Fuq tal-linja

Anna Marija Fenech

 

Sa fl-aħħar ħriġt mil-bieb u sibt ruħi barra, nimxi kważi niġri biex ma mmurx nitlef tal-linja għax inkella għandi għoxrin minuta oħra nistenna fuq l-istage. Inħares lejn is-sema, anqas sħaba waħda, grazzi Mulej, donna tidher li mhiex se tgħamel xita. Mhux għax m’għandniex bżonnha imma għax qabel ma ħrixt għax-xogħol dawwart load ħwejjeġ u diġà inxarthom biex la niġi lura mix-xogħol naqlagħhom.

 

Waqt li miexja għall-istage nirrifletti fuqek Mulej u nfaħħrek ta’ l-arja pura ta’ filgħodu kmieni li mal-ħin tintilef xi ftit bl-arja imniġġsa li jħallu warajhom mijiet ta’ karozzi. Nirringrazzjak tas-saħħa li diġà tajtni, li qomt filgħodu b’saħħti flimkien ma’ żewġi u ż-żewġ uliedi, li kilna biċċa ħobż flimkien u xrobna bela tè. Li ilħaqt ippreparajt kollox u ħallejt id-dar nadifa u trankwilla. Fit-triq niltaqa’ ma’ tfal u adoloxxenti jistennew il-van ta’ l-iskola, jidħqu u jiċċaċraw, kemm hi sabiħa l-innoċenza Mulej, u nitolbok żomm idejk fuqhom u għinhom fl-istudji tagħhom. Jgħaddi tal-ħaxix bil-van mimli sa ruħ ommu bil-frott u ħaxix ifuħ, frisk, u jsellimli, grazzi Mulej ta’ Salvu dejjem bir-radju tiegħu mixgħul fuq Radju Marija.

 

Niltaqa’ ma’ xi wħud mil-ġirien jgħaġġlu biex jixtru l-ħobż frisk biex jippreparawh għal uliedhom għall-iskola. Insellmu ħafif ħafif lil xulxin, nixtiequ kieku nieqfu ngħidu kelma imma l-ħin ma jippermettix. Grazzi Mulej tal-ġirien.

 

Nasal fuq l-istage u nsellem lil dik il-mara li issa drajt niltaqa’ magħha għal tal-linja, gustusa għadha żgħira, naħseb miżżewwġa friska, ġieli nitkellmu fuq il-ħwejjeġ li ħallejna warajna iperpru mar-riħ u ġieli nitkellmu fuq xogħolna. Ħu ħsieb iż-żwieġ tagħha u żejnu bil-barka tiegħek bħal ma żejjint lil tiegħi.

 

Tasal tal-linja u s-sewwieq jaqtalna l-biljett, mhux dejjem l-istess wieħed, Mulej żomm idejk fuq is-sewwieqa kollha, filgħodu jkun hawn ħafna traffiku fit-toroq xi kultant qishom sejrin għal gwerra min jeħel minnhawn u min jgħafas minnhemm u ġieli tieħu għoxrin minuta biex toħroġ mir-raħal, imsomma jrid ikollok paċenzja kbira biex issuq tal-linja. Agħti paċenzja u kalma lis-sewwieqa kollha. Raddejt is-salib u miegħi raddewh l-oħrajn li telgħu.

 

Kemm tisma’ stejjer fuq tal-linja! Min sejjer lejn l-isptar u qed jistenna xi riżultat importanti; min ħareġ biex ma jibqax waħdu d-dar u forsi jiltaqa’ ma xi ħadd li jafu l-Belt u jmorru jieħdu kafè; min iċempillu l-mobajl u jinduna li bintu miżżewwġa ma raqditx d-dar ma’ żewġa u jibda jarma jċempel l’hemm u l’hawn biex jipprova jara x’inqala; min jidħaq, min kważi jibki; min jitkellem fuq ix-xogħol jew min sejjer ifittex ix-xogħol; żgħażagħ donnhom nofshom reqdin għax sintendi raqdu tard lejliet, bil-headphones f’widnejhom jisimgħu il-mużika. Min jibda’ minn sbieħ’Alla jisgarra u anki sfortunatament jidgħi ma kull sentenza li toħroġ minn fommu. U nirrifletti u nitlob, ħudna kollha f’idejk Mulej, il-ġurnata għadha tibda u ma nafux kif se tispiċċa. Jista’ xi ħadd minna ma jerġax lura d-dar u jara lil wiċċek Mulej, jista’ xi ħadd iweġġa u jispiċċa malajr l-isptar, jalla ma jinqala xejn minn dan u kulħadd jerġa’ jmur f’daru mal-familja tiegħu.

 

Wasalt qrib l-uffiċċju, ċempilt il-qanpiena, u rringrazzjajt lis-sewwieq li wiċċu xegħel mar-ringrazzjament tiegħi,u nżilt minn fuq tal-linja. Għinna Mulej nifhmu kemm għandna napprezzaw lil xulxin u lil kulħadd, u fuq kollox grazzi Mulej ta’ dak kollu li se jiġri matul din il-ġurnata.