IL-FERĦ FIL-ĠIMGĦA TAL-GĦID

Anna Maria Fenech

 

Koppja li kienet ħierġa mil-knisja wara l-quddiesa, ħadet b’idejn is-saċerdot u r-raġel qallu, “Imsomma Reverendu, dejjem l-istess! Kull darba li niġi hawn, ħlief fuq il-Qawmien ma tippriedkax.”

 

Nistgħu nitbissmu minn taħt għal dan il-kliem, iżda xi kultant dawk li bħalna nattendu il-knisja ta’ spiss u mhux fl-Għid biss nistgħu nħossu l-istess. Nixtiequ kieku li jkollna attitudni iktar devota. Minnflok nistgħu naqgħu fit-tendenza li ngħidu, “U iva, Ġesù miet fuq is-salib u qam minn l-imwiet. Dan ilni nafu.”

 

Hija tentazzjoni kbira li dan l-avveniment fantastiku li qatt ġara fl-istorja tal-umanità jaqa’ rutina.

 

Kull sena, ninduna li għandi bżonn nisslowja u nirrifletti fuq dawn l-avvenimenti tal-Għid biex inkun nistgħa nassorbi is-sbuħija tagħhom. Xi kultant meta nimxi ġurnata wara ġurnata tal-Ġimgħa Mqaddsa u nieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħha, titqanqal qalbi x’ħin niftakar x’għamel u x’ġarrab Kristu għalija.

 

Il-Ġimgħa Mqaddsa tibda b’Ħadd il-Palm, fejn aħna niċċelebraw id-daħla ta’ Kristu f’Ġerusalemm bħala rebbieħ. Dawk kollha li kienu ma’ Kristu dak inhar, l-appostli, id-dixxipli, ħbiebu u s-segwaċi tiegħu kienu kollha fis-seba’ sema. Is-Slaten kienu jirkbu iż-żwiemel fil-battalja iżda kienu jirkbu l-ħmir fi żminijiet tal-paċi. Il-mod kif il-folla irrispondiet u laqgħet id-daħla ta’ Ġesù dak inhar, kien jixbaħ ħafna għal dik id-daħla ta’ xi renjant. Mhux ta’ b’xejn li l-Fariżej tnervżu u riedu lil Ġesù jsikket lid-dixxipli. U mhux ta’ b’xejn li Ġesù qal li jekk jieqfu huma “jgħajjat il-ġebel”.

 

B’din id-daħla trijonfali Ġesù kellu ċ-ċans jħabbar u juri lilu nnifsu bħala sultan. Huwa aċċetta bil-ferħ dan it-tifħir, għax kien jaf li hekk jixraqlu, iżda wkoll għax kien jaf x’kien ġej għalih ftit tal-ġranet wara. Din il-ġurnata tgħallimna li l-follol m’humiex ta’ min jorbot fuqhom u dawk li huma dixxipli ta’ veru biss ikomplu jimxu wara Kristu sas-salib.

 

Fl-Għid tal-Lhud Ġesù ċċelebra dik li nsejħulha l-Aħħar Ikla. Kienet l-aħħar ikla ta’ Ġesù qabel mewtu fuq is-salib. F’din it-turija inkredibbli kollha mħabba, Ġesù niżel għarkupptejh jaħsel saqajn ħbiebu, biex itihom eżempju u jurihom dak li ried u stenna minnhom li jgħamlu ma’ ħaddieħor. Meta wieħed joqgħod jaħseb ftit x’kien ġej fuq Ġesù ftit wara, dawk is-sofferenzi kollha, wieħed jibqa’ mistgħaġeb bl-imġieba tiegħu lejn l-appostli. Qisu bħal xtaq jikkunslahom u jfissidhom, minnflok li talab li jiġi kkunslat u mfissed Hu. Wara kollox Hu ħasel saqajn dak li kellu jittradih! Mhux tal-għaġeb dan!

 

Wara l-ħasil tar-riġlejn, Ġesù waqqaf it-Tqarrbin, fejn Hu qalilhom li l-ħobż sar ġismu biex jingħata għalihom u fejn talabhom biex jibqgħu jiftakru f’dak il-mument li huma kieluh. Wara ħa l-kalċi, u ddikkjara li dan kien il-patt ta’ demmu mxerred għalihom. Hu talabhom jagħmlu dan b’tifkira tiegħu.

 

F’dak il-lejl Ġesù ġie arrestat u wara ġie mogħti il-mewt fuq is-salib. Martin Luther King jgħid li aħna lkoll niġru bl-imsiemer li taqbu lil Kristu fil-bwit tagħna. Mel Gibson jgħid li waqt li dderiġa l-film The Passion of Christ, irrejalizza u ħass li  idejh stess kienu qed isammru lil Ġesù mas-salib.

 

Sakemm ma nħossux t-tort tagħna fil-mewt ta’ Ġesù, aħna ma nistgħux nifhmu l-kruha tad-dnub u allura lanqas nifhmu l-ħniena kbira u l-maħfra ta’ Kristu. Aħna ħaqqna niġu kkastigati għad-dnubiet tagħna, iżda  Kristu ma riedx hekk. Hu kien lest li joffri lilu nnifsu biex jieħu l-kastig Hu minnflokkna. X’imħabba kbira hi din!

 

Dan huwa l-istess persuna li l-appostlu Pawlu jgħid f’Filippin 2:9 li jġiegħel li kull irkoppa tmil kemm fis-sema u kemm fl-art u kemm taħt l-art. Dak li suppost kellu jiġi adurat bħala s-Sultan minnflok ġie maqtul bl-iktar mewta umiljanti u ta’ mistħija.

 

Fortunatament għalina, l-istorja ma tieqafx hawn. Aħna għandna privileġġ kbir naqraw fuq il-qawma tiegħu mill-imwiet. Pawlu jgħidilna li mingħajr il-qawmien ta’ Kristu il-fidi tagħna hi fiergħa.

 

Din hi l-aqwa aħbar li qatt setgħet tingħata. Il-mewt ħarġet telliefa u r-rebħa tal-qawmien belgħatha. Missna noħorġu bil-baned, niżfnu fit-toroq u ngħajtu bil-ferħ minn fuq il-bjut! Din hi l-aħbar it-Tajba! Qegħdha tinżel biżżejjed ġo fina din ir-realtà?