IT-TIENI ITTRA TA' SAN PIETRU

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1.Tislima

[2Pt:1:1] Xmun Pietru, qaddej u appostlu ta' Ġesù Kristu, lil dawk, li, għall-ġustizzja ta' Alla u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, kellhom ix-xorti li jkollhom fidi għażiża daqs tagħna: [2Pt:1:2] grazzja lilkom u sliem bil-kotra, bis-saħħa ta' l-għarfien sħiħ tagħkom ta' Alla u ta' Ġesù Sidna.

 

Is-sejħa tan-nisrani

 

[2Pt:1:3] Is-setgħa tiegħu ta' Alla tatna dak kollu li hu meħtieġ għall-ħajja u t-tjieba, billi għarrfitna 'l Dak li sejjħilna għall-glorja u l-qawwa tiegħu nnifsu. [2Pt:1:4] Bis-saħħa ta' dawn huwa tana l-egħżeż u l-akbar ġid li kien wegħedna, biex bih - wara li tkunu ħlistu mit-taħsir li hawn fid-dinja ħtija tal-ġibdiet ħżiena - tissieħbu fin-natura ta' Alla. [2Pt:1:5] Għalhekk, mela, kunu ħerqana biex iżżidu mal-fidi l-virtù, mal-virtù l-għerf; [2Pt:1:6] ma' l-għerf               ir-rażna; mar-rażna s-sabar; mas-sabar it-tjieba; [2Pt:1:7] mat-tjieba l-ħbiberija ta' l-aħwa; mal-ħbiberija ta' l-aħwa l-imħabba. [2Pt:1:8] Jekk ikollkom dawn il-kwalitajiet u tkattruhom fikom, ma jħallukomx rieqda u bla frott fl-għarfien tagħkom ta' Sidna Ġesù Kristu. [2Pt:1:9] Min hu nieqes minnhom hu agħma, ma jarax sewwa; nesa li ġie mnaddaf minn dnubietu ta' l-imgħoddi. [2Pt:1:10] Għalhekk, ħuti, b'ħeġġa akbar għandkom tfittxu li ssaħħu s-sejħa u l-għażla tagħkom; għax jekk tagħmlu hekk, ma titfixklu qatt. [2Pt:1:11] U hekk ikollkom miftuħ beraħ quddiemkom il-bieb tad-dħul fis-saltna ta' dejjem ta' Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu. [2Pt:1:12] Għalhekk jien bi ħsiebni nibqa' dejjem infakkarkom fuq dawn il-ħwejjeġ, għalkemm tafuhom u intom sħaħ fil-verità li hi fikom. [2Pt:1:13] Jidhirli li hi ħaġa flokha li, sakemm jien f'dan il-ġisem, nżommkom imħeġġin billi nibqa' nfakkarkom; [2Pt:1:14] għax jien naf li dalwaqt ikolli nħalli dan il-ġisem, kif għarrafni Sidna Ġesù Kristu. [2Pt:1:15] Imma rrid nieħu ħsieb li, ukoll wara li nkun tlaqt, intom tibqgħu tiftakru kull ħin f'dawn il-ħwejjeġ.

Il-glorja ta' Kristu u l-profezija

[2Pt:1:16] Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta' Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b'għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu [2Pt:1:17] meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instama' jgħid għalih: "Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq." [2Pt:1:18] Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. [2Pt:1:19] U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f'post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f'qalbkom titla' l-kewkba ta' filgħodu. [2Pt:1:20] Dan fuq kollox għandkom tkunu tafu: li l-ebda profezija ta' l-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu. [2Pt:1:21] Għax qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma, meta l-bnedmin tkellmu f'isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.

2. L-għalliema u l-profeti foloz

[2Pt:2:1] Dehru wkoll profeti foloz fost il-poplu, kif għad ikun hemm għalliema foloz fostkom. Dawn idaħħlu firdiet, li jġibu l-qerda, sa jaslu biex jiċħdu s-Sid li għalih kisibhom u malajr iġibu l-qerda fuqhom infushom. [2Pt:2:2] Ikun hemm ħafna li jimxu skond l-imġiba bla rażan tagħhom, u ħtija tagħhom tkun imkasbra t-triq tal-verità. [2Pt:2:3] Mqanqlin mir-regħba tagħhom, jagħmlu negozju minn fuqkom bi kliem qarrieq. Imma l-kundanna tagħhom ġa ilha minn żmien taħdem, u l-qerda tagħhom ma raqditx.

 

[2Pt:2:4] Jekk Alla ma ħafirhiex lill-anġli li dinbu, imma tefagħhom fil-ħofor mudlama ta' l-infern biex hemm jinżammu sa jum il-ġudizzju; [2Pt:2:5] jekk ma ħafirhiex lid-dinja  tal-qedem - barra minn Noè, il-ħabbâr tal-ġustizzja, u sebgħa min-nies oħra - meta bagħat id-dulluvju fuq id-dinja tal-ħażen; [2Pt:2:6] jekk ikkundanna l-bliet ta' Sodoma u Gomorra biex ikunu maħruqa sa ma jsiru rmied u bihom ħalla tagħlima għal dawk il-ħżiena li kellhom jiġu wara [2Pt:2:7] u ħeles biss lil Lot, raġel ġust, mifni kif kien ħtija ta' l-imġiba bla rażan tal-ħżiena [2Pt:2:8] - għax dan ir-raġel ġust, waqt li kien jgħix magħhom, b'dak li kien jara u jisma' minn jum għal ieħor, kien iħoss qalbu tingħafas quddiem l-imġiba ħażina tagħhom; [2Pt:2:9] jaf mela l-Mulej jeħles it-tajbin mit-tiġrib u jħalli l-ħżiena biex jieħdu l-kastig f'jum il-ġudizzju. [2Pt:2:10] L-aktar imbagħad 'il dawk li jgħixu skond il-ġibdiet tal-ġisem u li jkasbru s-setgħa  tal-Mulej; nies wiċċhom bla mistħija, kburin, li ma jibżgħux ikasbru l-ħlejjaq glorjużi tas-sema. [2Pt:2:11] Madankollu l-anġli, għalkemm akbar fil-qawwa u fis-setgħa, ma jkasbruhomx u ma jakkużawhomx quddiem il-Mulej. [2Pt:2:12] Imma dawn, bħal bhejjem bla raġuni li minnhom infushom twieldu biex ikunu maqbuda u maqtula, ikasbru dak li ma jagħrfux. Għalhekk bħal bhejjem jinqerdu, [2Pt:2:13] jieħdu l-ħlas tal-ħażen li għamlu. Għalihom il-pjaċir tagħhom hu x-xalar ta' binhar; huma tbajja' u ħmieġ fostkom; jieklu magħkom u gostihom iqarrqu bikom. [2Pt:2:14] Għajnejhom medhijin bin-nisa żienja, ma jixbgħu qatt mid-dnub u jqarrqu bid-dgħajfin; qalbhom imdorrija fir-regħba. Misħutin li huma! [2Pt:2:15] Tbiegħdu mit-triq id-dritta u ntilfu; mxew wara Balgħam, bin Bosor, li għażel qligħ il-ħażen, [2Pt:2:16] imma li kien imċanfar għall-ħsara li għamel, meta ħmar tat-tagħbija bla kliem tkellem bħal bniedem u rażżan il-bluha tal-profeta.

 

[2Pt:2:17] Huma għejun bla ilma u sħab misjuq  mir-riefnu; dlamijiet l-aktar koroh hemm lesti għalihom. [2Pt:2:18] Għax dawn bil-kliem kburi u fieragħ tagħhom u bil-ġibdiet ħżiena tal-ġisem iqarrqu b'dawk li bilkemm għadhom kemm ġew meħlusin minn ma' dawk li jgħixu  fl-iżball. [2Pt:2:19] Iwegħduhom il-ħelsien, waqt li huma stess imjassrin mit-taħsir; għax bniedem hu lsir ta' min jirbħu. [2Pt:2:20] Għax jekk, wara li ħelsu mill-ħażen tad-dinja bis-saħħa ta' l-għarfien ta' Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, reġgħu tħabblu fih u ntrebħu minnu, il-qagħda tagħhom ta' l-aħħar sa tkunilhom agħar minn ta' l-ewwel. [2Pt:2:21] Kien ikun aħjar għalihom li ma għarfu qatt it-triq tas-sewwa milli, wara li għarfuha, reġgħu lura mill-kmandament imqaddes li ngħata lilhom. [2Pt:2:22] Ġralhom kif jgħid sewwa l-proverbju:

 

     “Il-kelb idur għall-vomtu tiegħu,”

     u

     “il-ħanżira l-maħsula titmiegħek fit-tajn.”

 

3. It-tieni miġja ta' Ġesù Kristu

[2Pt:3:1] Din hi t-tieni ittra li qiegħed niktbilkom, ħuti għeżież. Fihom it-tnejn nifhem inqajjem fikom ħsibijiet sbieħ billi nfakkarkom f'dak li diġà tafu. [2Pt:3:2] Ftakru fil-kliem li diġà qalu l-profeti qaddisa, u wkoll fil-kmandament tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, li wasslulkom l-appostli tagħkom. [2Pt:3:3] Dan għandkom tkunu tafu, l-ewwelnett: li fl-aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir u jwaqqgħu kollox għaż-żufjett, nies li jaġixxu skond ix-xewqat ħżiena tagħhom; [2Pt:3:4] u jibdew jgħidu: "Fejn hi l-wegħda tal-miġja tiegħu? Għax sa minn meta mietu missirijietna, kollox baqa' miexi kif kien sa mill-bidu tal-ħolqien." [2Pt:3:5] Dawn jinsew, għax iridu, li sa minn żmien ilu kienu s-smewwiet u l-art, li saret mill-ilma u żżomm bl-ilma bis-saħħa tal-kelma ta' Alla; [2Pt:3:6] kien ukoll bl-ilma li d-dinja ta' dak iż-żmien tgħarrqet u ntilfet. [2Pt:3:7] Hekk ukoll bl-istess kelma ta' Alla s-smewwiet u l-art ta' llum huma merfugħin għall-ħruq, miżmumin sa jum il-ġudizzju, li jkun jum it-telfien tal-ħżiena.

 

[2Pt:3:8] Dan għandkom tkunu tafu, ħuti għeżież: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed. [2Pt:3:9] Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema. [2Pt:3:10] Jasal, tabilħaqq, Jum il-Mulej bħal ħalliel; jintemmu mbagħad is-smewwiet bi ħsejjes kbar, jinħallu bin-nar l-elementi tad-dinja, u l-art b'kull ma fiha tkun maħruqa min-nar. [2Pt:3:11] Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom, [2Pt:3:12] waqt li tistennew b'ħerqa kbira l-miġja tal-Jum ta' Alla. Hu minħabba f'dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar. [2Pt:3:13] Imma aħna, skond il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.

 

[2Pt:3:14] Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub. [2Pt:3:15] Is-sabar li bih il-Mulej jeħodna qisuh bħala salvazzjoni tagħna. Hekk ukoll kitbilkom Pawlu, ħuna l-għażiż, skond l-għerf li ngħata lilu. [2Pt:3:16] Hekk kiteb fl-ittri kollha tiegħu, li fihom tkellem fuq din il-ħaġa. Dawn l-ittri fihom xi ħwejjeġ li huma tqal biex wieħed jifhimhom, u dawk li ma jifhmux u li m'humiex sħaħ biżżejjed ifissruhom ħażin għat-telfien tagħhom stess; hekk jagħmlu wkoll mill-kotba l-oħra ta' l-Iskrittura.

 

[2Pt:3:17] Intom, mela, ħuti għeżież, ladarba tafu dan, għassu sewwa li ma tisfawx maħkuma mill-iżbalji ta' dawn in-nies bla rażan u taqgħu mnejn tinsabu fis-sod. [2Pt:3:18] Ikbru fil-grazzja u fl-għarfien ta' Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.

 

Lilu glorja issa u għal dejjem.