu. Għalhekk qabad u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni minħabba l-Lhud ta' dawk l-inħawi, għax kollha kienu jafu li missieru kien Grieg. [Atti:16:4] Huma u għaddejjin mill-ibliet, bdew jgħarrfuhom bid-digrieti ta' l-appostli u l-presbiteri ta' Ġerusalemm u jħeġġuhom biex iħarsuhom. [Atti:16:5] Hekk il-knejjes kienu jitwettqu fil-fidi u jiżdiedu fl-għadd kuljum.

 

Raġel mill-Maċedonja jidher lill-Pawlu

 

[Atti:16:6] Qasmu mbagħad il-Friġja u l-art tal-Galazja, għax l-Ispirtu s-Santu ma ħallihomx ixandru l-kelma fl-Asja. [Atti:16:7] Kif waslu fl-inħawi ta' Misja, ippruvaw jidħlu f'Bitinja, imma l-Ispirtu ta' Ġesù ma ħallihomx. [Atti:16:8] Għalhekk għaddew minn Misja u niżlu Troas . [Atti:16:9] Billejl Pawlu kellu viżjoni; ra raġel mill-Maċedonja, wieqaf, jitolbu hekk: "Ejja l-Maċedonja u għinna." [Atti:16:10] Malli ra din il-viżjoni, malajr fittixna nitilqu lejn il-Maċedonja, għax fhimna tajjeb li Alla kien sejjħilna biex immorru nxandrulhom l-Evanġelju.

 

Il-konverżjoni ta' Lidja

 

[Atti:16:11] Għalhekk tlaqna bil-baħar minn Troas u bqajna sejrin lejn Samotraċja, u l-għada wasalna Neapoli. [Atti:16:12] Minn hemm morna Filippi, li hi l-belt ewlenija tal-provinċja tal-Maċedonja u kolonja Rumana. Qgħadna għal ftit jiem f'din il-belt. [Atti:16:13] Meta wasal is-Sibt, ħriġna barra l-bieb tal-belt, lejn xatt ix-xmara, fejn dehrilna li kien hemm dar tat-talb. Qgħadna bilqiegħda, u bdejna nkellmu lin-nisa li kien hemm miġbura flimkien. [Atti:16:14] Waħda minnhom kien jisimha Lidja, mara minn Tijatira, neguzjanta tal-porpra u kienet tqim lil Alla. Hija qagħdet tismagħna, u l-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu. [Atti:16:15] Wara li tgħammdet, hi u l-familja tagħha, talbitna u qaltilna: "Jekk jidhrilkom li jiena nemmen fil-Mulej, ejjew oqogħdu d-dar tiegħi." U ġagħlitna noqogħdu għandha.

 

Pawlu u Sila fil-ħabs ta' Filippi

 

[Atti:16:16] Darba waħda, aħna u sejrin lejn il-post tat-talb, iltaqgħet magħna tfajla lsira, li kellha l-ispirtu biex taqra x-xorti u kienet iġġib ħafna flus lis-sidien tagħha bit-teħbir li kienet tagħmel. [Atti:16:17] Din baqgħet miexja wara Pawlu u warajna, tgħajjat u tgħid: "Dawn l-irġiel huma qaddejja ta' Alla l-Għoli, li jxandrulkom it-triq tas-salvazzjoni." [Atti:16:18] U damet ħafna ġranet tagħmel hekk. Fl-aħħar Pawlu ddejjaq, dar lejn l-ispirtu u qallu: "F'isem Ġesù Kristu, jiena ngħidlek: oħroġ minnha!" U l-ispirtu ħareġ minnha minnufih. [Atti:16:19] Xħin is-sidien tagħha raw li taritilhom it-tama tal-qligħ, qabdu lil Pawlu u 'l Sila u kaxkruhom lejn il-pjazza għal quddiem il-kapijiet. [Atti:16:20] Ħaduhom quddiem il-maġistrati u qalulhom: "Dawn l-irġiel, li huma Lhud, qegħdin iqanqlulna l-inkwiet  fil-belt; [Atti:16:21] qegħdin ixandru drawwiet li aħna, bħala Rumani, la nistgħu nilqgħuhom u lanqas inħarsuhom." [Atti:16:22] Il-folla qamet kontra tagħhom; il-maġistrati ċarrtulhom ħwejjiġhom u ordnaw li jsawwtuhom bil-bsaten. [Atti:16:23] Wara li tawhom xebgħa sewwa, tefgħuhom il-ħabs, u taw ordni lill-għassies biex iħarishom tajjeb. [Atti:16:24] Kif irċieva ordni bħal din, l-għassies tefagħhom il-ħabs, 'il ġewwanett, u qaflilhom saqajhom f'ċipp ta' l-injam.

 

[Atti:16:25] Għal-ħabta ta' nofs il-lejl Pawlu u Sila bdew jitolbu u jfaħħru 'l Alla bl-innijiet, u l-ħabsin jisimgħuhom. [Atti:16:26] F'daqqa waħda sar terremot hekk kbir li s-sisien tal-ħabs theżhżu, minnufih il-bibien kollha nfetħu beraħ u nħall l-irbit ta' kulħadd. [Atti:16:27] Kif l-għassies stenbaħ u ra l-bibien tal-ħabs miftuħa beraħ, silet is-sejf u kien se jneħħi ħajtu b'idejh, għax stħajjel li l-ħabsin kienu ħarbu. [Atti:16:28] Imma Pawlu għajjat b'leħen għoli u qallu: "Tagħmel ebda ħsara lilek innifsek, għax aħna lkoll hawn." [Atti:16:29] L-għassies talab id-dawl, daħal jiġri, u mriegħed bil-biża' nxteħet f'riġlejn Pawlu u Sila. [Atti:16:30] Mbagħad ħariġhom barra u qalilhom: "Sinjuri, x'għandi nagħmel biex insalva?" [Atti:16:31] Huma weġbuh: "Emmen fil-Mulej Ġesù, u ssalva int u l-familja tiegħek." [Atti:16:32] U ħabbrulu l-kelma tal-Mulej, lilu u lil dawk kollha li kienu f'daru. [Atti:16:33] Dak il-ħin stess billejl, l-għassies ħadhom miegħu, ħaslilhom il-ġrieħi, u bla telf ta' żmien tgħammed hu u niesu kollha. [Atti:16:34] Mbagħad tellagħhom id-dar tiegħu, għamlilhom mejda, u feraħ man-nies kollha ta' daru talli kien emmen f'Alla.

 

 [Atti:16:35] Meta sebaħ, il-maġistrati bagħtu xi uffiċjali b'dan il-messaġġ: "Ħallu lil dawn l-irġiel imorru." [Atti:16:36] L-għassies wassal dan il-messaġġ lil Pawlu: "Il-maġistrati bagħtu jgħidulna biex nitilqukom. Mela issa oħorġu u morru bis-sliem." [Atti:16:37] Imma Pawlu qalilhom: "Sawwtuna quddiem kulħadd, lilna, ċittadini Rumani, bla ma raw jekk aħniex ħatja jew le, u tefgħuna l-ħabs; u issa jridu jibagħtuna 'l barra  bil-moħbi? Hekk le! Ħa jiġu u joħorġuna huma!" [Atti:16:38] L-uffiċjali wasslu dan il-kliem lill-maġistrati, u dawn beżgħu malli saru jafu li kienu Rumani. [Atti:16:39] Għalhekk marru u bdew iżiegħlu bihom; ħarġuhom 'il barra, u talbuhom biex iħallu l-belt. [Atti:16:40] Kif ħarġu mill-ħabs, marru d-dar ta' Lidja. Hemm iltaqgħu ma' l-aħwa, farrġuhom bi kliemhom, u telqu.

 

17. Irvell f'Tessalonika

 

[Atti:17:1] Għaddew minn Amfipoli u Apollonja u waslu Tessalonika, fejn kien hemm sinagoga tal-Lhud. [Atti:17:2] Pawlu daħal magħhom fis-sinagoga, kif kien imdorri jagħmel. Għal tliet Sibtijiet wara xulxin kien jiddiskuti magħhom fuq l-Iskrittura, [Atti:17:3] u jfehemhom u jippruvalhom li l-Messija kellu jbati u jqum mill-imwiet. U kien jgħidilhom: "Il-Messija hu dan Ġesù li jien qiegħed inxandar lilkom." [Atti:17:4] Xi wħud minnhom emmnu u ssieħbu miegħu u ma' Sila; fosthom kien hemm għadd kbir ta' Griegi li kienu jqimu lil Alla, u mhux ftit nisa mill-kbarat. [Atti:17:5] Imma l-Lhud ġiethom l-għira, ġabru xi rġiel bla kont mit-triqat, ġemgħu l-folla, u qajjmu rvell sħiħ fil-belt. Daħlu d-dar ta' Ġason ifittxu lil Pawlu u 'l Sila biex iressquhom quddiem il-poplu. [Atti:17:6] Billi ma sabuhomx, kaxkru lil Ġason u 'l xi wħud mill-aħwa quddiem il-kapijiet tal-belt u bdew jgħajjtu: "Dawn l-irġiel, li qallbu d-dinja ta' taħt fuq, ġew hawn ukoll [Atti:17:7] u laqagħhom għandu Ġason. Huma lkoll qegħdin jeħduha kontra d-digrieti ta' Ċesari, għax qegħdin jgħidu li hemm sultan ieħor, li hu Ġesù." [Atti:17:8] Meta semgħu dan il-kliem, il-folla u l-kapijiet tal-belt tħawwdu. [Atti:17:9] Mbagħad, wara li Ġason u l-oħrajn għamlu tajjeb għalihom, ħallewhom imorru.

 

Pawlu u Sila f'Berija

 

[Atti:17:10] Minnufih billejl l-aħwa qabbdu t-triq lil Pawlu u 'l Sila għal Berija. Kif waslu hemm, baqgħu sejrin lejn is-sinagoga tal-Lhud. [Atti:17:11] Dawn il-Lhud kienu nies ta' qalb kbira aktar minn dawk ta' Tessalonika; huma laqgħu l-kelma bil-ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu. [Atti:17:12] Għalhekk ħafna minnhom emmnu; hekk ukoll għadd ġmielu ta' Griegi, nisa nobbli u rġiel. [Atti:17:13] Iżda malli l-Lhud ta' Tessalonika saru jafu li Pawlu kien xandar il-kelma ta' Alla f'Berija wkoll, marru hemm ukoll u bdew iqanqlu u jħawwdu l-folol. [Atti:17:14] Minnufih l-aħwa qabbdu t-triq lil Pawlu sa xatt il-baħar, waqt li Sila u Timotju baqgħu hemm. [Atti:17:15] Dawk li marru ma' Pawlu wassluh sa Ateni. Mbagħad reġgħu lura, bl-ordni għal Sila u Timotju biex imorru ħdejh mill-aktar fis.

 

Pawlu f'Ateni

 

[Atti:17:16] Kemm dam Ateni jistenniehom, Pawlu kien jinkedd fih innifsu jara l-belt mimlija idoli. [Atti:17:17] Għalhekk fis-sinagoga kien jiddiskuti mal-Lhud u ma' dawk kollha li kuljum kienu jinzertaw għaddejjin  mill-pjazza tal-belt. [Atti:17:18] Resqu wkoll jitħaddtu miegħu xi Epikurin u Stojċi. Uħud minnhom kienu jgħidu: "X'għandu x'jgħid dan il-lablâb?" U oħrajn: "Donnu messaġġier ta' xi allat stranġiera." Għax kien ixandar lil Ġesù u l-qawmien mill-imwiet. [Atti:17:19] Għalhekk ħaduh magħhom u marru fl-Arjopagu u qalulu: "Nistgħu nkunu nafu x'inhu dan it-tagħlim ġdid li qiegħed tgħallem? [Atti:17:20] Għax int semmajtna ħwejjeġ li qatt ma smajna bihom, u aħna nixtiequ nkunu nafu x'inhuma dawn." [Atti:17:21] Issa l-Atenin kollha u l-barranin li kienu joqogħdu hemm ma kienu jedhew b'xejn ħlief b'li jgħidu jew jisimgħu xi ħaġa ġdida.

 

[Atti:17:22] Mbagħad Pawlu, wieqaf f'nofs l-Arjopagu, qabad jitkellem: "Rġiel ta' Ateni, qiegħed nara li intom f'kollox nies mill-aktar reliġjużi. [Atti:17:23] Jien u għaddej u nħares lejn ix-xbihat qaddisa tal-qima tagħkom, sibt ukoll artal b'din il-kitba fuqu, 'Lil Alla Mhux Magħruf'. Għalhekk, dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, nħabbarhulkom jien. [Atti:17:24] Alla, li għamel id-dinja u kull ma fiha, u li hu sid is-sema u l-art, ma joqgħodx f'tempji maħduma bl-idejn, [Atti:17:25] anqas ma jqimuh b'offerti minn idejn il-bniedem bħallikieku kienet tonqsu xi ħaġa, hu, li jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox. [Atti:17:26] Minn bniedem wieħed għamel il-ġens kollu tal-bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-art kollha, u qassmilhom bil-qjies iż-żminijiet u t-truf ta' l-art fejn għandhom jgħammru; [Atti:17:27] u dan għamlu biex huma jfittxu lil Alla u forsi jħossuh b'idejhom u jsibuh; u tassew, hu m'huwiex 'il bogħod minn kull wieħed minna. [Atti:17:28] Aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna; u, kif qalu xi wħud mill-poeti tagħkom, 'Aħna tassew nisel tiegħu.' [Atti:17:29] Mela ladarba aħna nisel ta' Alla, ma għandniex naħsbu li hu jixbah lid-deheb jew lill-fidda jew lill-ħaġar, qisu xbieha ġejja minn sengħet u moħħ il-bniedem. [Atti:17:30] Alla għalaq għajnejh sakemm il-bnedmin kienu għadhom ma jafux; issa għarrafhom li kulħadd għandu jindem, hu fejn hu. [Atti:17:31] Għax hu għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-dinja permezz ta' bniedem li ħatru hu; u ta' dan kollu ta prova quddiem kulħadd billi lilu qajjmu mill-imwiet."

 

[Atti:17:32] Malli semgħu kliemu fuq il-qawmien                   mill-imwiet, xi wħud minnhom bdew jidħku; iżda oħrajn qalu: "Nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb'oħra." [Atti:17:33] Hekk Pawlu ħareġ minn ġo nofshom. [Atti:17:34] Imma xi wħud issieħbu miegħu u emmnu; fost dawn kien hemm ukoll Djonisju l-Arjopagita u waħda mara jisimha Damari u oħrajn magħhom.

 

18. Pawlu f'Korintu

 

[Atti:18:1] Wara dan, Pawlu ħalla Ateni u mar Korintu. [Atti:18:2] Hemm sab wieħed Lhudi minn Pontu, jismu Akwila, li kien għadu kemm wasal mill-Italja ma' martu Prixxilla; għax l-imperatur Klawdju kien ordna biex il-Lhud kollha jitilqu minn Ruma. Pawlu mar għandhom [Atti:18:3] u, billi kellu l-istess sengħa tagħhom, qagħad jaħdem magħhom. Is-sengħa tagħhom kienet li jagħmlu t-tined. [Atti:18:4] Kull nhar ta' Sibt kien imur jiddiskuti fis-sinagoga u jfittex li jipperswadi lil-Lhud u  l-Griegi.

 

[Atti:18:5] Meta Sila u Timotju waslu mill-Maċedonja, Pawlu ta ruħu kollu kemm hu għax-xandir tal-kelma, u kien jixhed lil-Lhud li Ġesù huwa l-Messija. [Atti:18:6] Iżda huma waqfulu u bdew jidgħulu, u għalhekk Pawlu farfar ħwejġu u qalilhom: "Intom taħtu għat-telfien tagħkom, jien ma għandix ħtija! Minn issa 'l quddiem se ngħaddi għal għand il-pagani." [Atti:18:7] Mbagħad telaq minn hemm u mar għand wieħed jismu Titu Ġustu, li kien iqim lil Alla, u li daru kienet maġenb  is-sinagoga. [Atti:18:8] Krispu, il-kap tas-sinagoga, u l-familja tiegħu kollha emmnu fil-Mulej, u ħafna mill-Korintin, li kienu jisimgħu lil Pawlu, emmnu huma wkoll u tgħammdu. [Atti:18:9] Darba billejl il-Mulej deher lil Pawlu u qallu: "La tibżax, imma tkellem u tiskotx, [Atti:18:10] għax jiena miegħek, u ħadd ma hu se jmidd idu fuqek biex jagħmillek ħsara; għax poplu kbir hawn għalija f'din il-belt." [Atti:18:11] Pawlu qagħad hemm sena u sitt xhur, jgħallimhom il-kelma ta' Alla.

 

[Atti:18:12] Imma meta Galljon sar prokonslu ta' l-Akaja, il-Lhud qamu għalenija kontra Pawlu, tellgħuh quddiem il-qorti, [Atti:18:13] u qalu: "Dan il-bniedem qiegħed jipperswadi lin-nies biex iqimu lil Alla kontra l-Liġi." [Atti:18:14] Xħin Pawlu kien se jiftaħ fommu, Galljon qal lil-Lhud: "Li kieku kien hemm xi ħtija jew delitt, kien ikun hemm raġuni li nismagħkom bis-sabar kollu lilkom il-Lhud; [Atti:18:15] imma jekk din hi kwistjoni dwar kliem u ismijiet u l-Liġi tagħkom, arawha intom; jien ma rridx nagħmilha ta' mħallef fi ħwejjeġ bħal dawn." [Atti:18:16] U bagħathom 'il barra mill-qorti. [Atti:18:17] Mbagħad ilkoll qabdu f'Sòsteni, il-kap tas-sinagoga, u tawh xebgħa quddiem il-qorti. Imma Galljon ma ta ebda kas ta' dan.

 

Pawlu lura f'Antjokja tas-Sirja

 

[Atti:18:18] Pawlu baqa' hemm għal ħafna ġranet. Mbagħad infired mill-aħwa u rħielha bil-baħar lejn is-Sirja. Kellu miegħu lil Prixxilla u Akwila. F'Kenkri qata' xagħru, għax kellu wegħda. [Atti:18:19] Meta waslu Efesu, Pawlu ħalla lill-oħrajn u mar fis-sinagoga jiddiskuti mal-Lhud. [Atti:18:20] Huma talbuh joqgħod hemm ftit ieħor; hu ma riedx, [Atti:18:21] imma xħin ġie biex jinfired minnhom qalilhom: "Jekk Alla jrid, nerġa' niġi għandkom." U telaq minn Efesu bil-baħar. [Atti:18:22] Meta wasal Ċesarija, tala' Ġerusalemm isellem lill-Knisja, u mbagħad niżel Antjokja. [Atti:18:23] Wara li għadda ftit taż-żmien hemmhekk, telaq u qagħad idur minn post għal ieħor fl-art tal-Galazja u l-Friġja, iwettaq   id-dixxipli kollha.

Apollu jippriedka f'Efesu

 

[Atti:18:24] Wieħed Lhudi minn Lixandra, jismu Apollu, wasal Efesu. Kien raġel jinqala' biex jitkellem, u għaref fl-Iskrittura. [Atti:18:25] Kien mgħallem fit-Triq tal-Mulej, u kien jitkellem b'ħeġġa kbira u jgħallem fuq Ġesù, għad li kien jaf biss bil-magħmudija ta' Ġwanni. [Atti:18:26] Dan beda jitkellem bi qlubija kbira fis-sinagoga. Prixxilla u Akwila semgħuh; ħaduh magħhom u fissrulu t-Triq ta' Alla iktar bir-reqqa. [Atti:18:27] Billi hu ried imur l-Akaja, l-aħwa għamlulu l-qalb u kitbu lid-dixxipli biex jilqgħuh. Meta wasal hemm, bis-saħħa tal-grazzja li kellu, kien ta' għajnuna kbira għal dawk li kienu emmnu. [Atti:18:28] U bil-qawwa kollha kien jagħlaq ħalq il-Lhud quddiem kulħadd billi jurihom mill-Iskrittura li Ġesù hu l-Messija.

 

19. Pawlu f'Efesu

 

[Atti:19:1] Meta Apollu kien Korintu, Pawlu għadda mill-inħawi ta' fuq u wasal Efesu, fejn sab xi dixxipli [Atti:19:2] u staqsiehom: "Ħadtu intom l-Ispirtu s-Santu meta emmintu?" Iżda huma weġbuh: "Le, anqas biss smajna li hemm l-Ispirtu s-Santu!" [Atti:19:3] "Mela x'magħmudija ħadtu?" staqsiehom Pawlu. "Il-magħmudija ta' Ġwanni," weġbuh huma. [Atti:19:4] Mbagħad Pawlu qalilhom: "Ġwanni għammed bil-magħmudija ta' l-indiema; imma lin-nies kien jgħidilhom biex jemmnu f'dak li kellu jiġi warajh, jiġifieri, f'Ġesù." [Atti:19:5] Xħin semgħu dan, tgħammdu f'isem il-Mulej Ġesù. [Atti:19:6] Mbagħad, kif Pawlu qegħdilhom idejh fuqhom, niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b'ilsna u jħabbru. [Atti:19:7] B'kollox kienu madwar tnax-il raġel.

 

[Atti:19:8] Għal tliet xhur Pawlu kien imur fis-sinagoga, jitkellem bi qlubija kbira u jfittex li jipperswadihom fuq is-Saltna ta' Alla. [Atti:19:9] Xi wħud kienu jwebbsu rashom u ma ridux jemmnu, u bdew imaqdru t-Triq tal-Mulej quddiem il-ġemgħa kollha. Għalhekk Pawlu telaq minn magħhom, ġabar miegħu d-dixxipli, u kien joqgħod jitkellem magħhom kuljum fl-iskola ta' wieħed jismu Tirannu. [Atti:19:10] Dan baqa' sejjer għal sentejn, tant li dawk kollha li kienu joqogħdu fl-Asja, kemm Lhud u kemm Griegi, semgħu  l-kelma tal-Mulej.

 

Ulied Xeva

 

[Atti:19:11] U Alla kien jagħmel mirakli mhux żgħar permezz ta' Pawlu, [Atti:19:12] hekk li, meta kienu jieħdu mkatar jew fradal li jkunu messew miegħu u jqegħduhom fuq il-morda, dawn kienu jfiqu mill-mard tagħhom u l-ispirti ħżiena kienu joħorġu minnhom. [Atti:19:13] Kien hemm xi wħud mill-eżorċisti Lhud iduru ma' dawk l-inħawi, u bdew isejjħu l-isem tal-Mulej Ġesù fuq dawk li kellhom l-ispirti ħżiena u jgħidulhom: "Niskunġrak b'dak Ġesù li jxandar Pawlu." [Atti:19:14] Kien hemm seba' wlied ta' wieħed jismu Xeva, qassis kbir Lhudi, li kienu jagħmlu dan. [Atti:19:15] Imma l-ispirtu ħażin weġibhom: "Lil Ġesù nafu, u lil Pawlu nafu wkoll, imma intom min intom?" [Atti:19:16] Mbagħad ir-raġel li kellu l-ispirtu ħażin ħebb għalihom, għelibhom ilkoll u qabadhom b'saħħtu kollha, hekk li ħarbu minn dik id-dar imneżżgħin u kollhom miġruħa. [Atti:19:17] Dan saru jafu bih il-Lhud u l-Griegi kollha li kienu joqogħdu Efesu, u waqa' biża' fuqhom ilkoll; u isem il-Mulej Ġesù kien igglorifikat bil-bosta. [Atti:19:18] Ħafna minn dawk li emmnu bdew jersqu biex jistqarru u jxandru għemilhom. [Atti:19:19] U bosta minn dawk li qabel kienu jagħmlu s-sħarijiet ġiebu l-kotba tagħhom u ħarquhom quddiem kulħadd. Meta għamlu l-istima tagħhom, sabu li kienu jiswew ħamsin elf biċċa tal-fidda. [Atti:19:20] Hekk il-kelma  tal-Mulej baqgħet tikber u tissaħħaħ bil-qawwa kollha.

 

Irvell f'Efesu

 

[Atti:19:21] Wara li seħħ dan kollu, Pawlu għamel il-ħsieb li jmur il-Maċedonja u l-Akaja biex minn hemm jibqa' sejjer Ġerusalemm. Qal ukoll: "Wara li mmur hemm, jeħtieġ nara Ruma wkoll." [Atti:19:22] Għalhekk bagħat lejn il-Maċedonja lil Timotju u 'l Erastu, tnejn minn dawk li kienu jgħinuh, u hu baqa' għal ftit taż-żmien ieħor fl-Asja.

 

[Atti:19:23] Mela dik il-ħabta nqala' inkwiet mhux żgħir minħabba t-Triq tal-Mulej. [Atti:19:24] Kien hemm wieħed arġentier, jismu Demetriju, li kien jagħmel mudelli tal-fidda tat-tempju ta' Artemi, u, bis-saħħa tiegħu, in-nies tas-sengħa kienu jaqilgħu ħafna flus. [Atti:19:25] Dan laqqagħhom flimkien ma' nies ta' snajja' oħra bħal tagħhom, u qalilhom: "Ħbieb, intom tafu li l-għana tagħna ġej mill-qligħ ta' din is-sengħa. [Atti:19:26] Qegħdin taraw u tisimgħu li dan Pawlu qiegħed idawwar u jaqleb ħafna nies, mhux biss f'Efesu, imma tista' tgħid fl-Asja kollha. Qiegħed jgħidilhom li allat maħduma bl-idejn ma huma allat xejn. [Atti:19:27] Dan hu l-biża' tagħna, li mhux biss din is-sengħa tagħna ma jibqgħux jistmawha, iżda li saħansitra t-tempju ta' Artemi  l-kbira, l-alla tagħna, jiġi fix-xejn; u fl-aħħar jiġri li tonqos il-glorja kbira ta' dik li hi miqjuma fl-Asja u d-dinja kollha."

 

[Atti:19:28] Xħin semgħu dan, mtlew bl-għadab u qabdu jgħajjtu: "Kbira Artemi ta' l-Efesin!" [Atti:19:29] Qamet taħwida fil-belt kollha; in-nies b'ġirja waħda telqu lkoll flimkien għall-anfitijatru u kaxkru magħhom lil Gaju u 'l Aristarku, iż-żewġ irġiel mill-Maċedonja li kienu sħab Pawlu fil-vjaġġ. [Atti:19:30] Pawlu ried jidħol qalb il-folla, imma d-dixxipli ma ħallewhx. [Atti:19:31] Xi awtoritajiet ta' l-Asja, ħbieb tiegħu, bagħtu jgħidulu huma wkoll biex ma jissugrax jidħol fl-anfitijatru. [Atti:19:32] Ġewwa fost il-ġemgħa kien hemm storbju sħiħ; min kien jgħajjat ħaġa u min oħra, u l-biċċa l-kbira anqas biss kienu jafu għalfejn inġabru hemm. [Atti:19:33] Il-Lhud tefgħu lil Alessandru 'l quddiem, u xi wħud mill-folla fehmuh x'kienet il-kwistjoni. Alessandru għamel sinjal b'idu biex juri li ried jagħmel difiża quddiem il-poplu. [Atti:19:34] Imma kif intebħu li kien Lhudi qabdu jgħajjtu lkoll b'leħen wieħed, u baqgħu sejrin jgħajjtu għal madwar sagħtejn sħaħ: "Kbira Artemi ta'                                  l-Efesin!" [Atti:19:35] Mbagħad uffiċjal pubbliku rnexxielu jsikket il-folla u qalilhom: "Nies ta' Efesu, min hu dak li ma jafx li Efesu hija l-belt li tħares it-tempju ta' Artemi l-kbira u tax-xbieha tagħha li waqgħet  mis-sema? [Atti:19:36] Dan ħadd ma jista' jmerih! Mela għandkom toqogħdu bi kwietkom u ma tagħmlu xejn bl-għaġla. [Atti:19:37] Intom ġibtu hawn lil dawn l-irġiel, li ebda sagrileġġ ma għamlu, u anqas dgħaw kontra din l-alla tagħna. [Atti:19:38] Mela jekk Demetriju u sħabu                   tas-sengħa tiegħu għandhom xi jgħidu kontra xi ħadd, hemm il-qrati u l-imħallfin; ħa jmorru jixlu 'l xulxin quddiemhom. [Atti:19:39] Jekk imbagħad għandkom xi kwistjoni oħra, ħalluha tkun deċiża fil-laqgħa tas-soltu. [Atti:19:40] Għax fuq dak li ġara llum, hemm il-periklu li jgħodduna b'ħajta ta' dan l-irvell, u ma hemm ebda skuża li nistgħu nġibu għal irvell bħal dan." [Atti:19:41] Xħin temm jgħid dan, bagħat lil kulħadd 'il barra.

 

20. Il-vjaġġ ta' Pawlu lejn il-Maċedonja u  l-Greċja

 

[Atti:20:1] Meta waqaf l-istorbju, Pawlu bagħat għad-dixxipli u ħeġġiġhom bi kliemu, sellmilhom u qabad it-triq                                     għall-Maċedonja. [Atti:20:2] Huwa u għaddej minn dawk l-inħawi, kien iħeġġeġ lid-dixxipli b'ħafna kliem. Mbagħad wasal il-Greċja, [Atti:20:3] fejn għadda tliet xhur. Meta kien wasal biex jaqbad il-ġifen għas-Sirja, il-Lhud nasbu konfoffa kontra tiegħu, u għalhekk għamel il-ħsieb li jerġa' lura u jgħaddi mill-Maċedonja. [Atti:20:4] Marru miegħu Sopatru bin Pirru, minn Berija, Aristarku u Sekundu, it-tnejn minn Tessalonika, Gaju minn Derbi u Timotju, u Tikiku u Trofimu, it-tnejn mill-Asja. [Atti:20:5] Dawn telqu qabilna u qagħdu jistennewna fi Troas. [Atti:20:6] Aħna tlaqna bil-baħar minn Filippi wara jiem l-Ażżmi, u, wara ħamest ijiem, rġajna ltqajna magħhom fi Troas, fejn qgħadna sebat ijiem.

 

L-aħħar żjara ta' Pawlu fi Troas

 

[Atti:20:7] Fl-ewwel jum tal-ġimgħa nġbarna flimkien biex naqsmu l-ħobż. Pawlu, li kellu jitlaq l-għada, qagħad jitħaddet magħhom u dam jitkellem sa nofs-il-lejl. [Atti:20:8] Kien hemm ħafna msiebaħ fil-kamra ta' fuq fejn konna miġbura. [Atti:20:9] Wieħed żagħżugħ, jismu Ewtiku, kien bilqiegħda f'ħoġor it-tieqa, u ħadu n-ngħas sewwa, għax Pawlu ġibed      fit-tul fi kliemu. Fl-aħħar in-ngħas għelbu u waqa' għal isfel mit-tielet sular, u refgħuh mejjet. [Atti:20:10] Pawlu niżel isfel, tbaxxa fuqu, refgħu f'dirgħajh u qal: "Tibżgħu xejn, għax ruħu għadha fih." [Atti:20:11] Mbagħad raġa' tela' fuq, qasam il-ħobż u kiel; u ssokta jitkellem magħhom sa ma sebaħ. Mbagħad telaq. [Atti:20:12] Lil dak iż-żagħżugħ ħaduh ħaj, u tfarrġu mhux ftit.

 

Il-vjaġġ minn Troas għal Miletu

 

[Atti:20:13] Aħna tlaqna qabel lejn il-ġifen u baħħarna lejn Assos, fejn kellna ntellgħu magħna lil Pawlu, kif konna ftehemna, għax hu ried imur bl-art. [Atti:20:14] Wara li ltqajna f'Assos, tellajnieh magħna fuq il-ġifen u wasalna Mitileni. [Atti:20:15] L-għada tlaqna minn hemm u wasalna biswit Kijos; il-jum ta' wara lħaqna Samos, u fil-jum ta' wara wasalna Miletu; [Atti:20:16] għax Pawlu kien qatagħha li jgħaddi 'l barra minn Efesu, biex ma jaħlix żmien fl-Asja, billi kien mgħaġġel ħalli, jekk jista' jkun, ikun Ġerusalemm għall-festa ta' Għid il-Ħamsin.

 

Pawlu jkellem lill-presbiteri ta' Efesu

 

[Atti:20:17] Minn Miletu Pawlu bagħat isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja ta' Efesu. [Atti:20:18] Meta waslu għandu, qalilhom: "Intom stess tafu kif jien ġibt ruħi kemm domt magħkom minn dakinhar li rfist l-ewwel darba fl-Asja, [ Atti:20:19] kif qdejt lill-Mulej bl-umiltà kollha, bid-dmugħ u bit-tiġrib li fih sibt ruħi minħabba t-tnassis tal-Lhud. [Atti:20:20] Qatt ma bżajt nurikom dak li hu ta' fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-beraħ u kemm fid-djar, [Atti:20:21] u nwissi lil-Lhud u lill-Griegi li għandhom jindmu u jduru lejn Alla u jemmnu fil-Mulej tagħna Ġesù. [Atti:20:22] U issa, araw, jien, mġiegħel mill-Ispirtu, sejjer Ġerusalemm bla ma naf x'se jgħaddi minn għalija hemmhekk. [Atti:20:23] Naf biss li l-Ispirtu s-Santu wrieni f'kull belt li hemm jistennewni ħabs u tbatija. [Atti:20:24] Iżda jien lil ħajti xejn ma nqisha għażiża għalija jekk mhux biex intemm il-mixja tiegħi u l-ministeru li ħadt mingħand il-Mulej Ġesù, jiġifieri, li nagħti xhieda ta' l-Evanġelju tal-grazzja ta' Alla.

 

[Atti:20:25] "U issa jiena naf li intom ilkoll, li fostkom għaddejt inxandar is-Saltna, m'intomx se taraw wiċċi aktar. [Atti:20:26] Għalhekk nistqarr quddiemkom illum li jien m'iniex ħati tal-ħsara li tistgħu ġġarrbu; [Atti:20:27] għax jien qatt ma bżajt nurikom dak kollu li Alla jrid minnkom. [Atti:20:28] Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja ta' Alla li hu kiseb b'demmu stess. [Atti:20:29] Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex. [Atti:20:30] U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawwru d-dixxipli għal warajhom. [Atti:20:31] Għalhekk iftħu  għajnajkom, ftakru kif għal tliet snin sħaħ, lwjl u nhar, qatt ma waqaft inwissi bid-dmugħ f’għajnajja lil kull ieħed minnkom.                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                                        [Atti:20:32] U issa nitlaqkom f'idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu, dik il-kelma li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu. [Atti:20:33] Fidda, deheb u lbies ta' ħaddieħor qatt ma xtaqthom. [Atti:20:34] Intom stess tafu li kienu dawn idejja li ħadmu għall-ħtiġiet tiegħi u ta' sħabi. [Atti:20:35] F'kollox urejtkom li b'xogħol iebes bħal dan tagħna għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-bżonn, waqt li niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal, 'Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.' "

 

[Atti:20:36] Kif temm jgħid dan, niżel għarkubbtejh jitlob magħhom ilkoll. [Atti:20:37] Mbagħad infexxew ilkoll f'bikja kbira u bdew jgħannqu lil Pawlu u jbusuh. [Atti:20:38] L-aktar li ħassew għax qalilhom li qatt aktar ma kienu se jerġgħu jaraw wiċċu. Mbagħad wassluh sal-ġifen.

 

 

21. Il-vjaġġ ta' Pawlu lejn Ġerusalemm

 

[Atti:21:1] Meta nfridna minnhom, qlajna 'l barra u bqajna sejrin dritt lejn Kos; l-għada wasalna Rodi, u minn hemm morna Patara. [Atti:21:2] Sibna ġifen sejjer lejn il-Feniċja, tlajna fuqu u tlaqna. [Atti:21:3] Lmaħna 'l Ċipru u ħallejnieh fuq in-naħa tax-xellug; bqajna sejrin lejn is-Sirja u nżilna Tir, għax hemm il-ġifen kellu jħott it-tagħbija. [Atti:21:4] Hawnhekk sibna d-dixxipli u bqajna hemm sebat ijiem; dawn, mnebbħin mill-Ispirtu  s-Santu, qalu lil Pawlu biex ma jitlax Ġerusalemm. [Atti:21:5] Imma meta għaddew dawk il-jiem, aħna u telqin minn hemm, ġew huma lkoll, bin-nisa u t-tfal tagħhom, biex iwassluna sa barra l-belt. Mbagħad ilkoll inżilna għarkubbtejna f'xatt il-baħar u tlabna; [Atti:21:6] sellimna lil xulxin, aħna tlajna fuq il-ġifen, u huma reġgħu lura lejn djarhom.

 

[Atti:21:7] Komplejna l-vjaġġ bil-baħar u minn Tir wasalna Ptolemajs; sellimna lill-aħwa u għaddejna ġurnata magħhom. [Atti:21:8] L-għada tlaqna u morna Ċesarija; dħalna fid-dar ta' Filippu l-evanġelista, wieħed mis-Sebgħa u qgħadna għandu. [Atti:21:9] Dan kellu erba' xebbiet, li kellhom id-don tal-profezija. [Atti:21:10] Wara li konna ilna hemm għal ħafna jiem, niżel mil-Lhudija wieħed profeta, jismu Agabu, [Atti:21:11] ġie għandna, qabad il-ħżiem ta' Pawlu, rabat bih riġlejh u idejh u qal: "Dan jgħid l-Ispirtu s-Santu: Hekk għad jorbtuh il-Lhud f'Ġerusalemm lir-raġel li tiegħu hu dan il-ħżiem, u jagħtuh f'idejn il-pagani." [Atti:21:12] Malli smajna dan, aħna u n-nies tal-post bdejna nitolbuh minn qalbna biex ma jitlax Ġerusalemm. [Atti:21:13] Imma Pawlu wieġeb: "Għalfejn qegħdin tibku u tiksruli qalbi? Jien lest biex, għall-isem tal-Mulej Ġesù, mhux biss jorbtuni f'Ġerusalemm, imma wkoll jagħtuni  l-mewt." [Atti:21:14] Billi ma ried jisma' b'xejn, aħna skitna u għedna biss: "Tkun magħmula r-rieda tal-Mulej!"

 

[Atti:21:15] Wara dawn il-jiem lestejna kollox u tlajna Ġerusalemm. [Atti:21:16] Ġew magħna xi dixxipli minn Ċesarija u ħaduna noqogħdu għand Mnason, raġel minn Ċipru u wieħed mill-ewwel dixxipli.

 

Pawlu jżur lil Ġakbu

 

[Atti:21:17] Meta wasalna Ġerusalemm, l-aħwa laqgħuna                                 bil-ferħ. [Atti:21:18] L-għada Pawlu mar magħna għand Ġakbu u kien hemm il-presbiteri kollha. [Atti:21:19] Pawlu sellmilhom u għarrafhom ħaġa b'ħaġa b'dak kollu li Alla kien għamel fost il-pagani permezz tal-ministeru tiegħu. [Atti:21:20] Meta semgħu dan, bdew ifaħħru lil Alla. Mbagħad qalulu: "Qiegħed tara, ħi, kemm eluf ta' Lhud emmnu? U dawn kollha għadhom imħeġġa għal-Liġi. [Atti:21:21] Huma semgħu li int qiegħed tgħallem lil-Lhud li qegħdin fost il-pagani biex jinfirdu minn Mosè, u tgħidilhom biex ma jagħmlux iċ-ċirkonċiżjoni lil uliedhom u anqas ma jimxu skond id-drawwiet tagħhom. [Atti:21:22] Issa x'se nagħmlu? Għax, hekk jew hekk, jisimgħu li ġejt hawn. [Atti:21:23] Għalhekk agħmel kif se ngħidulek aħna. Għandna magħna erbat irġiel li għamlu wegħda; [Atti:21:24] ħudhom u mur issieħeb magħhom                  għall-purifikazzjoni, u ħallsilhom biex iqaxxru rashom. Hekk kulħadd isir jaf li ma hemm xejn minn dak li semgħu fuqek, imma li int stess qiegħed timxi skond il-Liġi u tħarisha. [Atti:21:25] Mbagħad dwar il-pagani li emmnu, aħna ktibnielhom li d-deċiżjoni tagħna hi li huma għandhom iħarsu rwieħhom mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm, mil-laħam ta' l-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin." [Atti:21:26] L-għada mela Pawlu ħa miegħu dawk l-irġiel u, wara li temmew flimkien ir-rit tal-purifikazzjoni, daħal fit-tempju biex javża li billi kien għalaq iż-żmien tal-purifikazzjoni, kellu jagħti l-offerta għal kull wieħed minnhom.

 

Pawlu arrestat fit-tempju

 

[Atti:21:27] Is-sebat ijiem kienu waslu fl-aħħar, meta l-Lhud ta' l-Asja rawh fit-tempju, xewwxu l-poplu kollu, meddew idejhom fuqu [Atti:21:28] u bdew jgħajjtu: "Nies ta' Iżrael, agħtuna l-għajnuna! Dan hu r-raġel li qiegħed jgħallem lil kulħadd u kullimkien kontra l-poplu tagħna, kontra l-Liġi u kontra dan il-post! Sa wasal ukoll biex idaħħal il-Griegi                  fit-tempju u niġġes dan il-post qaddis!" [Atti:21:29] Għax billi qabel kienu raw lil Trofimu ta' Efesu miegħu fil-belt, ħasbu li Pawlu kien daħħlu fit-tempju. [Atti:21:30] Mbagħad il-belt kollha tqanqlet u n-nies inġabret minn kullimkien; qabdu lil Pawlu, kaxkruh 'il barra mit-tempju u għalqu malajr il-bibien. [Atti:21:31] Fittxew li joqtluh, imma l-aħbar waslet għand il-fizzjal kmandant li Ġerusalemm kollha kienet rewwixta waħda. [Atti:21:32] Dan malajr ħa miegħu xi suldati u ċenturjuni u niżel jiġri fuqhom; huma, malli raw il-fizzjal u s-suldati, ma baqgħux isawwtu lil Pawlu iżjed. [Atti:21:33] Il-fizzjal resaq lejh, qabdu u ordna li jorbtuh b'żewġ ktajjen; mbagħad staqsa min kien u x'kien għamel. [Atti:21:34]  Il-folla bdiet tgħajjat, min ħaġa u min oħra. Billi minħabba l-għajat ma setax jifhem sewwa x'kien ġara, ordna li jieħdu lil Pawlu                                  fil-fortizza. [Atti:21:35] Xħin waslu f'ras it-taraġ, kellhom jerfgħuh is-suldati minħabba l-qilla tal-poplu; [Atti:21:36] għax ġemgħa kbira ta' nies kienet miexja warajh u tgħajjat: "Oqtluh!"

 

Id-difiża ta' Pawlu

 

[Atti:21:37] Huma u deħlin bih fil-fortizza, Pawlu qal lill-fizzjal: "Nista' ngħidlek kelma?" Dan qallu: "Mela int taf bil-Grieg? [Atti:21:38] Jaqaw int dak l-Eġizzjan li dan l-aħħar qajjem rewwixta u ħa miegħu fid-deżert erbat elef raġel sikarju?" [Atti:21:39] Pawlu wieġeb: "Jiena Lhudi, minn Tarsu taċ-Ċiliċja, ċittadin ta' belt magħrufa. Nitolbok tħallini nkellem             lill-poplu." [Atti:21:40] Il-fizzjal ħallieh; u Pawlu, wieqaf f'ras it-taraġ, għamel sinjal b'idu lill-poplu. Waqa' skiet kbir; u hu mbagħad beda jkellimhom bil-Lhudi.

 

22. [Atti:22:1] "Ħbieb, ħuti u missirijieti, issa isimgħu d-difiża tiegħi quddiemkom. [Atti:22:2] Malli semgħuh ikellimhom bil-Lhudi, aktar qagħdu bi kwiethom. U hu ssokta jgħid: [Atti:22:3] "Jiena Lhudi; twelidt f'Tarsu taċ-Ċiliċja, imma trabbejt f'din il-belt f'riġlejn Gamaljel u tħarriġt bir-reqqa fil-ħarsien tal-Liġi ta' missirijietna; jien mimli ħeġġa għal Alla, kif ukoll intom ilkoll illum. [Atti:22:4] Jien ħadtha sal-mewt kontra min qabad din it-Triq tal-Mulej, u rbatt u tfajt il-ħabs irġiel u nisa, [Atti:22:5] kif jista' jixhidli l-qassis il-kbir u l-Kunsill kollu tax-xjuħ. Kien mingħandhom li jien ħadt ittri għal ħutna, u mort Damasku biex lil dawk ukoll li kienu hemm inġibhom marbutin Ġerusalemm u jkunu kkastigati.

 

Pawlu jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu

(Atti 9, 1-9 ; 26, 12-18)

 

[Atti:22:6] "Imma jien u sejjer, kif kont qrib Damasku, f'daqqa waħda għall-ħabta ta' nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari. [Atti:22:7] Waqajt ma' l-art, u smajt leħen jgħidli, 'Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?' [Atti:22:8] Jien weġibt, 'Min int, Mulej?' U hu qalli, 'Jien Ġesù ta' Nazaret, li int qiegħed tippersegwitah.' [Atti:22:9] Dawk li kienu miegħi raw id-dawl, imma ma semgħux il-leħen ta' min kien ikellimni. [Atti:22:10] Mbagħad jien għedt, 'X'għandi nagħmel, Mulej?'              U l-Mulej qalli, 'Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kull ma għandek tagħmel.' [Atti:22:11] Billi ma stajtx nara minħabba d-dija ta' dak id-dawl, mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi, u hekk wasalt Damasku.

 

[Atti:22:12] "Hemmhekk kien hemm wieħed, jismu Ħananija, raġel sewwa skond il-Liġi, li kellu fama tajba mal-Lhud li kienu joqogħdu hemm; [Atti:22:13] ġie għandi, resaq fuqi u qalli, 'Sawl, ħija, ħu d-dawl.' Dak il-ħin stess bdejt nara u nħares lejh. [Atti:22:14] Mbagħad hu qalli, 'Alla ta' missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu, tara lil dak li hu l-Ġust u tisimgħu jkellmek b'fommu stess. [Atti:22:15] Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt. [Atti:22:16] U issa x'int tistenna? Qum! Tgħammed u nħall minn dnubietek, int u ssejjaħ ismu.'

 

Pawlu msejjaħ biex jippriedka lill-pagani

 

[Atti:22:17] "Rġajt lura lejn Ġerusalemm, u waqt li darba kont qiegħed nitlob fit-tempju, dħalt f'estasi. [Atti:22:18] Rajt lill-Mulej u qalli, 'Fittex oħroġ malajr minn Ġerusalemm, għax m'humiex se jilqgħu x-xhieda tiegħek għalija.' [Atti:22:19] Jiena weġibt, 'Mulej, huma jafu li jien kont immur minn sinagoga għal oħra nitfa' l-ħabs u nsawwat lil dawk li jemmnu fik. [Atti:22:20] U meta kienu qegħdin ixerrdu d-demm ta' Stiefnu, ix-xhud tiegħek, jien ukoll kont hemm u qbilt magħhom u qgħadt għassa tal-ħwejjeġ ta' dawk li kienu qegħdin iħaġġruh.' [Atti:22:21] Imma hu qalli, 'Mur, għax jien se nibagħtek 'il bogħod, fost il-pagani.' "

 

Pawlu u l-fizzjal Ruman

 

[Atti:22:22] Sa hawn qagħdu jisimgħuh. Mbagħad qabdu jgħajjtu u jgħidu: "Eqirduh mid-dinja, bniedem bħal dan! Ma ħaqqux jgħix!" [Atti:22:23] Bdew jgħajjtu, ixejjru ħwejjiġhom u jwaddbu t-trab fl-ajru. [Atti:22:24] Il-fizzjal ordna li jdaħħlu lil Pawlu fil-fortizza u jagħtuh is-swat, ħalli b'hekk jistħarrġu u jsir jaf mingħandu l-għala kienu qegħdin jgħajjtu kontra tiegħu. [Atti:22:25] Xħin rabtuh biex isawwtuh Pawlu qal liċ-ċenturjun li kien wieqaf ħdejh: "Tistgħu ssawwtu ċittadin Ruman bla ma jsir ħaqq minnu?" [Atti:22:26] Malli ċ-ċenturjun sama' dan, mar għand il-fizzjal jagħtih din l-aħbar u qallu: "Hemm x'se tagħmel? Dan ir-raġel ċittadin Ruman!" [Atti:22:27] Il-fizzjal mar ħdejn Pawlu u staqsieh: "Għidli: int ċittadin Ruman?" Wieġbu: "Iva." [Atti:22:28] Il-fizzjal qallu: "Biex jien ksibt din iċ-ċittadinanza kelli nħallas somma kbira."               U Pawlu qallu: "U jien twelidt hekk." [Atti:22:29] Għalhekk dawk li kienu se jistħarrġuh bis-swat warrbu malajr minn ħdejh; u l-fizzjal stess beża' meta sar jaf li kien ċittadin Ruman u li kien rabtu bil-ktajjen.

 

Pawlu quddiem is-Sinedriju

 

[Atti:22:30] Billi ried jaf sewwa biex kienu qegħdin jakkużawh il-Lhud,  l-għada ħallu mill-irbit u ordna li jiltaqgħu l-qassisin il-kbar u  s-Sinedriju kollu; mbagħad bagħat iġib lil Pawlu u ressqu quddiemhom.

 

 

23. [Atti:23:1] Pawlu ta ħarsa lejn is-Sinedriju u qal: "Ħuti, jien sa llum imxejt quddiem Alla b'kuxjenza safja għalkollox." [Atti:23:2] Imma Ħananija,  il-qassis il-kbir, ordna lil dawk li kienu ħdejh biex jagħtuh daqqa fuq ħalqu. [Atti:23:3] Mbagħad Pawlu qallu: "Din id-daqqa Alla għad jagħtiha lilek, ja ħajt imbajjad! Int, li qiegħed hemm biex tagħmel ħaqq minni skond il-Liġi, tordna li niġi msawwat kontra l-Liġi?" [Atti:23:4] Dawk li kienu ħdejh qalulu: "Int hekk tkasbru lill-qassis il-kbir ta' Alla?" [Atti:23:5] Pawlu wieġeb: "Ma kontx naf, ħuti, li hu l-qassis il-kbir; għax hemm miktub, 'Tgħidx il-ħażin fuq il-kap tal-poplu tiegħek.' "

 

[Atti:23:6] Issa Pawlu kien jaf li xi wħud kienu min-naħa tas-Sadduċej u oħrajn min-naħa tal-Fariżej. Għalhekk għajjat fis-Sinedriju: "Ħuti, jien Fariżew u bin il-Fariżej; hu għalhekk li qiegħed isir ħaqq minni, minħabba t-tama fil-qawmien minn bejn l-imwiet." [Atti:23:7] Kif qal hekk, qamet tilwima bejn il-Fariżej u s-Sadduċej, u l-ġemgħa nqasmet. [Atti:23:8] Għax is-Sadduċej jgħidu li la hemm qawmien minn bejn l-imwiet, la anġli u lanqas spirti; waqt li l-Fariżej jistqarru dan kollu. [Atti:23:9] Mbagħad qam storbju kbir; xi kittieba tan-naħa tal-Fariżej qamu u bdew jeħduha  bil-qawwa kollha ma' l-oħrajn u jgħidu: "Aħna ma nsibu xejn ħażin f'dan il-bniedem. Min jaf kellmux xi spirtu jew anġlu?" [Atti:23:10] It-tilwim aktar kiber, u għalhekk il-fizzjal, billi beża' li se jtertqu lil Pawlu, ordna lis-suldati jinżlu jaħtfuh minn nofshom u jeħduh il-fortizza.

 

[Atti:23:11] Fil-lejl ta' wara, il-Mulej deherlu u qallu: "Agħmel il-qalb! Kif tajt xhieda għalija f'Ġerusalemm, hekk ukoll jeħtieġ li tagħti xhieda f'Ruma."

 

Komplott biex joqtlu lil Pawlu

 

[Atti:23:12] Xħin sebaħ, il-Lhud iltaqgħu bejniethom u ħalfu li la jieklu u lanqas jixorbu qabel ma joqtlu lil Pawlu. [Atti:23:13] Kienu aktar minn erbgħin dawk li għamlu dan il-komplott. [Atti:23:14] Marru għand  il-qassisin il-kbar u għand ix-xjuħ u qalulhom: "Aħna ħlifna fuq li ħlifna li ma nduqu xejn qabel ma noqtlu lil Pawlu. [Atti:23:15] Mela issa, intom ftiehmu mas-Sinedriju, u għidu lill-fizzjal biex iniżżlu għandkom                  bl-iskuża li tridu tistħarrġu l-każ tiegħu aktar bir-reqqa; aħna mbagħad lesti biex noqtluh qabel ma jasal." [Atti:23:16] Imma t-tifel ta' oħt Pawlu sama' bin-nasba tagħhom. Mar il-fortizza, daħal u għarraf lil Pawlu. [Atti:23:17] Għalhekk Pawlu sejjaħ wieħed miċ-ċenturjuni u qallu: "Ħu lil dan iż-żagħżugħ għand il-fizzjal, għax għandu xi ħaġa xi jgħidlu." [Atti:23:18] Dak ħadu miegħu għand il-fizzjal u qallu: "Pawlu, il-priġunier, sejjaħli u talabni biex inġib quddiemek lil dan iż-żagħżugħ, għax għandu xi ħaġa xi jgħidlek." [Atti:23:19] Il-fizzjal qabad                       iż-żagħżugħ minn idu, ħadu fil-ġenb u staqsieh: "X'għandek xi tgħidli?" [Atti:23:20] Iż-żagħżugħ wieġeb: "Il-Lhud ftiehmu bejniethom li jitolbuk biex għada tniżżel lil Pawlu quddiem is-Sinedriju, bl-iskuża li jridu jistħarrġu l-każ tiegħu aktar bir-reqqa. [Atti:23:21] Iżda int temminhomx. Hemm aktar minn erbgħin wieħed minnhom għassa għalih, għax ħalfu li la jieklu u lanqas jixorbu qabel ma joqtluh; issa huma lesti u qegħdin jistennew il-kelma tiegħek." [Atti:23:22] Mbagħad il-fizzjal bagħat iż-żagħżugħ u wissieh: "Tgħid lil ħadd li għedtli b'dan."

 

Pawlu mibgħut għand il-gvernatur Feliċ

 

[Atti:23:23] Mbagħad sejjaħ żewġ ċenturjuni u qalilhom: "Lestu mitejn suldat biex imorru Ċesarija, u sebgħin kavallier u mitejn suldat ieħor bil-lanza, biex jitilqu fid-disgħa ta' billejl. [Atti:23:24] U aħsbu wkoll għall-bhejjem biex trikkbu lil Pawlu u twassluh qawwi u sħiħ għand Feliċ, il-gvernatur." [Atti:23:25] U kiteb ittra b'dan li ġej: [Atti:23:26] "Klawdju Lisja lill-eċċellenza tiegħu l-gvernatur Feliċ. Is-sliem! [Atti:23:27] Dan  ir-raġel qabduh il-Lhud u kienu se joqtluh. Jien mort bis-suldati u ħlistu minn taħt idejhom, għax sirt naf li hu ċittadin Ruman. [Atti:23:28] Billi ridt inkun naf sewwa l-għala kienu qegħdin jixluh, niżżiltu quddiem  is-Sinedriju tagħhom, [Atti:23:29] u sibt li kienu qegħdin jixluh fuq xi kwistjonijiet tal-liġi tagħhom, imma li ma hemm xejn li jistħoqqlu l-mewt jew il-ktajjen. [Atti:23:30] Billi qaluli li kien hemm komplott kontra tiegħu min-naħa tagħhom, jiena bgħattu għandek, u lil dawk li xlewh għedtilhom biex jgħidu lilek x'għandhom kontra tiegħu."

 

[Atti:23:31]   Is-suldati ħadu lil Pawlu skond l-ordni li kellhom u wassluh billejl sa Antipatris. [Atti:23:32] L-għada ħallewh f'idejn il-kavallerija biex jibqgħu sejrin bih, u huma reġgħu lura lejn il-fortizza. [Atti:23:33] L-oħrajn, xħin waslu Ċesarija, taw l-ittra lill-gvernatur u ġiebu lil Pawlu quddiemu. [Atti:23:34] Il-gvernatur qara l-ittra u staqsa minn liema provinċja kien. Kif sar jaf li kien miċ-Ċiliċja, [Atti:23:35] qallu: "Nisimgħek sewwa meta jiġu jixluk hawnhekk." Mbagħad ordna li jeħduh l-għassa  fil-pretorju ta' Erodi.

 

24. L-akkuża kontra Pawlu

 

[Atti:24:1] Ħamest ijiem wara niżel il-qassis il-kbir Ħananija ma' xi wħud mix-xjuħ u ma' ċertu avukat jismu Tertullu, u ressqu l-każ tagħhom kontra Pawlu quddiem il-gvernatur. [Atti:24:2] Meta l-gvernatur sejjaħ lil Pawlu, Tertullu beda jakkużah u jgħid lil Feliċ: "Eċċellenza, bis-saħħa tiegħek aħna qegħdin ingawdu paċi kbira, u bil-għaqal tiegħek sar ħafna tibdil għall-aħjar ta' dan il-poplu. [Atti:24:3] Dan kollu aħna nilqgħuh minn qalbna, għalkollox u kullimkien, u nibqgħu nafuhulek sewwa. [Atti:24:4] Imma, biex ma ndewwmekx ħafna, nitolbok tismagħna fil-qosor b'dik it-tjieba tiegħek. [Atti:24:5] Għax aħna sibna li dan ir-raġel hu bniedem mill-agħar, u li qiegħed iqajjem it-tixwix fost il-Lhud kollha mxerrda mad-dinja u hu wieħed mill-mexxejja tas-setta                       tan-Nazarin. [Atti:24:6] Saħansitra fittex li jkasbar it-tempju; imma aħna qbadnieh. [Atti:24:8] Int stess tista' tistaqsih biex tkun taf mingħandu wkoll fuqiex qegħdin nakkużawh." [Atti:24:9] Il-Lhud ukoll qablu miegħu u bdew jgħidu li l-fatt kien hekk tassew.

 

Id-difiża ta' Pawlu quddiem Feliċ

 

[Atti:24:10] Il-gvernatur għamillu sinjal biex jitkellem u Pawlu wieġeb: "Jiena naf li int ilek għal ħafna snin tiggverna lil dan il-poplu; għalhekk nagħmel il-qalb u niddefendi l-kawża tiegħi. [Atti:24:11] Kif int tista' tkun taf, ma ilix aktar minn tnax-il jum li tlajt Ġerusalemm biex nagħti qima fit-tempju; [Atti:24:12] u l-Lhud ma sabuni niddiskuti ma' ħadd, anqas ma sabuni nxewwex lill-poplu, la fit-tempju, la fis-sinagogi u lanqas                  fil-belt. [Atti:24:13] Anqas ma jistgħu jippruvawlek l-akkużi li qegħdin iġibu kontrija. [Atti:24:14] Jien dan nistqarrlek; skond it-Triq tal-Mulej, li huma jgħidulha setta, jiena naqdi lil Alla ta' missirijietna u nemmen dak kollu li hemm fil-Liġi u l-Profeti, [Atti:24:15] waqt li nittama f'Alla - kif jittamaw dawn ukoll - li kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet. [Atti:24:16] Għalhekk jien ukoll dejjem nitħabat biex ngħix b'kuxjenza nadifa quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. [Atti:24:17] Wara ħafna snin, ġejt bl-offerti tal-karità għall-poplu tiegħi, u ġibt miegħi l-offerti tas-sagrifiċċju wkoll. [Atti:24:18] Hekk sabuni fit-tempju, waqt ir-rit tal-purifikazzjoni tiegħi, u la ma' xi ġemgħa nies u lanqas f'xi rewwixta. [Atti:24:19] Kienu xi Lhud mill-Asja li sabuni, u jmisshom qegħdin hawn quddiemek biex jixluni, jekk għandhom xi ħaġa kontra tiegħi. [Atti:24:20] Ħalli jgħidu dawn stess ta' xiex sabuni ħati meta dhert quddiem s-Sinedriju! [Atti:24:21] Ħaġa waħda jistgħu jgħidu fija: li jien, meta dhert quddiemhom, għajjatt, 'Minħabba l-qawmien mill-imwiet qegħdin tagħmlu ħaqq minni llum.' "

 

[Atti:24:22] Feliċ, li kellu tagħrif sewwa ħafna dwar it-Triq tal-Mulej, ħalliehom għal darb' oħra u qalilhom: "Meta jinżel Lisja, il-fizzjal, nara sewwa l-każ tagħkom." [Atti:24:23] Mbagħad qal liċ-ċenturjun biex iżomm lil Pawlu u jagħmillu l-għassa; imma jagħtih ukoll ftit tal-libertà u ma jżomm lil ħadd minn ħbiebu milli jersqu jgħinuh.

 

[Atti:24:24] Ftit jiem wara ġie Feliċ ma' martu Drusilla, li kienet Lhudija. Bagħat għal Pawlu u qagħad jisimgħu jitkellem fuq il-fidi f'Ġesù Kristu. [Atti:24:25] Pawlu beda jiddiskuti miegħu fuq il-ġustizzja, fuq it-trażżin tal-passjonijiet u fuq il-ġudizzju li għad irid jiġi. Feliċ beda jibża', u qallu: "Għalissa mur; meta nkun nista', nibgħat għalik." [Atti:24:26] Fl-istess ħin kien qiegħed jistenna li Pawlu jagħtih xi flus; għalhekk sikwit kien jibgħat għalih u joqgħod jitħaddet miegħu.

 

 [Atti:24:27] Għaddew sentejn, u Porċjus Festu laħaq flok Feliċ. Imma biex jogħġob lil-Lhud, Feliċ ħalla lil Pawlu fil-ħabs.

 

25. Pawlu jappella għal quddiem Ċesari

 

[Atti:25:1] Tlitt ijiem wara li wasal fil-provinċja tiegħu, Festu tala' Ġerusalemm minn Ċesarija. [Atti:25:2] Il-qassisin il-kbar u l-kbarat tal-Lhud resqu quddiemu biex jakkużaw lil Pawlu u bdew jitolbuh ħafna [Atti:25:3] biex jagħmlilhom pjaċir u jibgħathulhom Ġerusalemm, għax kienu għamlu komplott li joqtluh fit-triq. [Atti:25:4] Imma Festu weġibhom li Pawlu kellu jibqa' fil-ħabs f'Ċesarija għax hu stess kellu jmur hemm malajr. [Atti:25:5] U żied jgħidilhom: "Dawk fostkom li għandhom xi awtorità jinżlu miegħi, u jekk dan ir-raġel għandu xi ħtija jakkużawh."

 

[Atti:25:6] Wara li qagħad magħhom mhux aktar minn tmienja jew għaxart ijiem, Festu niżel Ċesarija. L-għada ħa postu fit-tribunal u bagħat iġib lil Pawlu. [Atti:25:7] Kif wasal hemm, il-Lhud li kienu niżlu minn Ġerusalemm daru miegħu u bdew iġibu kontra tiegħu ħafna akkużi kbar bla ma kellhom ħila jippruvawhom. [Atti:25:8] Pawlu ddefenda ruħu u qal: "Jien ma nqast xejn, la kontra l-liġi tal-Lhud, la kontra t-tempju u lanqas kontra Ċesari." [Atti:25:9] Imma billi Festu ried jogħġob lil-Lhud, qal lil Pawlu: "Tridx titla' Ġerusalemm, u hemm isir ħaqq minnek quddiemi?" [Atti:25:10] Pawlu wieġbu: "Jien ninsab quddiem il-qorti ta' Ċesari; hawn għandu jsir ħaqq minni. Jien lil-Lhud ma għamiltilhom xejn ħażin, kif inti stess taf sewwa. [Atti:25:11] Jekk imbagħad jiena ħati, jekk għamilt xi ħaġa li għaliha tistħoqqli l-mewt, ma nfittixx li naħrab mill-mewt. Imma jekk ma hemm xejn minn dak li fuqu qegħdin jixluni, ħadd ma jista' jerħini f'idejhom. Nappella għal quddiem Ċesari!" [Atti:25:12] Mbagħad Festu, wara li tkellem mal-kunsill tiegħu qallu: "Int appellajt għal quddiem Ċesari, u quddiem Ċesari tmur."

 

Pawlu quddiem Agrippa u Bereniċi

 

[Atti:25:13] Ftit jiem wara, is-sultan Agrippa u Bereniċi waslu Ċesarija biex jagħtu l-merħba lil Festu. [Atti:25:14] Billi damu hemm ħafna, Festu tkellem mas-sultan fuq il-każ ta' Pawlu u qallu: "Hawn raġel li Feliċ kien ħallieh il-ħabs. [Atti:25:15] Meta kont Ġerusalemm, il-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-Lhud ressquli xi akkużi kontra tiegħu u talbuni nikkundannah. [Atti:25:16] Jien weġibthom li r-Rumani m'humiex imdorrija jibagħtu għall-mewt bniedem akkużat b'xi ħtija, qabel ma jġibu lill-akkużat quddiem dawk li jkunu akkużawh biex ikun jista' jiddefendi ruħu mill-akkuża li tkun saritlu. [Atti:25:17] Mbagħad ġew hawn miegħi, u l-għada, bla telf ta' żmien, jien ħadt posti fit-tribunal u bgħatt inġib lil dan il-bniedem. [Atti:25:18] Dawk li akkużawh kienu hemm, iżda ma ġiebu ebda akkuża milli stennejthom iġibu kontra tiegħu. [Atti:25:19] Kellhom biss xi kwistjonijiet miegħu dwar ir-reliġjon tagħhom u dwar ċertu Ġesù, li hu mejjet, imma Pawlu jgħid li hu ħaj. [Atti:25:20] Billi ma stajtx insib tarf ta' din il-kwistjoni, staqsejtu jekk iridx imur Ġerusalemm u hemm isir ħaqq minnu fuq dan. [Atti:25:21] Imma Pawlu appella biex jibqa' miżmum sakemm il-kawża tiegħu jaqtagħha l-imperatur Awgustu. Jien għalhekk ordnajt li jinżamm sakemm inkun nista' nibagħtu għand Ċesari." [Atti:25:22] Agrippa qal lil Festu: "Irrid nisma' lil dan ir-raġel jien ukoll." "Għada tisimgħu," qallu Festu.

 

[Atti:25:23] L-għada Agrippa u Bereniċi ġew bis-solennità kollha; daħlu fis-sala ta' l-udjenza mat-tribuni u l-kbarat tal-belt; u Festu ordna li jġibu lil Pawlu. [Atti:25:24] Mbagħad Festu qal: "Sultan Agrippa u intom ilkoll li qegħdin hawn magħna, qegħdin taraw lil dan ir-raġel li fuqu l-kotra tal-Lhud, kemm f'Ġerusalemm u kemm hawn, ġiet għandi titlobni u tgħajjat li ma għandux jibqa' aktar ħaj. [Atti:25:25] Jiena rajt li ma għamel xejn biex jistħoqqlu  l-mewt; imma, billi hu stess appella għal quddiem l-imperatur Awgustu, qtajtha li nibagħtu għandu. [Atti:25:26] Ma għandi xejn ċert x'nikteb lil sidi l-imperatur fuqu, għalhekk ġibtu quddiemkom, u l-aktar quddiemek, sultan Agrippa, biex bl-istħarriġ li jsirlu nsib xi ħaġa x'nikteb. [Atti:25:27] Għax jidhirli li m'hijiex ħaġa flokha nibgħat priġunier bla ma ngħid x'hemm kontra tiegħu."

 

 

26. Id-difiża ta' Pawlu quddiem Agrippa

 

[Atti:26:1] Agrippa qal lil Pawlu: "Tista' titkellem u tiddefendi ruħek." Pawlu medd idu u beda jiddefendi l-kawża tiegħu: [Atti:26:2] "Nħossni hieni, sultan Agrippa, li llum se niddefendi ruħi quddiemek mill-akkużi kollha li l-Lhud qegħdin iġibu kontra tiegħi, [Atti:26:3] l-aktar għax int taf id-drawwiet u l-kwistjonijiet kollha tal-Lhud. Għalhekk nitolbok tismagħni bis-sabar. [Atti:26:4] X'kienet ħajti sa minn żgħożiti, kif għaddejtha sa mill-bidu fost il-poplu tiegħi f'Ġerusalemm, jafuh il-Lhud kollha. [Atti:26:5] Huma ilhom jafu ħafna, jekk iridu jixhdu, kif jien għext ta' Fariżew, skond is-setta l-aktar iebsa tar-reliġjon tagħna. [Atti:26:6] U issa wkoll jien qiegħed hawn biex isir ħaqq minni minħabba t-tama li għandi fil-wegħda li Alla għamel lil missirijietna, [Atti:26:7] u li t-tnax-il tribù tagħna qegħdin jistennewha sseħħ waqt li bla heda jagħtu qima lil Alla lejl u nhar. Hu fuq din it-tama, sultan, li l-Lhud qegħdin jakkużawni. [Atti:26:8] Għaliex ma għandux jitwemmen fostkom li Alla jqajjem il-mejtin?

 

[Atti:26:9] "Jien ukoll deherli li kelli nagħmel minn kollox kontra l-isem ta' Ġesù ta' Nazaret. [Atti:26:10] U hekk għamilt f'Ġerusalemm, u bis-setgħa li tawni l-qassisin il-kbar, jien tfajt fil-ħabs ħafna mill-qaddisin, u, meta kienu jaqtgħuhielhom għall-mewt, jien kont nagħti l-kunsens tiegħi. [Atti:26:11] Bosta drabi wkoll kont naħqarhom fis-sinagogi kollha u kont nagħmel minn kollox biex inġagħalhom jiċħdu t-twemmin tagħhom u b'saħna li ma bħalha kont nippersegwitahom sa fi bliet barranin.

 

Pawlu jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu

(Atti 9, 1-9; 6-16)

 

[Atti:26:12] "Hekk, bis-setgħa u l-permess tal-qassisin il-kbar, tlaqt lejn Damasku. [Atti:26:13] Jien u sejjer, f'nofsinhar, sultan, rajt dawl, aqwa mid-dija tax-xemx, ġej mis-sema u idda madwari u madwar dawk li kienu fit-triq miegħi. [Atti:26:14] Waqajna lkoll fl-art, u jien smajt leħen jgħidli bl-ilsien Lhudi, 'Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani? Iebsa għalik li teħodha kontra n-niggieża!' [Atti:26:15] Jien weġibt, 'Min int, Mulej?' U l-Mulej qalli, 'Jien Ġesù li int qiegħed tippersegwitah. [Atti:26:16] Imma qum u ieqaf fuq riġlejk. Għax jien għalhekk dhertlek, biex nagħmlek ministru u xhud tad-dehra li fiha rajtni u ta' dawk li fihom għad nidhirlek. [Atti:26:17] Neħilsek mill-poplu u mill-ġnus pagani li għandhom qiegħed nibagħtek, [Atti:26:18] biex tiftħilhom għajnejhom ħalli jerġgħu lura mid-dlam għad-dawl u mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla, u bil-fidi tagħhom fija jiksbu l-maħfra tad-dnubiet u jkollhom sehem ma' dawk li huma kkonsagrati lil Alla.'

 

 [Atti:26:19] "Għalhekk, sultan Agrippa, jien ma webbistx rasi għad-dehra tas-sema. [Atti:26:20] Imma kont inxandar, l-ewwel lil-Lhud ta' Damasku, mbagħad lil dawk ta' Ġerusalemm u ta' l-art kollha tal-Lhudija, u lill-pagani wkoll, li għandhom jindmu u jduru lejn Alla, billi jagħmlu opri xierqa ta' ndiema. [Atti:26:21] Minħabba f'hekk il-Lhud qabduni fit-Tempju u riedu joqtluni. [Atti:26:22] Bl-għajnuna li kelli mingħand Alla jien bqajt sa dan il-jum nixhed liż-żgħar u lill-kbar, u ma ngħidx ħaġa oħra ħlief dak li l-Profeti u Mosè qalu li kellu jsir, [Atti:26:23] jiġifieri, li l-Messija kellu jbati u jkun l-ewwel wieħed li jqum mill-imwiet, u jħabbar id-dawl kemm lill-poplu ta' Iżrael u kemm lill-pagani."

 

Pawlu jħajjar lil Agrippa biex jemmen

 

[Atti:26:24] Wara li Pawlu għamel din id-difiża tiegħu nnifsu, Festu għolla leħnu u qallu: "Int miġnun, Pawlu! L-għerf kbir tiegħek qiegħed iġennek!" [Atti:26:25] Pawlu wieġeb: "Eċċellenza, Festu, jien m'iniex miġnun, imma qiegħed ngħid is-sewwa u nitkellem bil-għaqal. [Atti:26:26] Is-sultan, li miegħu qiegħed nitkellem bil-libertà kollha, jaf sewwa dan kollu; għax għandi nifhem li xejn minn dan kollu ma hu moħbi għalih, ladarba dan ma sarx fil-moħbi. [Atti:26:27] Temmen int, sultan Agrippa, fil-Profeti? Jien naf li temmen." [Atti:26:28] Mbagħad Agrippa qal lil Pawlu: "Ftit jonqsok biex tipperswadini u tagħmilni nisrani!" [Atti:26:29] Pawlu wieġeb: "Nitlob 'l Alla li, bil-ftit jew bil-wisq, mhux inti biss, imma dawk kollha li llum qegħdin jisimgħuni jkunu bħali, barra mill-irbit ta' dawn il-ktajjen."

 

[Atti:26:30] Mbagħad is-sultan,  il-gvernatur, Bereniċi u dawk kollha li kienu bilqiegħda miegħu qamu. [Atti:26:31] Huma u sejrin, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: "Dan  ir-raġel ma għamel xejn li jistħoqqlu l-mewt jew il-ktajjen." [Atti:26:32] U Agrippa qal lil Festu: "Li ma appellax għal quddiem Ċesari lil dan ir-raġel kont tista' titilqu."

 

27. Il-vjaġġ ta' Pawlu għal Ruma

 

[Atti:27:1] Meta qatgħuha li kellna nitilqu għall-Italja, ħallew lil Pawlu u 'l xi ħabsin oħra f'idejn ċenturjun tar-riġment ta' l-imperatur, jismu Ġulju. [Atti:27:2] Tlajna fuq ġifen ta' Adramitti, li kien se jitlaq għall-inħawi ta' l-Asja, u qlajna 'l barra. Kellna magħna lil Aristarku minn Tessalonika tal-Maċedonja. [Atti:27:3] L-għada wasalna Sidon. Ġulju mexa tajjeb ma' Pawlu, u ħallieh imur għand ħbiebu biex jagħtuh li kellu bżonn. [Atti:27:4] Tlaqna minn hemm u mxejna għall-irdoss ta' Ċipru, għax l-irjieħ kienu kontrina. [Atti:27:5] Mbagħad qsamna l-baħar lejn in-naħa taċ-Ċiliċja u tal-Pamfilja u wasalna Mira f'Liċja. [Atti:27:6] Hemm  iċ-ċenturjun sab ġifen minn ta' Lixandra li kien sejjer l-Italja, u tellagħna fuqu. [Atti:27:7] Għal ħafna jiem imxejna bil-mod, u bit-tbatija wasalna biswit Knidu. Billi l-irjieħ ma ħallewniex nersqu 'l ġewwa, għaddejna għal l-irdoss ta' Kreta lejn in-naħa ta' Salmoni. [Atti:27:8] Wara li mxejna magħha bit-tbatija, wasalna f'post, msejjaħ il-Portijiet is-Sbieħ, li kien qrib il-belt ta' Lasaja.

 

[Atti:27:9] Kien għadda ħafna żmien u s-safar kien ġa sar perikoluż, għax Jum is-Sawm kien ġa għadda. Għalhekk Pawlu wissiehom [Atti:27:10] u qalilhom: "Ħbieb, qiegħed nara li s-safra se tkun ta' ħsara u telf kbir, mhux biss għat-tagħbija u l-ġifen, imma għal ħajjitna wkoll." [Atti:27:11] Imma ċ-ċenturjun aktar qagħad għal dak li qallu l-kaptan u sid il-ġifen milli għal dak li qal Pawlu. [Atti:27:12] Billi  l-port ma kienx tajjeb biex ngħaddu x-xitwa fih, il-biċċa l-kbira kienu tal-fehma li naqilgħu 'l barra minn hemm biex forsi nkunu nistgħu naslu Feniċi, port ta' Kreta, li jħares lejn il-lbiċ u l-majjistral, u ngħaddu  x-xitwa hemm.

 

It-tempesta fil-baħar

 

[Atti:27:13] U billi qamet żiffa min-naħa tan-nofsinhar, stħajjlu li kienu se jilħqu l-ħsieb tagħhom. Refgħu l-ankra u mxew max-xatt ta' Kreta. [Atti:27:14] Imma f'daqqa waħda qam riefnu qawwi, jgħidulu grigal, u beda jonfoħ min-naħa tal-gżira. [Atti:27:15] Il-ġifen inqabad u ma setax iżomm kontra r-riħ; u aħna ntlaqna għall-qawwa tar-riħ u ħallejnieh iġorrna. [Atti:27:16] B'ġirja waħda għaddejna taħt ir-riħ ta' daqsxejn ta' gżira jisimha Kawda. Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna, [Atti:27:17] u għalhekk tellgħuha mill-baħar. Mbagħad qabdu  l-armar u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi, niżżlu l-qlugħ għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti, u hekk ħallejna l-mewġ iġorrna miegħu. [Atti:27:18] L-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna, bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar, [Atti:27:19] u fit-tielet jum irmew it-tagħmir tal-ġifen b'idejhom stess. [Atti:27:20] Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb; it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.

 

[Atti:27:21] In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu; Pawlu waqaf f'nofshom u qalilhom: "Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf. [Atti:27:22] Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m'hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef. [Atti:27:23] Għax dal-lejl deherli anġlu ta' dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, [Atti:27:24] u qalli, 'Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.' [Atti:27:25] Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f'Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli. [Atti:27:26] Jinħtieġ iżda li naħbtu ma' gżira."

 

[Atti:27:27] Meta wasal l-erbatax-il lejl, konna ninsabu mitfugħin 'l hawn u 'l hemm fil-baħar ta' Adrija. Għall-ħabta ta' nofs il-lejl il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art. [Atti:27:28] Skandaljaw il-fond tal-baħar, u sabu għoxrin qama; mxejna ftit ieħor 'il quddiem, reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax. [Atti:27:29] Huma beżgħu li xi mkien konna se naħbtu ma' xi skoll, u għalhekk niżżlu erba' ankri  mill-poppa. Ix-xewqa tagħhom kienet li ma jdumx ma jisbaħ. [Atti:27:30] Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen, u niżżlu dgħajsa l-baħar bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa. [Atti:27:31] Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati: "Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw." [Atti:27:32] Mbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa u ħallewha tmur għal riħha.

 

[Atti:27:33] Meta sar il-ħin biex jisbaħ, Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd biex jitrejjqu b'xi ħaġa, u qalilhom: "Issa ġa ilkom erbatax-il ġurnata tistennew sajmin u ma dduqu xejn. [Atti:27:34] Għalhekk agħmlu l-qalb u trejjqu b'xi ħaġa ta' l-ikel; dan jiswielkom għal saħħitkom, għax ħadd minnkom m'hu se jitlef xagħra waħda minn rasu." [Atti:27:35] Kif qal dan, qabad il-ħobż, radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd, qasam u beda jiekol. [Atti:27:36] Mbagħad kulħadd għamel il-qalb, u ħadu xi ħaġa ta' l-ikel huma wkoll. [Atti:27:37] Konna b'kollox mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen. [Atti:27:38] Wara li xebgħu, bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu  l-qamħ il-baħar.

 

In-nawfraġju ta' Pawlu f'Malta

 

[Atti:27:39] Xħin imbagħad sebaħ, l-art ma għarfuhiex; lemħu biss bajja bi xtajta fiha, u qatgħuha li, jekk jistgħu, jitfgħu l-ġifen fuqha. [Atti:27:40] Rħew l-ankri u telquhom il-baħar, u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun. Mbagħad tellgħu l-qala' ż-żgħir ta' quddiem għar-riħ u rħewlha lejn ix-xtajta. [Atti:27:41] Iżda ħbatna ma' sikka bejn żewġ kurrenti, u l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha. Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post u ma tħarrkitx iżjed, imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla                                 tal-mewġ. [Atti:27:42] Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri, li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm; [Atti:27:43] iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva 'l Pawlu, ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ. Lil dawk li kienu jafu jgħumu ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar u jmorru                   l-art; [Atti:27:44] lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt, min fuq twavel u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen. U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.

 

28. Pawlu f'Malta

 

[Atti:28:1] Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. [Atti:28:2] In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. [Atti:28:3] Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma' id Pawlu. [Atti:28:4] In-nies  tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma' idu, bdew jgħidu wieħed lil ieħor: "Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!" [Atti:28:5] Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. [Atti:28:6] Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa' u jmut f'daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.

 

[Atti:28:7] F'dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. [Atti:28:8] Missier Publju inzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. [Atti:28:9] Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. [Atti:28:10] Wrewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.

 

Pawlu jasal Ruma

 

[Atti:28:11] Wara tliet xhur tlaqna fuq ġifen li kien għadda x-xitwa fil-gżira; kien ġifen ta' Lixandra, bix-xbieha tad-Dijoskuri  fil-pruwa. [Atti:28:12] Nżilna Sirakuża, fejn qgħadna tlitt ijiem. [Atti:28:13] Minn hemm għaddejna max-xatt ix-xatt u wasalna Reġġju. Il-jum ta' wara qam riħ min-nofsinhar, u l-għada wasalna Putijoli. [Atti:28:14] Hemm sibna xi aħwa, li stidnuna noqogħdu sebat ijiem magħhom. U hekk wasalna Ruma. [Atti:28:15] L-aħwa ta' din il-belt, li semgħu bina, ġew  sal-Forum ta' Appju u sat-Tliet Tvieren biex jilqgħuna. Malli rahom, Pawlu radd il-ħajr 'l Alla u qawwa qalbu.

 

[Atti:28:16] Meta dħalna Ruma, Pawlu tawh il-permess joqgħod għalih b'suldat għassa miegħu.

 

Pawlu jippriedka f'Ruma

 

[Atti:28:17] Tlitt ijiem wara, huwa laqqa' flimkien miegħu l-kapijiet tal-Lhud, u kif kienu miġbura miegħu qalilhom: "L-aħwa, għalkemm jien ma għamilt xejn kontra l-poplu jew kontra d-drawwiet ta' missirijietna, f'Ġerusalemm tawni priġunier f'idejn ir-Rumani. [Atti:28:18] Dawn stħarrġu l-każ tiegħi u riedu jitilquni, għax ma sabuli xejn li għalih kienet tistħoqqli l-mewt. [Atti:28:19] Imma billi l-Lhud żammew iebes jiena kelli nappella għal quddiem Ċesari, mhux għax kelli xi ngħid mal-poplu tiegħi. [Atti:28:20] Għalhekk tlabtkom tiġu biex narakom u nkellimkom; għax jien minħabba t-tama ta' Iżrael ninsab marbut b'din il-katina." [Atti:28:21] Huma weġbuh: "Aħna la ħadna ittri fuqek  mil-Lhudija, lanqas ma ġie ħadd mill-aħwa jgħarrafna jew jgħidilna xi ħaġa ħażina fuqek. [Atti:28:22] Imma rridu nisimgħu mingħandek kif taħsibha int; għax dwar din is-setta sirna nafu li kullimkien qegħdin jeħduha kontra tagħha."

 

[Atti:28:23] Ftiehmu miegħu fuq il-jum, u ġew għandu, fejn kien joqgħod, ħafna aktar milli kienu ġew id-darba ta' qabel. U minn filgħodu sa filgħaxija qagħad jagħtihom xhieda u jfissrilhom x'inhi s-Saltna ta' Alla, u għamel kemm felaħ biex jipperswadihom permezz tal-Liġi ta' Mosè u l-Profeti ħalli jemmnu f'Ġesù Kristu. [Atti:28:24] Xi wħud emmnu dak li qalilhom, oħrajn ma emmnux. [Atti:28:25] Billi ma qablux bejniethom, kulħadd telaq għal rasu. Pawlu kelma waħda qalilhom: "Sewwa qal l-Ispirtu s-Santu lil missirijietkom permezz ta' Isaija l-profeta, [Atti:28:26] meta qal,

 

     ’Mur għand dan il-poplu u għidilhom:

     Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,

     u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.

     [Atti:28:27] Għax il-qalb ta' dan l-poplu twebbset;

     kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom

     u għalqu għajnejhom,

     li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom

     u jisimgħu b’widnejhom

     u jifhmu b’moħħhom,

     u hekk ibiddlu ħajjithom

     u jien nfejjaqhom.

 

[Atti:28:28] Kunu afu, mela, li Alla bagħat din is-salvazzjoni tiegħu lill-pagani; u huma jisimgħu."

 

Sentejn f'Ruma

 

[Atti:28:30] Pawlu dam joqgħod hemm għal sentejn sħaħ fid-dar li kien kera; hemm kien jilqa' lil dawk kollha li kienu jiġu għandu, [Atti:28:31] ixandrilhom is-Saltna ta' Alla u jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu  bil-kuraġġ u bla tfixkil.