XI JFISSER TKUN QADDIS?

Anna Marija Fenech

 

 Jekk inti kbirt bħala kattoliku, probabilment tiftakar li meta kont żgħir kienu jgħidulek “Kun bravu ħa ssir qaddis bħal qaddisin”. Meta wieħed jisma’ hekk faċli jaħsibha darba darbtejn biex jaqta’ qalbu għax għalkemm ma jkunx xi bniedem ħażin xorta jaħseb li hu qatt ma jista’ jasal s’hemm. Iżda aħna u naqraw l-Iskrittura, l-iktar l-Evanġelji, dawn juruna kif aħna nistgħu nkunu qaddisin. Fil-fatt jiftħulna bieb ieħor u juruna xi jfisser li tkun qaddis.

Il-qaddisin m’għamlu xejn ħlief li aċċettaw il-missjoni li tahom Kristu, dik li jgħinu fil-bini tas-Saltna ta’ Alla. San Pawl jgħidilna li l-qaddisin huma dawk li jieħdu ħsieb id-dar u l-familja tagħhom tajjeb u kif jixraq; dawk li jagħtu każ tat-tfal tagħhom u jkabbruhom b’valuri tajba għal ħajjithom (ara Kap 3mill-Ewwel Ittra lil Timotju). Il-bnedmin qaddisa jitkellmu ma’ Alla permezz tat-talb, iżda mhux bil-fors imorru xi rtir jew jifqu jitolbu biss u ma jagħmlu xejn aktar. Il-motto Benedittin ora et labora iġifieri ‘itlob u aħdem’ huwa gwida tajba għal kull min jixtieq jgħix ħajja qaddisa. Magħha żiedu doża tajba ta’ “fittex lil Alla f’kollox”.