Indirizz mill-Eċċellenza Tiegħu
Mons. Pawl Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI
Fl-Okkażjoni
taż-Żjara Pastorali tiegħu
Il-GROTTA TA’ SAN PAWL, IR-RABAT – MALTA
17 ta’ April 2010.
 
Santità,

Wara li ntlaqajt uffiċjalment mill-Eċċellenza Tiegħu l- President tar-Repubblika ta’ Malta, f’isem il-poplu Malti, jien nagħtik merħba uffiċjalment f’isem id-djoċesi ta’ Malta u d-djoċesi ta’ Għawdex. Santità, hu unur kbir u esperjenza spiritwali unika li jkollna lilek fostna, il-fidili ta’ dawn iż-żewġ gżejjer. Fuq nota personali, flimkien mat-tfal li kantawlek quddiem il-Palazz Presidenzjali, nixtieq nawguralek fl-okkażjoni ta’ Għeluq Sninek.

Santità, issa qiegħed f’nofs il-merħla tiegħek u din il-merħla tagħtik merħba bħala r-ragħaj tagħha f’isem il-Mulej Ġesù Kristu.

Il-Grotta ta’ San Pawl tfakkarna fil-qagħda tal-Appostlu Pawlu fil-gżira tagħna u wkoll, skont it-tradizzjoni, fil-post fejn kien miżmum il-ħabs. Il-fidi tagħna ġiet mhux biss minn Pawlu nawfragu iżda wkoll minn Pawlu priġunier. Il-Predikazzjoni tal-Kelma waslitilna permezz ta’ San Pawl, imlibbes il-faqar, imma riflessa fil-qawwa spiritwali ġewwinija ta’ dak li ppridkaha. Dan hu wkoll parti mill-wirt tal-Fidi tagħna.

Il-fatt li l-Provvidenza Divina wasslet lil Pawlu biex jiġi fil-gżejjer tagħna jibqa’ għajn ta’ stagħġib għalina. Illum nirringrazzjaw lill-Provvidenza Divina u lill-Qdusija Tiegħek li għażilt li żżurna.

Aħna għadna nistagħġbu għaliex il-miraklu tal-lifgħa sar fl-ewwel stadju tal-qagħda ta’ Pawlu fil-gżira, bħala sinjal li hu kellu jakkumpanja dan il-miraklu bil-predikazzjoni tiegħu. Bl-istess mod, il-Qdusija Tiegħek tiġi għandna b’missjoni speċifika tixxiebah. Aħna dalwaqt sa nisimgħu l-ewwel messaġġ tiegħek ftit sigħat biss wara li llandjajt fuq Gżiritna. Santità, aħna qed nistennew il-kelma tiegħek biex twettaqna fil-fidi tagħna.

 
Elf disa’ mija u ħamsin sena ilu, il-Maltin kellhom bil-mod il-mod jiskopru minn kien San Pawl. Wara l-miraklu, “biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla” (Atti 28,6). Santità, fi qlubna aħna diġà nafu minn int. Int ir-Ragħaj Suprem tagħna li tirrappreżenta lill-Mulej Ġesù Kristu fostna.

Dak iż-żmien il-Maltin kellhom jiskopru bil-mod il-mod in-natura eżatta tal-fidi li Pawlu kien qed jippriedka. Huma tgħallmu dwar Sidna Ġesù Kristu u l-Evanġelju tiegħu. Santità, illum aħna lesti biex nirċievu l-Kelma mingħandek li diġà għanejt lill-Knisja bir-riflessjonijiet teoloġiċi tiegħek u issa, bħala Papa, bil-Maġisteru tiegħek.

Kif hemm miktub fl-Atti tal-Appostli, meta l-Maltin irċevew il-Kelma mingħand Pawlu, il-komunità li kienet pagana saret Komunità Nisranija mimlija fil-qawwa ta’ Pentekoste. Pawlu ħalla f’idejhom biex irawmu l-Kelma ħalli ż-żerriegħa ta’ din il-Kelma li hu żara’ f’dawn il-gżejjer tikber u tagħmel il-frott. Bis-smigħ tal-Kelma, kull wieħed min-nies tal-gżira li aċċetta l-Kelma sar jew saret iż-żerriegħa li kellha tinżara’ u tikber. Meta San Pawl ħalla l-gżira hu fada f’idejn il-Komunità Maltija t-tkabbir taż-żerriegħa li hu kien żara’. Dan hu dak li huma għamlu b’fedeltà. Din il-fedeltà, u dik ta’ ġenerazzjonijiet oħra ta’ Maltin li ġew wara, ippermettew li tkun trażmessa lilna mingħajr qtugħ ta’ xejn.

Tul is-snin, ħafna Maltin ħassew is-sejħa li jimitaw lil San Pawl anke fis-sejħa Missjunarja tiegħu. Illum, f’din il-ġrajja tassew partikolari, l-istedina speċjali tagħna kienet lil dawk ħutna, rġiel u nisa, li ħallew il-gżejjer tagħna biex ixerrdu l-Aħbar it-Tajba mal-ħames kontinenti kollha. Illum, ħafna mijiet ta’ isqfijiet, saċerdoti, membri ta’ Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u persuni lajċi, miżżewġin u singoli, minn dawn il-gżejjer huma preżenża ħajja tal-Universalità tal-Knisja f’dawn il-pajjiżi.

Santità, aħna qed nistennew b’ħerqa kbira l-messaġġ tiegħek, biex twettaqna fil-fidi tagħna u wkoll biex tiggwidana f’din il-missjoni ġdida li naqsmu l-fidi tagħna ma’ oħrajn li tbiegħdu mill-Knisja anke f’dawn il-Gżejjer.

+ Paul Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta