IL-ĠIMGĦA MQADDSA KIF TISTA’ TKUN MEMORABBLI GĦALIK

U GĦAL FAMILJA TIEGĦEK

Anna Marija Fenech

 

 

It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa

L-ewwel tlett ijiem tal-Ġimgħa Mqaddsa tradizzjonalment ikunu jiem ta’ preparazzjoni għal festa kbira tal-Għid.

 

Agħti ċans lil kulħadd jagħti daqqa t’id fit-tindif tad-dar. Din id-drawwa tat-tindif f’dan iż-żmien, bl-Ingliż jgħidulu ‘spring cleaning’, evolvit mid-drawwa Lhudija bħala ritwal ta’ ndafa qabel l-Għid tal-Lhud.

 

X’qed tippreparaw bħala familja? Waqt li qed tnaddfu, tkellmu dwar dawn il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa li ġejjin fuqkom. Tkellmu kif għaddejtu dan ir-Randan u kif kien dan iż-żmien għal familja tagħkom. Kien ta’ dwejjaq jew ħarġet xi ħaġa sabiħa minnu?

 

 

Il-Ħamis ix-Xirka

F’dan il-jum aħna niftakru fl-Aħħar Ikla li Ġesù qasam mad-dixxipli tiegħu, u l-lezzjoni tant qawwija li Hu għallimna, dik ta’ servizz, meta Hu ħasel saqajhom.

 

Ħudu sehem fil-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka fil-parroċċa tagħkom, fejn hemm tistgħu taqsmu l-Aħħar Ikla flimkien.

 

Meta tiġu lura d-dar mill-quddiesa, tkellmu fuq dan ir-ritwal ta’ ħasil ir-riġlejn. Xi jfisser għalina dan is-servizz? X’qiegħed jgħallem lill-familja tagħna? Kif qed nservu lil xulxin? Hemm xi modi kif aħna nistgħu nservu lil xulxin kuljum b’mod aħjar?

 

 

Il-Ġimgħa l-Kbira

Dan il-jum huwa jum solenni fejn ifakkarna fil-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Ipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjoni li ssir apposta fil-parroċċa tagħkom.

 

Issuġġerixxi lill-familja tiegħek biex mas-sawm li qed tagħmlu iżżidu wkoll li ma tiftħux il-‘computer’ u ma tarawx TV dak inhar bħala penitenza.

 

Jekk xi ħadd mill-familja tiegħek żied xi penitenza oħra waqt dan ir-Randan, tkellmu flimkien fuq din l-esperjenza, speċjalment jekk dak li jkun ikun għex mingħajr xi ħaġa. Kif ħassu? Kienet tqila għalih li jgħix mingħajrha? Nistgħu nikkonsidraw li din nistgħu nagħmluha spiss flok fir-Randan biss? Jekk le, għaliex? X’poter għandha fuqna?

 

 

Sibt il-Għid

Dan hu l-aħħar jum ta’ penitenza. Dan jippreparana għall-iktar jum importanti għalina l-Insara dak tal Għid il-Kbir. Iċ-Ċelebrazzjoni ta’ l-Għid il-Kbir li ssir is-Sibt filgħaxija hija l-‘climax’ fil-kalendarju tal-Knisja. Ix-xemgħa tal-Għid li tiġi mixgħula fil-Vġili tal-Għid il-Kbir tibqa’ tinżamm fil-knisja matul is-sena bħala sinjal li jfakkarna fil-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

 

Ivvoluntarjaw bħala familja biex tgħinu fit-tindif u t-tiżjin tal-knisja għall-Għid il-Kbir.

 

Tkellmu flimkien dwar is-simboli li aħna l-Insara nużaw fil-liturġija tal-Għid il-Kbir – in-nar, l-ilma, iż-żejt, u d-dlam. X’emozzjonijiet iqanqlu fina dawn is-simboli? X’tgħallimna il-Knisja dwar dawn is-sinjali u s-simboli?

 

 

L-Għid il-Kbir

Dan huwa jum ta’ ferħ kbir!

 

Morru l-quddiesa flimkien bħala familja u rringrazzjaw lil Alla ta’ dawk il-ħwejjeġ sbieħ li ġraw fil-familja tagħkom matul din is-sena.

 

Waqt l-ikla tal-Għid, tkellmu il-għala huwa mportanti daqshekk li nkunu grati għar-rigali li Alla tana. Għalfejn nħossuna ferħanin fl-Għid il-Kbir? Kantaw l-‘Allelujah’ flimkien. Minhu l-ikbar rigal f’ħajjitna?