X’HEMM LIL HINN MIL-ĦAJJA LI NAFU?

Anna Maria Fenech

 

Dawk li jmutu fil-grazzja u l-ħbiberija ta’ Alla, iżda mhux safja għal kollox, minkejja li żguri mis-salvazzjoni ta’ dejjem tagħhom, wara mewthom iġarrbu purifikazzjoni, biex jiksbu l-qdusija meħtieġa ħa jidħlu fl-hena tas-sema. (mil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, Nu. 1030)

 

Ħafna drabi, meta jmut xi ħadd maħbub, iqumu ħafna mistoqsijiet mħalltin ma’ sogħba kbira. Ħafna minn dawn il-mistoqsijiet tqal għandhom x’jaqsmu ma’ x’hemm lil hinn mill-ħajja li diġà qed ngħixu u allura li diġà nafu. L-ewwel ħaġa, għal minhu Kattoliku, aħna nemmu li Ġesù qam mill-imwiet u tela’ fis-smewwiet, u hekk għad jiġri lilna jekk naħdmu b’fedeltà u b’imħabba lejn Alla. Aħna għad ingawdu miegħu, mal-anġli u l-qaddisin l-ikla tat-tieġ fil-ġenna. Minn naħa l-oħra, il-Knisja wkoll tgħallimna li qabel ma nidħlu l-ġenna, aħna nieqfu f’post li jgħidulu l-purgatorju. Kif nistgħu nifhmu dan it-twemmin?

 

Jekk għadek kemm tlift lil xi ħadd qrib tiegħek jew għaddej minn xi marda terminali ta’ xi ħadd li jiġi minnek, huwa ta’ konfort għalik li taħseb fuq il-purgatorju mhux eżatt bħala post iżda bħala stat ta’ ħajja. Qabel ma aħna bħala bnedmin nistgħu nduqu dik il-glorja tal-għaġeb ta’ Alla, qabel ma nkunu nistgħu nifilħu għal dak il-ġmiel u l-imħabba tiegħu, aħna għandna bżonn nesperjenzaw trasformazzjoni u preparazzjoni. Il-Purgatorju mhux ta’ min jibża’ minnu. Purifikazzjoni tfisser tisfija, tindif spiritwali. Bħal ma fil-Magħmudija aħna nitnaddfu u nerġgħu niġu mwielda fil-ħajja ġdida fi Kristu, hekk ukoll jiġri fl-aħħar ta’ ħajjitna, aħna niġu mnaddfa minn dawk id-dnubiet biex inkunu nistgħu ngħaddu għal ħajja oħra.

 

Naħseb biex wieħed jista’ jifhem daqxejn din il-ħaġa m’hemm xejn aħjar milli jaqra din l-istorja ċkejkna tal-mazzarell (tip ta’ farfett). Din l-istorja tingħad f’xi postijiet fid-dinja lit-tfal:

 

Grupp ta’ ħanfus ta’ l-ilma kien jgħix f’għadira mimlija ħama. Ħajjithom taħt il-ġilju tal-ilma kienet sempliċi u ferħana. Xi kultant, xi ħanfusa kienet tħoss dik is-sensazzjoni li titla maz-zokk tal-ġilju u tasal sal-fuq ta’ barra tal-fjura. U dik il-ħanfusa ma terġax tiġi lura u ma tidher qatt aktar. Il-ħanfus beda jinduna u dara li meta jiġri hekk, ħabibhom ma jirritornax magħhom fil-ħama tal-għadira.

 

Ħanfusa ċkejkna kienet detterminata li meta jasal dak il-waqt xorta waħda terġa’ lura biex tirrakkonta lil sħabha x’kien hemm il-fuq mill-fjura. Wasal dak il-jum fejn hi ħasset dik is-sensazzjoni li titla il-fuq mal-fjura. Meta waslet sa fuq nett u xirfet il-barra mill-ilma għal fuq il-wiċċ tal-fjura, tant ħassitha għajjiena li waqgħet f’nasa tqila. Hekk kif kienet rieqda ġisimha beda jinbidel, u meta qamet sabet lilha nnifisha mibdula f’mazzarell, farfett sabiħ ħafna li bl-ingliż jissejjaħ Dragonfly.

 

Bil-ġwienaħ ġodda u sbieħ tagħha ma felħitx ma ttirx. Hekk kif bdiet ittir setgħat tara s-sbuħija li kien hemm 'il fuq mix-xmara. Rat dinja ġdida mimlija ġmiel li qatt ma rat qabel u li qatt ma ħasbet li kienet biss teżisti. Xtaqet kieku tmur lura u tirrakkonta lil sħabha dak kollu li kienet qed tara u tħoss. Ħassitha ħajja iktar minn qatt qabel!

 

Imma ma setgħetx tagħmel dan, ma setgħetx tirrakonta l-aħbar tant sabiħa li xtaqet tirrakkuntalhom għax ma setgħetx tidħol taħt l-ilma. Mbagħad hi fehmet li sħabha kellhom jesperjenzaw din il-bidla huma stess meta jasal il-waqt tagħhom. Xi darba huma wkoll jifhmu u jduqu dan il-ferħ u sbuħija ta’ ħajja ġdida.