ISSA LI ĠEJ IS-SAJF.....

SAQQU U KABBRU L-FIDI TAGĦKOM BĦALA FAMILJA

 

Anna Marija Fenech

 

 

Il-Fidi hija parti integrali f’ħajjitna; hija mgħaġuna f’kull ħaġa li nagħmlu. Is-Sajf huwa żmien tajjeb ħafna biex nerġgħu niffokaw mal-familja tagħna fuq il-fidi f’ħajjitna, fuq il-ħbiberija fil-familja tagħna u kif nistgħu nieħdu pjaċir flimkien.

 

Għamlu l-Quddiesa priorità

Huwa mportanti li nirreżistu t-tentazzjoni li naqbżu l-quddiesa għax is-Sajf jew għax inkunu vaganza x’imkien. L-ewwel u qabel kollox nieħdu ħsieb li nieħdu l-familja kollha l-knisja u nattendu flimkien il-quddiesa, mbagħad ħalli mmorru x’imkien ta’ divertiment wara. Iċċekkja li tara fejn isir quddies li jattratta lil kulħadd fil-familja tiegħek. F’dawn iż-żminijiet jista’ jkollok iktar ċans li teħodohom x’imkien ieħor fi knisja oħra bil-karozza. Aħna nemmnu bil-qawwa kollha fil-preżenza ta’ Kristu f’nofsna fil-quddiesa fl-Ewkaristija u fl-għaqda tal-miġemgħa preżenti.

 

Tkellmu fuq Alla

F’mumenti ta’ rikrejazzjoni, filwaqt li nkunu kollha flimkien hemm ċans kbir li tinfetaħ xi diskussjoni fuq il-ħajja tagħna nisranija. Għati ċans lil kulħadd jgħid tiegħu u wara għatu l-idejat u aqsmu l-ħsibijiet tagħkom ma’ wliedkom. Ikun tajjeb li tkunu ppreparati fuq x’hiex ikunu għaddejjin uliedkom. M’hemmx isbaħ li wieħed jaqsam lil Alla u l-imħabba tiegħu mal-familja tiegħu stess. Alla jrid iżomm relazzjoni tajba u b’saħħitha magħna.

 

Meta tkunu vaganza

Żuru xi post qaddis. Meta tkunu vaganza mhux divertiment biss jgħodd, iżda ma’ dak żid xi post qaddis jew xi knisja fejn fiha tħossukom miġburin. Hemmhekk il-menti jistrieħu, għatu ċans biex titpaxxew bil-kwiet u s-serenità li Alla biss jaf jagħti. Għatu ċans lil Alla jħobbkom fis-skiet u fil-ħemda.

 

Għamlu xi ħaġa tajba għal ħolqien

Ippjanaw jew oħolqu xi proġett għal familja kollha fejn wieħed jista’ juri aktar apprezzament lejn il-ħolqien ta’ Alla. Eżempju: nieħdu ħsieb xi ġnien ta’ xi ġara anzjana, jew xi ġnien ieħor, nnaddfu xi bajja ma’ xi grupp tal-parroċċa, nieħdu dawra xi kelb minn xi santwarji li hawn fil-gżira tagħna. Flok il-karozza nużaw ir-roti (jekk għandna u nafu nsuquhom) biex immorru x’imkien. Nimxu u nirringrazzjaw lil Alla tas-sbuħija fil-kampanja. Nirrispettaw il-baħar u l-kreaturi ta’ ġo fih u ma narmux flixken jew oġġetti oħra fih. Il-ħolqien huwa rigal ta’ Alla, tagħulna biex nieħdu ħsiebu.

 

Sibu xi ktieb tajjeb jew xi qari spiritwali

Inġabru flimkien u f’xi ħin tal-ġurnata aqraw xi silta mill-Iskrittura. Anki xi ktieb jew bijografija ta’ xi nies qaddisa tkun interessanti li taqrawha ftit ftit mal-familja tagħkom. Jekk għandkom xi tfal li diġà jafu jaqraw, ikun tajjeb li teħduha darba kull wieħed, min imissu, kuljum. Dawn żgur jieħdu pjaċir jieħdu sehem fil-qari. Min għandu tfal iżgħar ikun tajjeb li jagħżel kotba iktar ħfief, jew jiġborhom u jgħidilhom storja jew mill-Evanġelju jew minn xi ħajja qaddisa ta’ tfal daqshom jew ftit ikbar minnhom. Biex tħobb lil Alla aħjar, trid tkun taf fuqu.

 

Għamlu xi ħaġa għal ħaddieħor

Għinnu lit-tfal jifhmu kemm hi importanti l-azzjoni fil-fidi. Din nistgħu nagħmluha b’ħafna modi bħal pereżempju nieħdu ħsieb ta’ xiħadd waħdu; nagħqdu xi anzjana li ma toħroġx mid-dar; inżuru lil xi morda tal-viċin; ngħinu f’xi attività tal-parroċċa. Aħna nemmnu u nirrispettaw id-dinjità ta’ kull bniedem.

 

Issimplifikaw ħajjitkom

Matul is-sena ħajjitna tkun tant ‘hectic’, bejn bix-xogħol u bejn bl-iskola u l-istudji li ġġib magħha. Ifqu ftit u tgħallmu kif tisimplifikaw ħajjitkom u mhux tikkumplikawha iktar fiż-żminijiet tas-Sajf. Tgħallmu strieħu u għallmu lit-tfal jistrieħu. Barra minnhekk duru dawra mad-dar u fil-gwardarobba tagħkom u iġbru dak li kkumulajtu matul is-sena u li tindunaw li tistgħu toqgħodu mingħajru u tuh lil karità. Is-sempliċità fid-dar u fil-gwardarobba m’hemmx isbaħ minnha! Kemmhu sabiħ li naqsmu ħwejjiġna ma’ ħaddieħor fil-bżonn!

 

J’Alla jkollna Sajf ħieni u mimli ferħ fil-Mulej.