MIXJA ĠDIDA

Anna Marija Fenech

 

Meta rridu niġu mfakkra fil-qawmien glorjuż ta’ Sidna Ġesù fl-Għid il-Kbir, l-uniku ħaġa li rridu nagħmlu hu li nħarsu madwarna u naraw is-sbuħija tan-natura fi żmien ir-Rebbiegħa. Il-ġranet kesħin u bla xemx tax-xitwa għaddew, u ż-żmien sabiħ tar-Rebbiegħa jisbroffa b’mod straordinarju f’ħajjitna – rigal minn għand Alla għalina. Il-ħaxix jibda jiħdar, jimbtu il-fjuri kollha kulur u għalkemm ikun hemm dik il-kesħa fina fl-arja, xorta waħda nħossu il-bewsa tax-xemx li ssaħħanna, tqawwilna qalbna u ssaħħaħna fl-ispirtu.

 

Huwa żmien ta’ wegħda ġdida, ħajja ġdida u enerġija ġdida. Nħossuna qed niġu rrestawrati mill-ġdid anzi qisna qed niġu maħluqa mill-ġdid. Għin lil familja tiegħek tapprezza il-ħolqien manjifiku ta’ Alla billi f’dawn iż-żminijiet hekk sbieħ toħorġu u tieħdu lill-familja kollha f’din il-mixja ġdida, f’din l-avventura tant sabiħa. Kif?

 

Ħalbiet tax-xita t’April

Oħroġ l-ilbies tax-xita (raincoat u boots), libbes lit-tfal u flimkien oħorġu aqbżu fil-ħofor żgħar mimlija bl-ilma, bħal ma jħobbu jagħmlu t-tfal ċkejknin. Tkellmu ma’ wliedkom fuq ir-rigal kbir tax-xita. Din Alla qed jibgħatilna!

 

Siġar mimlija fjuri żgħar

Ippjanaw ħarġa fejn tistgħu żżuru xi ort, hemmhekk tistgħu taraw siġar mballati bi fjuri żgħar, bojod u rosa. Fehmu lit-tfal kif dawn il-petali tal-fjuri għad jaqgħu u minnflok jitla’ l-frott. Semmi l-frott: tuffieħ, ħawħ, lanġas, ċirasa, dawn kollha jibdew jiffurmaw minn siġar partikolari. Ħu din l-opportunità biex tgħin lit-tfal jifhmu kif Alla joħloq il-frott u l-ħaxix għalina biex nikluh!

 

Il-Fjuri jinbtu

Morru passiġata f’xi ġnien jew fil-kampanja. Osservaw il-fjur differenti li qed jikber fir-Rebbiegħa. Kollha kuluri differenti, rwejjaħ ifuħu differenti, kull tip ta’ għamla, min hu twil u rqieq, minhu żgħir. Għallem lit-tfal jirrispettaw il-fjuri, speċjalment tal-kampanja biex ma jaqtawhx bl-addoċċ u jitgħalmu jirrispettaw in-natura billi jimxu fil-mogħdijiet żgħar mħejjija għal tal-apposta. Tkellmu ma’ wliedkom fuq din is-sbuħija mimlija kulur u fwieħa. Faħħru lil Alla u rringrazzjawh ta’ din l-għotja.

 

Ir-Riħ

Morru passiġġata meta jkun ir-riħ. Xi kultant tkun żiffa ħelwa u li kieku mhux għax il-weraq jiċċaqlaq ftit ma tindunax biha. Mbagħad hemm dak ir-riħ qawwi li jtajjar kull ma jsib quddiemu, jċaqlaq iz-zkuk tas-siġar u jġegħlhom jagħmlu ħafna ħoss. Ejjew mat-tfal inqabblu ir-riħ ma’ Alla. Aħna hekk nesperjenzawh lil Alla, bħar-riħ ma narawhx iżda nħossuh. Aħna nistgħu nħossu il-preżenza ta’ Alla.

 

Nixxijat

Għalkemm f’pajjiżna ma tantx għandna nixxijat, xi kultant fil-kampanja jew qalb il-widien nistgħu niltaqgħu ma xi nixxija. Kemm hu sabiħ inħossu l-ilma frisk tagħha. Żur mat-tfal xi post fejn taf li hemm xi nixxija jew fil-post taċ-‘Chadwick Lakes’. Hemmhekk tistgħu ssibu ukoll iż-żrinċijiet u ż-żgħar tagħhom, jew xi ħlejqat oħra ċkejknin. X’avventura ħelwa għat-tfal iż-żgħar! Huwa mument biex tiftakru flimkien x’importanza għandu l-ilma għal ħajja. X’rigal sabiħ u bżonnjuż qiegħed jagħtina Alla! Ejjew ma naħlux ilma għal xejn.

 

Ħlejqat ċkejknin ġodda

F’dan iż-żmien xi annimali jweldu ċ-ċkejknin tagħhom. Huwa żmien perfett biex tfihem lit-tfal li Alla jieħu ħsiebna u jagħti kasna bħal ma’ omm tagħti kas lill-uliedha.

 

Dan huwa żmien sabiħ fejn nistgħu ngawdu mat-tfal tagħna n-natura u lil Alla li ħalaqha. Ejjew ma nitilfuhx u nsibu ż-żmien biex ingawduh flimkien mal-familja tagħna.