L-EWWEL ITTRA TA' SAN PAWL LIT-TESSALONIKIN

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

 

1. Tislima

 

[1Tess:1:1] Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta' Tessalonika f'Alla l-Missier u l-Mulej Ġesł Kristu: grazzja lilkom u sliem.

 

Il-fidi u l-eżempju tat-Tessalonikin

 

[1Tess:1:2] Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu. [1Tess:1:3] Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom f'Sidna Ġesł Kristu quddiem Alla Missierna. [1Tess:1:4] Aħna nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. [1Tess:1:5] Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b'persważjoni sħiħa; intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom. [1Tess:1:6] Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost ħafna taħbit bil-ferħ ta' l-Ispirtu s-Santu. [1Tess:1:7] Hekk intom sirtu mudell għal dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja. [1Tess:1:8] Mhux biss il-kelma tal-Mulej ħarġet minn għandkom u xterdet fil-Maċedonja u l-Akaja, imma l-fidi li għandkom f'Alla xterdet ma' kullimkien b'mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn. [1Tess:1:9] Huma stess jgħidu x'laqgħa kellna għandkom, u kif dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu lil Alla ħaj u veru [1Tess:1:10] u tistennew ġej mis-sema lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesł li ħelisna mill-korla li ġejja.

 

2. Il-qalb ta' Pawlu u l-ħidma tiegħu

[1Tess:2:1] Intom tafu, ħuti, li l-miġja tagħna fostkom ma kinitx għal xejn. [1Tess:2:2] Għalkemm aħna, bħalma tafu, batejna u żebilħuna f'Filippi qabel ma ġejna għandkom, imma għamilna l-qalb f'Alla tagħna, u fost ħafna taħbit xandarnielkom l-Evanġelju ta' Alla. [1Tess:2:3] Il-kliem ta' tħeġġiġ tagħna lilkom la hu ħiereġ mill-għelt, la mill-wiċċ b'ieħor, u lanqas mill-qerq. [1Tess:2:4] Aħna nxandru l-Evanġelju skond ma konna mġarrbin minn Alla qabel ma fdahulna f'idejna; u nfittxu li nogħġbu mhux lill-bnedmin imma lil Alla li jġarrab qlubna. [1Tess:2:5] Kif tafu intom, aħna ma ġejniex inżiegħlu bikom bil-kliem, anqas ma kellna xi ħsieb ta' regħba, kif jista' jixhed Alla. [1Tess:2:6] Aħna ma fittixniex il-glorja tal-bnedmin, la mingħandkom u lanqas mingħand ħaddieħor, [1Tess:2:7] għad li stajna nippretendu ħafna mingħandkom bħala Appostli ta' Kristu; imma ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm tradda' tħaddan lil uliedha. [1Tess:2:8] Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta' Alla imma wkoll ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom. [1Tess:2:9] Intom, ħuti, tiftakru fit-taħbit u t-tbatija kbira tagħna. Sakemm konna qegħdin inxandrulkom l-Evanġelju ta' Alla, aħna ħdimna billejl u binhar, biex lil ħadd minnkom ma ngħabbu. [1Tess:2:10] Tixhdu intom u Alla wkoll, kemm kienet qaddisa, ġusta u bla għajb l-imġiba tagħna magħkom li emmintu. [1Tess:2:11] Aħna, kif tafu, ġibna ruħna ma' kull wieħed minnkom qisna missier ma' wliedu: [1Tess:2:12] farraġniekom, għamilnielkom il-qalb, ħeġġiġniekom ħalli timxu kif hu xieraq quddiem Alla li sejjħilkom għas-saltna u l-glorja tiegħu.

 

[1Tess:2:13] Aħna niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-kelma ta' Alla, li intom smajtu mingħandna, ltqajtuha mhux bħala kelma ta' bniedem, iżda bħala kelma ta' Alla, kif tassew hi, dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu. [1Tess:2:14] Lilkom ġralkom, ħuti, bħalma ġara lill-knejjes li jinsabu fil-Lhudija fi Kristu Ġesł: intom ilkoll sofrejtu min-nies ta' pajjiżkom dak li sofrew huma mingħand il-Lhud. [1Tess:2:15] Dawn qatlu l-Mulej Ġesł u  l-profeti, u lilna wkoll ħaqruna. Huma ma jogħġbux lil Alla, u jobogħdu lill-bnedmin kollha, [1Tess:2:16] għax ma jħalluniex inkellmu lill-pagani biex isalvaw. U hekk jimlew dejjem il-kejl ta' dnubiethom. Imma l-għadab ta' Alla fl-aħħar waqa' fuqhom.

 

Pawlu jixtieq jerġa' jżurhom

 

[1Tess:2:17] Ngħid għalina, ħuti, meta aħna għal xi żmien konna mbiegħda minnkom, mill-għajn u mhux mill-qalb, kemm fittixna biex naraw lil wiċċkom, xewqana għall-aħħar li narawkom! [1Tess:2:18] Għalhekk ridna niġu għandkom, jien, Pawlu, għal darba darbtejn; imma x-xitan fixkilna. [1Tess:2:19] Min hu t-tama tagħna, il-ferħ tagħna, il-kuruna tagħna, il-foħrija tagħna, għal quddiem Sidna Ġesł f'jum il-miġja tiegħu? Intom, u ħadd iżjed. [1Tess:2:20] Intom il-glorja u l-ferħ tagħna!

 

3.  [1Tess:3:1] Fl-aħħar ma stajniex aktar, u qtajnieha li nibqgħu weħidna f'Ateni, [1Tess:3:2] u nibagħtu lil Timotju, ħuna u seħibna fix-xogħol ta' Alla għax-xandir ta' l-Evanġelju ta' Kristu; bgħatnieh iwettaqkom u jagħmlilkom il-qalb fil-fidi tagħkom, [1Tess:3:3] sabiex ħadd minnkom ma jitħarrek fost dan it-tiġrib. Intom stess tafu li aħna għal dan qegħdin; [1Tess:3:4] għaliex meta konna għadna għandkom aħna għednielkom minn qabel li għad irridu nbatu, bħalma ġara u bħalma tafu. [1Tess:3:5] Għalhekk, jien ukoll meta ma flaħtx nissaporti aktar, bgħatt nara kif intom fil-fidi tagħkom, jekk ix-Xitan ġarrabkomx u t-taħbit tiegħi safax fix-xejn.

 

[1Tess:3:6] Issa ġie Timotju għandna mingħandkom u tana l-aħbarijiet tajba dwar il-fidi u l-imħabba tagħkom, u qalilna kif intom għadkom tiftakruna dejjem fil-ġid u kif tixtiequ tarawna bħalma aħna lilkom. [1Tess:3:7] Għalhekk aħna għamilna l-qalb, ħuti, minħabba fikom u l-fidi tagħkom, fin-niket u t-tbatijiet tagħna. [1Tess:3:8] Issa ngħixu għax intom sħaħ fil-Mulej. [1Tess:3:9] Kif nistgħu niżżu ħajr lil Alla għal dan il-ferħ kollu li għandna minħabba fikom quddiem Alla tagħna! [1Tess:3:10] Lejl u nhar nitlob fuq li nitlob biex nara lil wiċċkom u ntemm kull ma jonqos fil-fidi tagħkom.

 

[1Tess:3:11] Mhux li kienu Alla nnifsu, Missierna, u Sidna Ġesł Kristu jwittulna t-triq għal għandkom! [1Tess:3:12] Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom, [1Tess:3:13] ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesł mdawwar bil-qaddisin tiegħu!

 

4. Il-ħajja li jrid Alla

 

[1Tess:4:1] Fl-aħħar, ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f'Sidna Ġesł nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed. [1Tess:4:2] Tafu x'tagħlim tajniekom permezz ta' Sidna Ġesł. [1Tess:4:3] Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-żķna, [1Tess:4:4] u li kull wieħed minnkom iżomm 'il ġismu                       fil-qdusija u l-ġieħ, [1Tess:4:5] u ma jħallix il-passjoni tegħlbu                     bħall-pagani li ma jagħrfux lil Alla. [1Tess:4:6] F'din il-ħaġa ħadd ma għandu jagħmel tort jew ħsara lil ħuh, għax il-Mulej jaf jitħallas ta' dan kollu, kif ġa għednielkom qabel u tajniekom xhieda. [1Tess:4:7] Għax Alla ma sejjħilniex biex ngħixu fiż-żķna, imma fil-qdusija. [1Tess:4:8] Għalhekk min iwarrab dan it-tagħlim, ikun iwarrab mhux lill-bniedem, iżda lil Alla li takom l-Ispirtu qaddis tiegħu.

 

[1Tess:4:9] Fuq l-imħabba ta' l-aħwa ma għandniex għalfejn niktbulkom; intom stess tgħallimtu mingħand Alla kif għandkom tħobbu lil xulxin. [1Tess:4:10] U dan intom qegħdin tagħmluh ma' l-aħwa kollha li jinsabu fil-Maċedonja kollha. Nħeġġukom, ħuti, li tagħmlu iktar minn hekk. [1Tess:4:11] Fittxu li tgħixu fil-kwiet, kulħadd jagħmel li għandu jagħmel u taħdmu b'idejkom, kif ġa għednielkom. [1Tess:4:12] Hekk intom timxu kif jixraq quddiem  il-barranin, u ma jkollkom bżonn ħadd.

 

Il-miġja tal-Mulej

 

[1Tess:4:13] Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti, fuq il-mejtin biex ma ssewwdux qalbkom bħall-oħrajn li ma għandhomx tama. [1Tess:4:14] Jekk aħna nemmnu li Ġesł miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f'Ġesł.

[1Tess:4:15] Dan ngħidulkom fuq il-kelma tal-Mulej, jiġifieri li aħna li nkunu għadna hawn ħajjin għall-miġja tal-Mulej, ma mmorrux qabel dawk li jkunu raqdu. [1Tess:4:16] Għaliex il-Mulej innifsu mal-kmand, mal-leħen ta' l-arkanġlu u t-tromba ta' Alla, jinżel mis-sema, u dawk li jkunu mietu fi Kristu jqumu l-ewwel. [1Tess:4:17] Mbagħad aħna li nkunu ħajjin, li nkunu għadna hawn, ninħatfu magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. Hekk inkunu dejjem mal-Mulej. [1Tess:4:18] Agħmlu  l-qalb lil xulxin b'dan il-kliem.

 

5.  [1Tess:5:1] Dwar il-ħin u ż-żmien, ħuti, ma għandix bżonn niktbilkom. [1Tess:5:2] Intom tafu sewwa li Jum il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel billejl. [1Tess:5:3] Meta kulħadd jibda jgħid: "Sliem u mistrieħ," dak il-ħin stess, bħall-uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda u ma jeħilsu b'xejn. [1Tess:5:4] Ħuti, intom m'intomx fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel. [1Tess:5:5] Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m'aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam. [1Tess:5:6] Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies. [1Tess:5:7] Għax min jorqod, jorqod billejl; u min jisker, jisker billejl. [1Tess:5:8] Ladarba aħna wlied il-jum, ejjew ngħixu bil-qjies, nilbsu l-kurazza tal-fidi u                      l-imħabba, u l-elmu tat-tama tas-salvazzjoni. [1Tess:5:9] Għax Alla ma għażilniex għall-għadab, imma biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta' Sidna Ġesł Kristu, [1Tess:5:10] li miet għalina, sabiex sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu. [1Tess:5:11] Għalhekk farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, kif qegħdin tagħmlu.

L-aħħar kelma u tislijiet

 

[1Tess:5:12] Nitolbukom, ħuti, isimgħu minn dawk li qegħdin jaħdmu f'nofskom, u li l-Mulej qegħedhom fuqkom biex iwissukom. [1Tess:5:13] Għożżuhom u ħobbuhom kemm tifilħu minħabba fil-ħidma tagħhom. Għixu fis-sliem bejnietkom. [1Tess:5:14] Aħna nħeġġukom, ħuti, biex twiddbu lill-għażżenin, tagħmlu l-qalb lill-beżżiegħa, tgħinu lid-dgħajfa, tistabru b'kulħadd. [1Tess:5:15] Qisu li ħadd ma jrodd deni b'deni, imma fittxu dejjem il-ġid ta' xulxin u ta' kulħadd.

 

[1Tess:5:16] Ifirħu dejjem,

[1Tess:5:17] itolbu bla heda,

[1Tess:5:18] iżżu ħajr lil Alla f'kollox.

 

[1Tess:5:19] Ixxekklux l-Ispirtu, [1Tess:5:20] tmaqdrux il-profezija, [1Tess:5:21] ippruvaw kollox; it-tajjeb żommuh, [1Tess:5:22] u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta' ħażen.

 

[1Tess:5:23] U Alla tas-sliem iqaddiskom f'kollox, u jżommkom sħaħ bla mittiefsa fl-ispirtu, fir-ruħ u fil-ġisem, sa ma jiġi Sidna Ġesł Kristu. [1Tess:5:24] Fidil hu Alla li sejjħilkom, u huwa jagħmel dan.  

 

[1Tess:5:25] Ħuti, itolbu wkoll għalina.

[1Tess:5:26] Sellu għall-aħwa kollha b'bewsa qaddisa.

 

[1Tess:5:27] Bil-qawwa kollha nitlobkom f'ġieħ il-Mulej li taqraw din l-ittra lill-aħwa kollha.

 

[1Tess:5:28] Il-grazzja ta' Sidna Ġesł Kristu tkun magħkom.