INWASSLU L-IMĦABBA LIL MIN IĦOSSU WAĦDU

L-IMĦABBA TA’ KRISTU TIRBAĦ FUQ IL-QAWWA TAS-SOLITUDNI LI TKISSER IR-RUĦ

Anna Marija Fenech

 

Xi ħadd qal li s-solitudni hija l-marda taż-żmien tallum. Qisu li d-dinja kollha tibqa’ għaddejja, u ħadd ma jagħti każ. Is-solitudni titlajja qrib is-sodda ta’ l-isptar, tgħix ma’ dik il-mara li r-raġel tagħha jagħti iktar ħin lix-xogħol milli jkun id-dar. Is-solitudni tolqot lil minhu ddivorzjat jew separat u lil dawk it-tfal li jibqgħu warajhom. Is-solitudni twarrab lil anzjan u tqarraq lil fqir. L-ibliet huma l-iktar postijiet fejn is-solitudni tirrennja.

 

David Jeremiah kiteb, “ X’inhi s-solitudni? Xi wħud jiddeskrivuha f’termini fisiċi. Hija meta wieħed iħoss vojt kbir fil-qieħ ta’ l-istonku b’tali mod li jġib in-nausea. Hija anzjetà li ma tidhirx imma li qegħda hemm. Bir kbir u iswed. Hija weġa’ qalila f’mumenti ta’ separazzjoni jew sogħba. Huwa perjodu twil ta’ stress li jħalli wieħed bla saħħa sakemm dan jibda’ jħossu bla kuraġġ u jaqta’ qalbu.”

 

Min isoffri minn din is-solitudni għandu bżonn lil xiħadd biex jgħinu, jinkuraġġih, jissaportjah u jgħinu jifhem li mhuwiex waħdu. Alla tana taħriġ speċjali. Mhux bil-fors għandna nkunu xi ‘counselors’ ittrennjati jew qassisin biex inkunu konsolaturi tajba. F’xi mument jew ieħor aħna msejħin biex inkunu konsolaturi.

 

 

Aħna nies dħulin?

Dawk li jħossuhom imweġġgħin, iħossuha faċli biex jersqu lejna u jkellmuna fuq il-problemi tagħhom, biex jibku fuq spallejna, biex jitolbuna għall-għajnuna? Jew ngħidulhom xi ċajta jew nikwottawlhom xi vers mill-Bibbja u nbiddlu s-suġġett?

 

Jekk il-bnedmin iħossuhom prottetti u jistgħu jaqsmu l-problemi magħna, allura aħna nies dħulin. Importanti li nżommu f’moħħna li l-kunfidenzjalità hija l-essenza ta’ min jiġi afdat.

 

Dejjem aħna disponibbli?

Filwaqt li kellha bżonn titkellem u min jikkonslaha, mara iddeskrivit is-sentimenti ta’ isolament li kienet qegħda tħoss: “Meta tlift lil żewġi, nies li kont ilni nafhom żmien għamluha ta’ bir-ruħhom li mhumiex jarawni waqt li kont nimxi fit-triq jew is-suq. Xi wħud, saħansittra, qassmu ukoll fuq in-naħa l-oħra tat-triq biex ma jiltaqawx miegħi. Ħassejtni lebbruża.”

 

Meta ma nkunux nafu x’se naqbdu ngħidu, aħna naħarbu għal tal-apposta minn dak li jkun. Imma din hija attitudni insensittiva lejn dak li hu mweġġgħa. Ejjew ma nibżgħux nersqu lejn minhu muġugħ. Jekk ma jridux jitkellmu, jgħidulek huma – iżda abbli mnejn huma jkunu jixtiequ min jismagħhom. Forsi huma jkunu qed iħossuhom bħas-salmista li għajjat, “Dur lejja u ħenn għalija, għax waħdi u msejken jien.” (Salm 25:16).

 

Mhux faċli li tkun dejjem disponibbli, għax jieħu l-ħin, imma meta bniedem ikun qiegħed isofri, li jgħodd għalih hu kemm hemm nies lesti li jkunu disponibbli u jagħtu każ.

 

Darba kien hemm persuna li kienet għadha kemm tilfet lil missierha, u ommha sfat inkapaċitata minħabba pupplesija, kienet fuq siġġu tar-roti u ma setgħetx titkellem tajjeb. Ħbieb u ġirien kienu jgħaddu biex jikkunslawha. Dawk li kien jirnexxilhom jikkunslawha l-iktar, ftit kienu jitkellmu. Darba minnhom għadda sa ħdejha grupp ta’ studenti minn kulleġġ fil-qrib. Inġabru madwarha, kien hemm minn poġġa fl-art, u kantaw innijiet. Daqshekk.

 

Philip Yancey jirrakkonta storja fuq Beethoven: “Minnħabba li kien trux, hu kien isib il-konversazzjoni diffiċli u umiljanti. Meta sar jaf bil-mewt ta’ iben il-ħabib tiegħu, Beethoven telaq jiġri lejn dar dan ir-raġel, mimli sogħba. Ma kellux kliem x’joffri biex isabbar lil ħabibu. Dak il-ħin ra pjanu fil-kamra. Għal nofs siegħa hu daq il-pjanu, b’tali mod li beda juri l-emozzjonijiet tiegħu kif hu biss setgħa jagħmel f’dak il-ħin. Meta spiċċa, hu telaq. Ħabibu wara irrimarka li ebda viżta ma kienet daqshekk speċjali u sabiħa daqs dik. Li tkun disponibbli mhux diskors, imma azzjoni.

 

 

Iżżidx l-uġieh

Xi kultant jiġri li nweġġgħu lil dak li jkun flok ngħinuh. Xi kultant nweġġgħu lil dak li jkun bla ħsieb jew mhux għal ta’ l-apposta, imma xi kultant nistgħu nagħmluha apposta wkoll. Xi kultant anki l-Knejjes madwar id-dinja jistgħu jweġġgħu lil dak li jkun muġugħ bl-akkużi tagħhom. Dan jiġri meta xi miżżewweġ jew miżżewġa iħossuhom li hu tort tagħhom għax iż-żwieġ tagħhom spiċċa. Jew xi ġenituri jiġu iġġudikati minnħabba żball ta’ l-ulied. Hemm ħafna u ħafna modi kif nistgħu nżidu mal-weġgħa ta’ dak li jkun. Il-kattiverja tnixxifna, il-ħniena tkabbarna.

 

Mod ieħor kif nistgħu nweġġgħu l-oħrajn hu bis-seksik. Anki waqt xi mumenti ta’ talb, fil-gruppi tat-talb stess, nistgħu nittrasmettu tip ta’ seksik fit-talbiet tagħna stess. Regola li għandna nżommu tajjeb f’moħħna u niftakruha hi: “Jalla dawk li huma assenti iħossuhom prottetti magħna.”

 

Nistgħu nweġġgħu wkoll bil-kritika li nagħmlu. Il-kritika tista’ taffettwa lil dak li jkun fil-futur, speċjalment lit-tfal. Dawn għandhom bżonn min jiggwidahom u min jikkoreġihom, iżda kritika kontinwa tista’ teqred l-entużjażmu tagħhom u x-xewqa tagħhom ta’ suċċess.

 

Il-Bibbja tgħallimna li għandna nagħtu kas iktar ix-xewqat u l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor minn dawk tagħna. Aħna għandna ninkoraġġixxu u nibnu il-fiduċja fl-għeżież tagħna, fi ħbiebna u f’dawk li naħdmu magħhom. Qaddej veru ta’ Alla huwa dak li jgħin lil ħaddieħor jirnexxi: “Għalhekk agħmlu l-ħila lil xulxin u ibnu wieħed lil ieħor, bħalma qegħdin tagħmlu” (1 Tessalonkin 5:11).

 

U meta aħna nippruvaw ngħinu lill-oħrajn, jiġina sens qawwi ta’ temperament li jgħina ma niġġudikkawx dak li mhux xieraq, nifhmu lil antikonformista, nittoleraw lil minhu inqas pjaċevoli, nirbħu fuq dak li jiġri għal għarrieda u dak li ma nkunux nifilħu għalih.

 

 

Erfgħu t-tgħabija ta’ xulxin

Meta s-Samaritan it-Tajjeb sab lil dak ir-raġel misruq u msawwat mħolli għal mewt, ma baqax sejjer għal għonq it-triq biex jirrapporta l-aċċident. Ma ħarabx mix-xena, lanqas ħallas lil ħaddieħor biex jgħin lil dak l-imsawwat. Is-Samaritan involva lilu nnifsu.

 

Hu dewwiegħ u hu tellgħu fuq il-ħmar tiegħu biex ikompli triqtu għal Ġeriko.

 

Dan ifisser li terfa’ t-tgħabija ta’ xi ħadd. Hija iktar faċli li tagħti il-flus għal karità jew għal xi ministeru u tħossok tajjeb. Mhux faċli li tipprovdi lilek innifsek u tgħix għal karità. Huwa iktar faċli tibgħat flus u oġġetti l-barra minn xtutek milli tagħmel borma ikel lil xi ġara li għandha bżonn.

 

 

Itlob għal minhu mweġġa’

Talba sempliċi, xi silta mill-Iskrittura li tħoss li għenitek, dawn jistgħu jkunu ta’ konfort kbir għal min hu mweġġa’. Il-Kelma ta’ Alla hija fejn aħna “naqilgħu ħniena u nsibu grazzja ta’ għajnuna f’waqtha” (Lhud 4:16).

 

Minnflok li jingħata xi parir personali, huwa iktar aħjar li kieku l-Insara jaqsmu l-wegħdiet li għamlilna Alla stess. Huwa ta’ komfort li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla f’mumenti ta’ stress. Fit-tieni ittra lil Korintin aħna naqraw, “[Alla] li jfarraġna f’kull niket tagħna, biex nistgħu aħna wkoll, bil-faraġ li għandna minn għand Alla, infarrġu l-oħrajn fin-niket. Għax bħalma joktru għalina t-tbatijiet ta’ Kristu, hekk joktor bi Kristu l-faraġ tagħna. Għax jekk aħna mnikktin, dan hu għall-faraġ u s-saħħa tagħkom; jekk nitfarrġu, dan hu għall-faraġ tagħkom, li jaħdem fikom biex tifilħu għall-istess tbatijiet li aħna wkoll inbatu.” (2 Korintin 1:4-6). Dan il-passaġġ ma jgħidilniex biss li aħna ikkonfortati fit-tbatijiet tagħna, iżda li dawn it-tbatijiet jippreparawna biex nikkunslaw lill-oħrajn. Jien nikkonsla meta naqra dan il-kliem tal-Appostlu Pawlu, bħal ma żgur jikkonsla ħaddieħor.

 

 

Ibni fiduċja billi tisma’

Persuna ma għandiex bżonn tisma’ li “Alla jħobbok ħafna biex qiegħed jgħaddik minn din it-tbatija kollha.” Persuna għandha bżonn tieħu l-ħin tagħha biex tirrejalizza x’inhu dak li qed jiġrilha, biex tassessja il-ħsara fisika u emozzjonali li qed tgħaddi minnha.

 

Għandna bżonn li ħaddieħor jibni fiduċja fina billi nkunu nafu nisimgħu, u nagħtu kas b’mod tanġibbli. Forsi ħabibek jew ħabibtek ma tafx lil Alla, u int issibha bi tqila biex iġġib is-suġġett ta’ Alla bħala l-uniku li jikkonsla b’mod perfett. Meta ma tistax issib eżempji f’ħajtek li jirrelataw ma’ dak li qiegħed isofri, l-iktar eżempju tajjeb hu Ġesù. Hu esperjenza nies li ttradewh. Hu jaf xi tfisser tbatija. Spjegalu kif hu wkoll jista’ jkollu jew jibni relazzjoni miegħu. Itlob biex ikollok kliem xierqa, itlob biex tkun tista’ tikkonsla dejjem aħjar.

 

 

Liema huma l-aħjar konsolaturi

Dawk li soffrew l-aktar huma dawk l-aħjar konsolaturi. Naf saċerdoti li minnħabba li għaddew huma stess mit-tbatija tgħanew fil-ministeru tagħhom u issa qed jgħinu lil min hu batut. Minħabba t-tbatija huma tgħallmu jirbħu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum.

 

Min ikun għadda mill-istess tbatija jkun jista’ jamministra aħjar u jgħin iktar. Imma tgħidx, “Naf x’qed tħoss”. Għax ma tafx. Ħadd ma jkun jaf eżatt x’qiegħed iħoss il-muġugħ. Aħjar tgħid, “Ma nafx kif qiegħed tħossok, iżda jien ġejt ikkunslata b’dan il-mod.” Is-sofferenzi tagħna jistgħu jkunu tqal li ma nifilħuhomx, iżda jgħallmuna u jippreparawna biex inkunu nistgħu ngħinu lil ħaddieħor.

L-Ispirtu ta’ Alla biss jista’ jfejjaq qalb muġugħa, iżda aħna nistgħu nagħmlu parti mill-proċess ta’ fejqan. L-uniku ħaġa hu li nkunu disponibbli.

 

L-attitudni lejn it-tbatija għandha tkun li minnha nitgħallmu kull ma hu possibbli biex insiru konsolaturi tajba: “Għax billi bata u ġarrab, jista’ jgħin lil dawk li huma mġarrba.” (Lhud 2:18)

 

Aħna mdawwrin b’nies mġarrba. Aħna bnedmin dħulin u disponibbli, anki meta nkunu mġarrbin aħna wkoll? Alla ma jikkunslaniex biex nħossuna komdi, iżda biex inkunu konsolaturi tajba.

 

 

Miktuba minn Billy Graham u maqluba għal Malti minn Anna Maria Fenech