META MA TĦOSSOKX KOMDU

Anna Marija Fenech

 

X’lest li tagħmel biex issalva ruħ mitlufa?

Nixtieq inkun naf għalfejn Alla jagħżel li juża l-bnedmin biex jilħqu bnedmin oħra? Kieku kont Alla, ma nagħżilx bnedmin. Kieku nagħmel dan ix-xogħol jien stess.

 

Kieku kont Alla, kont nitfaċċa minn qalb is-smewwiet, nuri wiċċi u ngħid “ ‘Hello’, umanità, jiena Alla. Emmnu fija issa, jew noqtolkom.” Minalla li m’iniex Alla! Inkella, kieku kont Alla, almenu kont inqajjem armata ta’ anġli b’saħħithom u jippriedkaw il-Vanġelu huma. Ma kienetx tkun aktar f’waqqitha? Kieku ma kontx nagħżel bnedmin; dawn m’humiex perfetti. Jagħmlu l-iżbalji. Ma jinqalgħux. M’humiex konsistenti. Xi kultant jikkontradixxu lilhom nfushom għax dak li jippriedkaw jew jgħidu ma jagħmluhx u ma jgħixuhx.

 

Iżda Alla, fl-għerf kbir tiegħu, għażel il-bnedmin biex jilħqu bnedmin oħra. Ġesù stess tana l-ordni. Hu qal, “Morru mela għallmu l-ġnus kollha u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu; u għallmuhom iħarsu kull ma ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom sa l-aħħar tad-dinja.” (Mattew 28:19-20). Din mhiex dritt ta’ għażla. Din hija l-Ikbar Kummissjoni, mhux l-ikbar suġġeriment.

 

Biex inkunu effettivi fil-qsim tal-fidi tagħna, irid ikollna impenn għal dawk li jew ma jafux lil Alla jew nkella huma 'l bogħod minnu. Ġesù uriena li rridu noħorġu barra miż-żona komda tagħna. Għandna nilħqu lil kull tip ta’ nies. Hu mar qrib il-mara Samaritana. Dak iż-żmien mhux talli rabbi ma kienx ikellem mara, iżda Lhudi qatt ma kien jasal ikellem Samaritan. Biex tgħaxxaqha din il-mara kienet imħarbta u din il-ħaġa ma tantx kienet tgħinha.

 

Iżda Ġesù waqaf ikellem lil din il-mara Samaritana mħarbta. Fetaħ konverżazzjoni magħha, laħaqha u laqagħha b’imħabba kbira. Hu kien qed jurina li aħna għandna mmorru għand kulħadd, huma min huma, huma kif huma, ta’ kull razza, ta’ kull tip, għonja jew fqar. Dawk il-messaġġi kollha ta’ l-Evanġelju u kull studju li qatt għamiltu ma jiswew xejn jekk intom tkunu neqsin mill-iktar rekwiżit sempliċi li jeżisti: l-impenn. Tgħati każ veru ta’ dawn il-bnedmin mitlufa? Irridu nagħtu każ u nilħqu lil dawn il-bnedmin anki jekk ifisser li għandna nbatu ħafna, anki b’mod estrem.

 

Darba qrajt storja ta’ grupp ta’ nies amerikani li marru jagħmlu tip ta’ kruċjata fil-Ħawai. Missier u ibnu żgħir kienu qed iqassmu xi ‘flyers’ f’ ‘Waikiki Beach’ għal avveniment ta’ filgħaxija. It-tifel iż-żgħir xtaq jgħati ‘flyer’ lil wieħed ‘biker’ li kien mimli muskoli u tpinġija. Missieru ħares lejn dan ir-raġel u qal lil ibnu li ma tantx kienet idea tajba. Iżda it-tifel baqa’ jsostni tant li resaq waħdu quddiem dan ir-raġel u tah il-‘flyer’. Ir-raġel ħa l-‘flyer’ minn id it-tifel, għaffiġha b’idejh u waddabha fl-art. Dak inhar fil-għaxija dak ir-raġel kien l-ewwel wieħed li wasal għall-avveniment qabel kulħadd. Xorta attenda!

 

Dejjem hemm xi ħadd li nafu, u li għandu bżonn lil Kristu. Jista’ jkun xi ġar li ma tantx għandna grazzja miegħu. Jistgħu jkunu ommok jew missierek. Jista’ jkun xi ħadd li qatt ma tista’ timmaġinah Nisrani. Forsi bniedem iebes, jew li jeħodha kontra Alla. Forsi xi bniedem li diġà qtajt qalbek minnu u qtajtu mil-lista tiegħek.

 

Erġa’ ieqaf u aħseb ftit! Ftakar, ħadd m’huwa mitluf għal Alla. Dik il-persuna tista’ tasal għand Kristu. Itlob għal dik il-persuna. Ħalli lil Alla jimpennjak u jiftaħlek qalbek għal dik il-persuna u kun miftuħ biex tilqagħha u tgħina ssib lil Kristu. Ħalli lil Alla jmexxik. Lest li tieħu dan l-impenn? Alla qed jagħżlek illum.