RIFLESSJONIJIET GĦALL-ĠIMGĦA MQADDSA

Anna Marija Fenech

 

L-AGUNIJA FIL-ĠNIEN TAL-ĠETSEMANI

(Qari minn Luqa Kapitlu 22 Versi 42-44)

“Missier, jekk trid, warrab dan il-kalċi minni; iżda mhux ir-rieda tiegħi, imma ssir ir-rieda tiegħek.” U dehrlu anġlu mis-sema jfarrġu. U maħkum minn niket kbir kien jitlob aktar bil-ħeġġa. U sar l-għaraq tiegħu bħal qatriet tad-demm neżlin fl-art.

 

Eżatt wara l-ewwel quddiesa ta’ l-aħħar ikla, Ġesù joħroġ fil-ġnien. Qiegħed iħoss dwejjaq kbar. Qiegħed isofri ħafna. Is-sofferenza li qiegħed iħoss iġġielu jgħereq għaraq tad-demm. Dan qed iġibugħulu id-dnubiet kollha tad-dinja u qed jerfagħhom Hu! Anġlu jidher quddiemu biex ifarrġu, biex ilestih u biex iqawwih għal dak li ġej fuqu. Għandu kalċi f’idejh, simbolu ta’ dak il-kalċi li naraw f’kull quddiesa li titqaddes. Din il-quddiesa tagħmlu possibbli għalija li nieħu sehem fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù fuq is-salib.

 

Ġesù u Marija għinuni, nħobb il-misteru tal-quddiesa.

 

 

ĠESÙ MARBUT MAL-KOLONNA U FFRAĠELLAT

(Qari minn Mattew Kapitlu 27 Vers 26)

Imbagħad telqilhom 'il Barabba, u 'l Ġesù, wara li sawtuh, tahulhom biex isallbuh.

 

Ġesù xerred demmu prezzjuż meta is-suldati sawtuh b’tant keffrija bil-frosti. Ġesù qiegħed isoffri u jirrepara dawk id-dnubiet tal-ġisem. F’kull quddiesa li titqaddes, Ġesù qiegħed preżenti permezz ta’ demmu f’dak il-kalċi fuq l-artal. Fil-quddiesa Ġesù joffri demmu lil Alla l-Missier. Bil-merti ta’ dan id-demm hekk prezzjuż jiena nista’ nirċievi l-imħabba ta’ Ġesù, u noffriha għal konverżjoni tal-midinbin.

 

 

ĠESÙ NKURUNAT BIL-KURUNA TAX-XEWK

(Qari minn Mattew Kapitlu 27 Versi 27-30)

Ħadu s-suldati tal-gvernatur 'il Ġesù fil-pretorju u ġemgħu għalih il-qatgħa kollha. Imbagħad neżżgħuh u libbsuh mantar aħmar, nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu u qasba f’idu l-leminija; u għarkubbtejhom quddiemu bdew jiddieħku bih u jgħidulu: “Is-sliem, ja sultan tal-Lhud!” u kienu jobżqulu, u ħadulu qasba u bdew jagħtuh biha fuq rasu.

 

Is-suldati nisġu kuruna ta’ xewk kbir u rassuha fuq ras Ġesù. Ġesù qiegħed isofri u jirrepara għad-dnubiet tal-poter u sagrileġġi li l-bnedmin qed jitfawlu kontinwament f’ħoġġru. F’kull quddiesa li titqaddes, Ġesù, li hu il-veru Sultan tagħna, ikun preżenti permezz tas-Sagrament imqaddes. Fil-quddiesa Huwa joffri is-sagrifiċċju li darba kien offra fuq il-Kalvarju. Kemm il-darba il-qlub ta’ Ġesù u Marija soffrew bix-xewk tad-dnubiet, bħal ma soffriet dik ir-ras qaddisa ta’ Ġesù b’dawk ix-xewk li għafsu fuqha is-suldati. F’kull quddiesa, jiena nista’ noffri lil Ġesù msallab lit-Trinità Qaddisa.

 

 

ĠESÙ JERFA’ S-SALIB

(Qari minn Ġwanni Kapitlu 19 Versi 17)

Mela ħadu lil Ġesù, u, mgħobbi bis-salib, ħareġ lejn l-imkien jgħidulu Qorriegħa, bil-Lhudi Golgota...

 

Ġesù qiegħed jerfa’ salib tant tqil u jrid iġorru it-tela’ sal-Kalvarju. Fit-triq hu jiġi ikkonfortat meta jiltaqa’ ma’ ommu Marija, mal-mara li aħna nsejħula il-Veronika għax proprju messħitlu wiċċu li kien kollu demm u trab, ma’ Xmun iċ-Ċirinew li għal ftit ħin refgħalu t-toqol tas-salib. Fil-quddiesa, jien ukoll nista’ nkun bħal Marija ommu, bħal Veronika u bħal Xmun u nikkonsla lil Ġesù filwaqt li Hu qed joffri s-sagrifiċċju tas-salib waqt l-Ewkaristija.

 

 

ĠESÙ MISLUB FUQ IS-SALIB

(Qari minn Luqa Kapitlu 23 Vers 33)

X’ħin waslu fil-post Qorriegħa hemm sallbu lilu u l-ħatjin, wieħed fil-lemin u l-ieħor fix-xellug.

 

Għal tlett sigħat sħaħ Ġesù baqa’ ħaj imdendel mas-salib wara li s-suldati sammruh mal-għuda. Hu offra l-mewt tiegħu fuq is-salib għas-salvazzjoni tal-umanità kollha. Marija kienet taħt is-salib. Hi ukoll qed issofri fir-ruħ ma’ binha Ġesù. Hi ukoll qed toffri is-sofferenzi tagħha u ta’ binha lil Alla l-Missier. Bħal Marija, fil-quddiesa, jien ukoll nista’ noffri lil Ġesù. F’kull sagrifiċċju tal-quddiesa, Ġesù qiegħed joffri l-istess sagrifiċċju tas-salib fuq il-Kalvarju, u dan qed noffrih jien ukoll kull darba li nieħu sehem fiha.

 

 

ĠESÙ MIDFUN

O ġisem imqaddes ta’ Ġesù, imbiċċer, insulentat, imneżża minn kull dinjità, nixtieq nirrepara għal dan kollu u nikkunslak. Missier qaddis, nagħtik qalbi u ruħi, noffri dak kollu li jien biex ningħaqad ma’ Ibnek Ġesù fil-mixja tal-Passjoni tiegħu. Noffrilek il-ħidma tiegħi, l-istudju tiegħi, is-serħan tiegħi, it-talb tiegħi. Iżda fuq kollox noffrilek o Missier, l-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnek Ġesù, li Hu darba offra fuq is-Salib. Ammen