L-EWWEL ITTRA TA' SAN PAWL LIL TIMOTJU

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

 

1. Tislima

 

[1Tim:1:1] Pawlu, appostlu ta' Kristu Ġesù b'ordni ta' Alla s-Salvatur tagħna, u ta' Kristu Ġesù t-tama tagħna, [1Tim:1:2] lil Timotju, ibni tassew fil-fidi; grazzja, ħniena u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù Sidna.

 

Twissija kontra t-tagħlim ħażin

 

[1Tim:1:3] Ibqa' f'Efesu, bħalma wissejtek jien u sejjer lejn il-Maċedonja, biex tordna lil xi wħud ħalli ma jgħallmux tagħlim ieħor, [1Tim:1:4] u anqas ma jiġru wara ħrejjef u ġenealoġiji li ma jispiċċaw qatt, ħwejjeġ li aktar iqanqlu l-kurżità milli jgħinu għall-pjan ta' Alla li jseħħ  bil-fidi. [1Tim:1:5] Issa l-iskop ta' din it-twissija hu l-imħabba li toħroġ minn qalb safja, minn kuxjenza tajba u minn fidi sinċiera. [1Tim:1:6] Xi wħud, billi tbiegħdu minn dan, ntilfu fi tlablib fieragħ; [1Tim:1:7] iridu jagħmluha ta' għalliema tal-Liġi, bla ma jifhmu x'inhuma jgħidu jew fuqiex qegħdin jinsistu. 

 

[1Tim:1:8] Issa aħna nafu li l-Liġi hi tajba jekk wieħed jinqeda biha tajjeb; [1Tim:1:9] nafu li l-Liġi m'hijiex magħmula għal dawk li huma tajbin, imma għal dawk li huma bla liġi u bla rażan, ħżiena u midinbin, bla reliġjon u sagrilegi, qattiela ta' missirijiethom u ta' ommijiethom, qattiela, [1Tim:1:10] żienja, omosesswali, negozjanti ta'  l-ilsiera, giddieba, dawk li jaħilfu l-falz; u għal dak kollu li jmur kontra t-tagħlim sħiħ. [1Tim:1:11] Dan hu li jgħallem l-Evanġelju tal-glorja ta' Alla l-imbierek, fdat f'idejja.

 

Radd il-ħajr għall-ħniena ta' Alla

 

[1Tim:1:12] Niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan  ix-xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu, [1Tim:1:13] lili li qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi tiegħu. Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi. [1Tim:1:14] Anzi lili l-grazzja ta' Sidna kienet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u ma' l-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù. [1Tim:1:15] Din hija kelma ta' min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed. [1Tim:1:16] Iżda jien minħabba f'hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu, b'eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta' dejjem.

 

     [1Tim:1:17] Lis-Sultan ta' dejjem,

     li ma jmutx u li ma jidhirx, 

     lil Alla waħdu, ġieħ u glorja għal dejjem ta' dejjem! Amen.

 

[1Tim:1:18] Din hi, Timotju, ibni, l-ordni li nħallilek f'idejk skond il-profeziji li saru fuqek sa minn qabel; biex bis-saħħa tagħhom tidħol bil-qawwa għat-taqbida  t-tajba, [1Tim:1:19] b'fidi u b'kuxjenza tajba. Xi wħud, għax warrbu   l-kuxjenza, tfarrku fil-fidi. [1Tim:1:20] Fosthom hemm Imeni u Alessandru, li jien ħallejthom f'idejn ix-Xitan biex jitgħallmu ma jeħduhiex kontra Alla.

 

 

 

2. It-talb pubbliku

 

[1Tim:2:1] Nitolbok l-ewwelnett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha; [1Tim:2:2] għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u  fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq. [1Tim:2:3] Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla s-Salvatur tagħna, [1Tim:2:4] li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità. [1Tim:2:5] Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, [1Tim:2:6] li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd; u x-xhieda ta' dan ngħatat f'waqtha. [1Tim:2:7] Hu għal dan li jien kont magħmul xandâr u appostlu - qiegħed ngħid is-sewwa, m'iniex nigdeb - biex ngħallem lill-ġnus  il-fidi u l-verità.

 

[1Tim:2:8] Nixtieq li l-irġiel jitolbu kullimkien, jerfgħu 'l fuq idejn safja bla għadab u bla ġlied. [1Tim:2:9] Hekk ukoll nixtieq li  n-nisa jiżżejjnu bi lbies xieraq, bil-modestja u bl-għaqal, mhux b'xagħarhom midfur, anqas bid-deheb jew ġawhar jew ilbies lussuż, [1Tim:2:10] imma bl-għemil it-tajjeb, kif jixraq lil nisa li jridu jkunu twajbin. [1Tim:2:11] Il-mara għandha toqgħod titgħallem bil-kwiet u bl-umiltà kollha. [1Tim:2:12] Ma nħalli qatt li mara tgħallem jew li taħkem fuq ir-raġel; hi għandha toqgħod fis-skiet. [1Tim:2:13] Għax Adam ġie magħmul l-ewwel, mbagħad Eva. [1Tim:2:14] U ma kienx Adam li safa mqarraq; kienet il-mara li, wara li kienet mqarrqa, waqgħet  fil-ħtija. [1Tim:2:15] Madankollu hi ssalva bil-maternità tagħha sakemm tibqa' tgħix fil-fidi, fl-imħabba, fil-qdusija u fil-modestja.

3. L-għażla ta' l-isqof

[1Tim:3:1] Din hi kelma ta' min joqgħod fuqha: min jixtieq ix-xogħol ta' isqof jixtieq xogħol sabiħ. [1Tim:3:2] Jeħtieġ, imma, li l-isqof ikun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih; li jkun raġel ta' mara waħda; li jkun meqjus, prudenti, serju; li jilqa' l-barranin, jaf jgħallem; [1Tim:3:3] li ma jkunx mogħti għax-xorb; li ma jkunx vjolenti, imma ġwejjed; li ma jkunx ġellied, anqas rgħib għall-flus; [1Tim:3:4] li jkun raġel jaf imexxi tajjeb id-dar tiegħu; u li jżomm lil uliedu fl-ubbidjenza bir-rispett kollu. [1Tim:3:5] Għax jekk wieħed ma jkunx jaf imexxi 'l daru stess, kif jista' jieħu ħsieb il-Knisja ta' Alla? [1Tim:3:6] Ma għandux ikun wieħed li għadu kif tgħammed, li ma jmurx jimtela bih innifsu u hekk jaqa' fil-kundanna tax-xitan. [1Tim:3:7] Għandu jkollu wkoll isem tajjeb  mal-barranin, li ma jaqax fl-għajb u jaqa' fix-xibka tax-Xitan.

 

L-għażla tad-djakni

 

[1Tim:3:8] Hekk ukoll id-djakni: għandhom ikunu nies serji, li ma jilagħbux bil-kliem, ma jkunux mogħtija żżejjed għall-inbid, anqas  għall-qligħ baxx tal-flus; [1Tim:3:9] għandhom iżommu sħiħ il-misteru tal-fidi b'kuxjenza safja. [1Tim:3:10] Dawn ukoll għandhom l-ewwel jgħaddu mill-prova; mbagħad, jekk wieħed ma jsib xejn xi jgħid fihom, ikunu jistgħu jaqdu bħala djakni.

 

[1Tim:3:11] Hekk ukoll in-nisa tagħhom għandhom ikunu serji, ma jqassux fuq l-oħrajn, ikunu meqjusa fl-imġiba tagħhom u ta' min jafdahom f'kollox.

 

[1Tim:3:12] Id-djakni jkunu rġiel li ma jkunux miżżewwġin ma' aktar minn mara waħda, u li jkunu jafu jmexxu 'l uliedhom u 'l djarhom sewwa. [1Tim:3:13] Għax dawk li jaqdu dmirhom sewwa bħala djakni jiksbu ġieħ għoli għalihom infushom u fiduċja kbira fil-fidi li hi fi Kristu Ġesù.

 

Il-misteru tar-reliġjon tagħna

 

[1Tim:3:14] Qiegħed niktiblek dan, għalkemm għandi tama qawwija li ma ndumx ma niġi għandek. [1Tim:3:15] Imma biex, jekk indum ma niġi, tkun taf kif wieħed għandu jġib ruħu fid-dar ta' Alla, li hi l-Knisja ta' Alla l-ħaj, kolonna u pedament tal-verità. [1Tim:3:16] Bla ebda dubju, kbir hu l-misteru tar-reliġjon tagħna:

 

     Hu deher fil-ġisem,

     kien iġġustifikat  bl-Ispirtu, 

     deher lill-anġli,  ixxandar fost il-pagani, 

     emmnuh fid-dinja, 

     ittieħed fil-glorja.

 

4. L-għalliema foloz

 

[1Tim:4:1] L-Ispirtu jgħidha ċar li fl-aħħar taż-żminijiet xi wħud jitbiegħdu mill-fidi u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-xjaten. [1Tim:4:2] Dawn jisfaw mqarrqa minn nies giddieba, li għandhom il-marka tal-ħażen fuq il-kuxjenza tagħhom; [1Tim:4:3] bħal dawk li jikkundannaw iż-żwieġ u ma jridux li jittiekel ikel li Alla ħalqu biex jittieħed b'radd il-ħajr minn dawk li ħaddnu l-fidi u li waslu għat-tagħrif sħiħ tal-verità. [1Tim:4:4] Kull ma ħalaq Alla hu tajjeb. Xejn ma għandu jitwarrab minn dak li jista' jittieħed b'radd ta' ħajr, [1Tim:4:5] ladarba tqaddes bil-kelma ta' Alla u bit-talb.

 

Il-ministru tajjeb ta' Kristu Ġesù

 

[1Tim:4:6] Meta inti tagħti tagħlim bħal dan lill-aħwa, tkun qaddej tajjeb ta' Kristu Ġesù, mrawwem fil-kliem tal-fidi u fit-tagħlim tajjeb li miegħu mxejt. [1Tim:4:7] Tagħtix kas ta' dawk il-ħwejjeġ fiergħa li jgħoddu biss għan-nisa xjuħ. Tħarreġ fit-tjieba. [1Tim:4:8] It-taħriġ tal-ġisem ftit jiswa, waqt li t-tjieba tiswa għal kollox billi fiha għandha l-wegħda  tal-ħajja ta' issa u ta' dik li għad trid tiġi. [1Tim:4:9] Din hi kelma ta' min jemminha u jilqagħha għalkollox; [1Tim:4:10] hu għal dan l-għan li aħna nitħabtu u nitqabdu, għax it-tama tagħna hi f'Alla l-ħaj, li hu s-Salvatur tal-bnedmin kollha, l-aktar ta' dawk li jemmnu.

 

[1Tim:4:11] Dan ordna u dan għallem. [1Tim:4:12] Qis li ħadd ma jmaqdrek għax inti żagħżugħ; kun ta' eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa. [1Tim:4:13] Sa ma niġi, ħu ħsieb il-qari tal-Kotba Mqaddsa, it-twissijiet u t-tagħlim. [1Tim:4:14] Tinsiex  il-grazzja li għandek fik, li kienet mogħtija lilek bis-saħħa tal-kliem  tal-profezija u bit-tqegħid ta' l-idejn tal-presbiteri fuqek. [1Tim:4:15] Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi 'l quddiem. [1Tim:4:16] Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f'dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.

5. Dmirijiet ta' l-insara lejn xulxin

 

[1Tim:5:1] Lil min hu mdaħħal fiż-żmien tiħdux bl-aħrax, imma wissih qisu missierek. Iż-żgħażagħ imxi magħhom bħal aħwa; [1Tim:5:2] imxi man-nisa mdaħħlin fiż-żmien bħallikieku ommijiet, u man-nisa żgħażagħ bħallikieku ħutek, bis-safa kollu.

 

[1Tim:5:3] Weġġaħ lir-romol li huma romol tassew. [1Tim:5:4] Jekk mara armla għandha l-ulied jew ulied uliedha, dawn għandhom jitgħallmu l-ewwel jagħmlu dmirhom billi jġibu rispett lill-familja tagħhom u jroddu lill-ġenituri tagħhom dak li ħaqqhom; għax dan jogħġob lil Alla. [1Tim:5:5] Dik imbagħad li hi tassew armla u ma għandha 'l ħadd, tqiegħed it-tama f'Alla u tgħaddi jiemha  fit-talb u fl-orazzjoni lejl u nhar; [1Tim:5:6] imma dik li ħsiebha fix-xalar, għalkemm hi ħajja, hija mejta. [1Tim:5:7] Dan kollu għidhulhom, biex ikunu nies li ħadd ma jsib xejn xi jgħid fihom. [1Tim:5:8] Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-aktar dawk tal-familja tiegħu, dan ċaħad il-fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.

 

[1Tim:5:9] Biex armla tkun magħduda fl-ordni tan-nisa romol ma jridx ikollha inqas minn sittin sena; trid tkun mara ta' raġel wieħed [1Tim:5:10] u tkun tat xhieda ta' l-imġiba tajba tagħha: li tkun rabbiet sewwa 'l uliedha, laqgħet il-barranin, ħaslet riġlejn l-aħwa qaddisin, għenet 'il dawk li huma mħabbta, u tkun tat ruħha għal kull għemil tajjeb. [1Tim:5:11] Imma nisa romol żgħażagħ warrabhom, għax meta jixegħlu b'xewqat li jaqtgħuhom minn Kristu, huma jagħtihom li jiżżewwġu, [1Tim:5:12] u hekk jaqgħu fil-kundanna, għax ikunu kisru  l-ewwel wegħda. [1Tim:5:13] Barra minn dan, jidraw fl-għażż u joqogħdu jiġġerrew minn dar għal oħra; u jsiru mhux biss għażżiena, imma wkoll paċpaċa u fiergħa, u jħollu lsienhom fuq dak li ma għandhomx jgħidu. [1Tim:5:14] Għalhekk in-nisa li jormlu żgħażagħ irridhom jerġgħu jiżżewwġu, inisslu l-ulied u jkollhom dar x'imexxu; u li lill-għadu ma jagħtuh ebda okkażjoni ta' tmaqdir. [1Tim:5:15] Għax hemm xi wħud minnhom li ġa ħarġu barra mit-triq għal wara x-Xitan. [1Tim:5:16] Jekk mara li temmen għandha magħha xi nisa romol, tgħinhom hi, u mhux titgħabba bihom il-knisja, biex il-knisja tgħin lil dawk li huma romol tassew.

 

Il-presbiteri

 

[1Tim:5:17] Il-presbiteri, li jmexxu sewwa, ikun jistħoqqilhom ġieħ għal darbtejn, l-aktar dawk li jagħmlu x-xogħol tax-xandir tal-kelma u  tat-tagħlim. [1Tim:5:18] Għax l-Iskrittura tgħid: "La tqigħedx sarima ma' ħalq il-gendus li jidres," u wkoll: "Il-ħaddiem ħaqqu ħlasu." [1Tim:5:19] Qatt tilqa' akkuża kontra presbiteru jekk mhux fuq ix-xhieda ta' tnejn jew tlieta min-nies. [1Tim:5:20] Lil dawk li jiżbaljaw wissihom quddiem kulħadd, biex l-oħrajn jibżgħu. [1Tim:5:21] Nwissik bil-qawwa kollha quddiem Alla u Kristu Ġesù, u quddiem l-anġli magħżula, biex iżżomm tajjeb dawn il-ħwejjeġ kollha bla ma tħares lejn wiċċ ħadd u bla ma tixxaqleb lejn ħadd. [1Tim:5:22] Tkunx ħafif biex tqiegħed idejk fuq dak li jkun; tisseħibx fid-dnubiet ta' ħaddieħor; żomm ruħek safi!

 

[1Tim:5:23] Tixrobx ilma biss, imma ħu ftit inbid, għax jagħmillek tajjeb għall-istonku u l-mard tiegħek ta' spiss. [1Tim:5:24] Hemm xi wħud li dnubiethom huma magħrufa sa minn qabel ma jsir ħaqq minnhom; oħrajn, iżda, dnubiethom jingħarfu wara. [1Tim:5:25] Hekk ukoll jintgħarfu l-għemejjel it-tajba; u saħansitra dawk li m'humiex magħrufa, ma jistgħux jibqgħu moħbija.

 

6. L-Ilsiera

 

[1Tim:6:1] Dawk li huma lsiera taħt il-madmad iqisu lis-sidien tagħhom bħala nies li jistħoqqilhom kull ġieħ, biex ma jkunux imkasbra l-isem ta' Alla u t-tagħlim. [1Tim:6:2] Dawk imbagħad li s-sidien tagħhom jemmnu ma għandhomx b'daqshekk jonqsuhom għax huma aħwa; anzi għandhom jaqduhom aħjar, għall-ħsieb li dawk li għalihom qegħdin jaħdmu huma nies li jemmnu u għeżież.

 

It-tagħlim falz u l-ġid veru

 

[1Tim:6:3] Min jgħallem ħaġa oħra, min ma joqgħodx għall-kliem utieq ta' Sidna Ġesù Kristu u għat-tagħlim skond it-tjieba, [1Tim:6:4] dan ikun supperv u ma jkun jaf xejn, marid bil-marda tat-tilwim u kliem li ma jġibx ħlief għira u ġlied, tkasbir u suspetti ħżiena; [1Tim:6:5] u tilwim bejn nies ta' moħħhom maqlub u nieqsa mill-verità; u mingħalihom it-tjieba qiegħda għal qligħ il-flus. [1Tim:6:6] It-tjieba fiha qligħ kbir, tassew, għal min hu kuntent b'dak li għandu; [1Tim:6:7] għax aħna xejn ma ġibna   fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; [1Tim:6:8] sakemm għandna x'nieklu u x'nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina. [1Tim:6:9] Imma dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f'ħafna xewqat bla sens u ta' ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien. [1Tim:6:10] Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta' kull ħażen; kien ħtija ta' din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b'niket kbir.

 

Twissijiet lil Timotju

 

[1Tim:6:11] Imma int, bniedem ta' Alla, aħrab dan kollu; fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. [1Tim:6:12] Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta' dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda. [1Tim:6:13] Nwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju Pilatu. [1Tim:6:14] Nwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta' Sidna Ġesù Kristu, [1Tim:6:15] li għad juriha f'waqtha.

 

     Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani, 

     s-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien,

     [1Tim:6:16] li hu biss ma jmut qatt

     u jgħammar f'dawl li ħadd ma jista' jersaq lejh, 

     hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista' jarah. 

     Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Amen.

 

L-għonja nsara

 

[1Tim:6:17] Lil dawk li huma għonja bil-ġid ta' din l-art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-tama tagħhom f'għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f'Alla li jagħtina kollox bix-xaba' biex ingawdu bih; [1Tim:6:18] għidilhom jagħmlu l-ġid, jistagħnu b'opri tajba, li jkunu ġenerużi u jaqsmu ma' l-oħrajn. [1Tim:6:19] Hekk ikunu qegħdin jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għal li ġej, biex bih jiksbu l-ħajja, il-ħajja vera.

 

L-aħħar kelma

 

[1Tim:6:20] Timotju, ħares sewwa dak li kien fdat f'idejk. Aħrab il-kliem profan u fieragħ u l-kontradizzjonijiet ta' l-għerf falz, [1Tim:6:21]  li xi wħud ħaddnuh u tbiegħdu mill-fidi.

 

Il-grazzja magħkom.