Gost mimli bil-Fidi

Anna Marija Fenech

 

Waħda mill-iktar ħwejjeġ sbieħ li tgħamilna kattoliċi hija t-tradizzjoni rikka li għandna fil-fidi tagħna. Għandna ġranet ta’ festa u ġranet ta’ sawm. Għandna stejjer, innijiet, qaddisin u statwi. Għandna l-quddiesa, ħafna talb varjat u devozzjonijiet. Nemmnu fil-ħajja, fil-ġustizzja soċjali, fil-paċi u fl-imħabba speċjalment dik għal minhu bagħtut.

 

Il-ġenituri għandhom ikunu responsabbli li jgħaddu dan kollu lil uliedhom. Veru li xi kultant bil-ġenn tal-ħajja forsi inġibu l-iskuża li m’hemmx ħin jew dawn l-affarijiet inħalluhom għall-aħħar. Jista’ jagħti l-każ li xi ħadd minnha jgħid li uliedna dan jiħduh mil-postijiet tal-katekeżi jew tal-iskola fejn imorru u nserħu rasna b’hekk. Iżda fil-fond ta’ qalbna kulħadd jaf li l-ewwel tgħalim tal-Knisja t-tfal jieħduh mil-familja u minn dak li jiġri d-dar. Dan żgur jibqa’ fil-moħħ tat-tfal għal għomorhom kollu. Kemmhu sabiħ mela jekk dan isir b’ċertu gost u ferħ għal familja kollha!

 

Kif tista’ tgħin lill-uliedek jiċċelebraw il-fidi fid-dar? Hawnhekk se nagħtikom ħames idejat veru sempliċi:

 

1.       Ilagħbu tal-Milied: Ixtru set tal-Milied li ma jinkisirx u ħallu lill-uliedkom iż-żgħar jilgħabu bih is-sena kollha. B’dan il-mod huma jsiru jafu l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin bl-amment u kull darba tistgħu tiskopru xi tgħalima ġdida dwar din il-ġrajja.

2.       Agħmlu kuruni tar-rużarju: Dawn tistgħu issibu minnhom f’xi ħwienet tal- ‘crafts’. Sibuhom b’żibeġ ikkuluriti u li jkunu faċli li jsiru mit-tfal bl-għajnuna tagħkom. Kellmuhom fuq ir-rużarju u ħajjruhom iqassmu dawn il-kuruni lill-ħbiebhom u lil tal-familja. Jekk ma ssibux fil-ħwienet tistgħu iġġibuhom anki minn fuq l-internet. Filgħaxija meta kulħadd ikun miġbur, oħorġu l-kuruni li għamiltu u għidu r-Rużarju flimkien.

3.        Irreċtaw partijiet mill-Bibbja: Agħżlu xi parti mill-Bibbja favorita ta’ wliedkom u ħallu lilhom jirreċtawha. Mit-Testment il-Qadim hemm Noé u l-għarqa, u mit-Testment il-Ġdid hemm il-ġrajja tal-Milied, jew xi miraklu eċċ. Stiednu lil tal-familja jew xi ħbieb għar-reċta. Din żgur tibqa’ f’moħħ uliedkom.

4.       Agħmlu artal żgħir: Issibu ħafna oġġetti relatati mal-quddiesa li bihom tistgħu toħolqu rokna fejn it-tfal subien u bniet jistgħu jirreċtaw il-quddiesa, din tgħinkom biex titgħallmu iż-żminijiet jew l-istaġuni liturġiċi tal-Knisja, fejn intom flimkien mat-tfal tlibbsu l-artal skond iż-żmien liturġiku, eżempju fir-Randan il-vjola eċċ.

5.       Oħolqu kaxxa għall-bżonnijiet: Sibu kaxxa u żejnuha flimkien mat-tfal fejn fiha huma jkunu jistgħu jitfgħu xi oġġetti, ilbies jew flus bl-intenzjoni li dawn jagħtuhom lil minhu fil-bżonn. Dan jgħinhom japprezzaw dak li għandhom u fl-istess ħin jitgħallmu jkunu ġenerużi u lesti jifhmu li dak li għandhom jkun tajjeb li jinqasam ma’ ħaddieħor.