L-EWWEL ITTRA TA' SAN PAWL LILL-KORINTIN

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

 

1. Tislima

 

[1Kor:1:1] Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta' Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, [1Kor:1:2] lill-knisja ta' Alla li qiegħda f'Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, msejjħa biex ikunu qaddisin flimkien ma' dawk kollha li f'kull pajjiż isejjħu l-isem ta' Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna: [1Kor:1:3] grazzja u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.

 

[1Kor:1:4] Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù; [1Kor:1:5] fih intom stagħnejtu f'kollox, f'kull kelma, f'kull għerf [1Kor:1:6] daqs kemm ix-xhieda ta' Kristu kienet imwettqa fikom. [1Kor:1:7] Għalhekk m'intom nieqsa minn ebda don, intom u tistennew id-dehra ta' Sidna Ġesù Kristu. [1Kor:1:8] Huwa hu li jwettaqkom sa l-aħħar biex tkunu bla ħtija fil-jum ta' Sidna Ġesù Kristu. [1Kor:1:9] Alla jżomm kelmtu, minnu kontu msejħin biex tidħlu fix-xirka ta' Ibnu Sidna Ġesù Kristu.

 

Firdiet fil-Knisja

 

[1Kor:1:10] Nitlobkom, ħuti, f'isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda. [1Kor:1:11] Ħuti, in-nies ta' Kloji qaluli fuqkom li fostkom hemm it-tilwim: [1Kor:1:12] irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid, "Jiena ta' Pawlu," "U jiena ta' Apollo,"               "U jiena ta' Kefa," "U jiena ta' Kristu." [1Kor:1:13] Jaqaw Kristu mifrud? Forsi Pawlu kien li ssallab għalikom jew f'isem Pawlu tgħammidtu? [1Kor:1:14] Niżżi ħajr lil Alla li ma għammidt lil ħadd, ħlief lil Krispu u lil Gaju, [1Kor:1:15] sabiex ħadd ma jgħid li tgħammidtu f'ismi. [1Kor:1:16] Għammidt ukoll lill-familja ta' Stefanas; mill-bqija ma nafx li għammidt lil ħaddieħor. [1Kor:1:17] Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta' Kristu.

 

Kristu l-għerf u l-qawwa ta' Alla

 

[1Kor:1:18] Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta' Alla. [1Kor:1:19] Bħalma hu miktub:

 

     “Neqred l-għerf ta’ l-għorrief;

     nwarrab id-dehen tad-dehnin.”                 

 

[1Kor:1:20] Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-iskriba? Fejn hu l-filosfu ta' din id-dinja? Forsi Alla ma bellahx l-għerf tad-dinja? [1Kor:1:21] U billi, fl-għerf ta' Alla, id-dinja b'għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha  tal-predikazzjoni. [1Kor:1:22] Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, [1Kor:1:23] imma aħna nxandru 'l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; [1Kor:1:24] iżda għal dawk li huma msejjħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta' Alla u l-għerf ta' Alla. [1Kor:1:25] Għax il-bluha ta' Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta' Alla hija aqwa mill-bnedmin.

 

 

[1Kor:1:26] Araw x'intom, li Alla sejjħilkom; għax m'humiex ħafna fostkom li huma għorrief skond il-qjies tad-dinja, m'humiex  ħafna  s-setgħana, m'humiex  ħafna   n-nobbli. [1Kor:1:27] Imma Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; [1Kor:1:28] għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn 'il dawk li huma xi ħaġa. [1Kor:1:29] Hekk ebda bniedem ma jkun jista' jiftaħar quddiem Alla. [1Kor:1:30] Minnu li intom tinsabu fi Kristu Ġesù li sar għalina l-għerf mingħand Alla, ġustizzja, qdusija u fidwa, [1Kor:1:31] biex bħalma hu miktub,"min jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej."

 

2. Nippridkaw lil Kristu msallab

 

[1Kor:2:1] Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta' Alla bi kliem kbir jew għaref. [1Kor:2:2] Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u 'l dan imsallab. [1Kor:2:3] U jiena ġejt għandkom dgħajjef, mbażża' u mriegħed; [1Kor:2:4] il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi ta' l-għerf, imma bil-wiri ta' l-Ispirtu u l-qawwa, [1Kor:2:5] sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta' Alla.

 

L-Ispirtu ta' Alla

 

[1Kor:2:6] Aħna ngħallmu l-għerf fost dawk li huma perfetti, imma mhux l-għerf ta' din id-dinja, anqas l-għerf tal-prinċpijiet ta' din id-dinja, li se jintemmu fix-xejn. [1Kor:2:7] Ngħallmu l-għerf ta' Alla moħbi f'misteru, li Alla fassal qabel iż-żmien għall-glorja tagħna. [1Kor:2:8] Ebda wieħed mill-mexxejja ta' din id-dinja ma għarfu; kieku għarfuh, qatt ma kienu se jsallbu l-Mulej tal-glorja. [1Kor:2:9] Imma, bħalma hu miktub, aħna nħabbru "dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet," u dak li qatt ma tnissel f'qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh. [1Kor:2:10] Alla rrivelahulna permezz ta' l-Ispirtu; għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta' Alla. [1Kor:2:11] Min qatt għaraf dak li hemm moħbi fil-bniedem jekk mhux l-ispirtu tal-bniedem li hemm fih? Hekk ukoll ħadd ma jagħraf dak li hemm f'Alla ħlief l-Ispirtu ta' Alla. [1Kor:2:12] Aħna ma ħadniex l-ispirtu ta' din id-dinja, imma l-Ispirtu ta' Alla, biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina. [1Kor:2:13] Dawn il-ħwejjeġ ħabbarnihomlkom bi kliem li ma tgħallimniehx mill-għerf tal-bnedmin, imma mill-Ispirtu, u fissirna ħwejjeġ spiritwali lil nies spiritwali. [1Kor:2:14] Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ ta' l-Ispirtu ta' Alla; għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista' jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu. [1Kor:2:15] Il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox, u lilu ma jgħarblu ħadd.

 

     [1Kor:2:16] Min hu dak li jista' jifhem il-ħsieb tal-Mulej

     biex ikun jisra’ jgħallmu?

 

Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb ta’ Kristu.

 

3. Ħaddiema lkoll għal Alla

 

[1Kor:3:1] Jien ukoll, ħuti, ma stajtx inkellimkom bħala nies spiritwali, iżda bħala nies tad-demm u l-laħam, bħal trabi fi Kristu. [1Kor:3:2] Ħalib sqejtkom, mhux ikel, għax ma kontux tifilħu għalih, u lanqas issa ma tistgħu għalih, [1Kor:3:3] għaliex għadkom tgħixu skond il-ġisem, la darba fostkom għad hemm l-għira u l-ġlied. Ma għadkomx forsi tgħixu skond il-ġisem, u ma għadkomx timxu ta' bnedmin [1Kor:3:4] meta hemm fostkom min jgħid: 'Jien ta' Pawlu,' u ieħor: 'Jien ta' Apollo'? M'intomx taħsbuha ta' bnedmin? [1Kor:3:5] U min hu Apollo? Min hu Pawlu? Huma l-ministri li permezz tagħhom intom emmintu u kull wieħed minnhom skond ma tah il-Mulej. [1Kor:3:6] Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar. [1Kor:3:7] Għalhekk, la min ħawwel ma hu xejn, u la min saqqa; imma Alla, li kabbar. [1Kor:3:8] Xorta waħda huma dak li ħawwel u dak li saqqa; kull wieħed jieħu l-ħlas li ħaqqu skond ma ħadem. [1Kor:3:9] Aħna ħaddiema ma' Alla; u intom l-għalqa ta' Alla, intom il-bini ta' Alla.

 

[1Kor:3:10] Skond il-grazzja li tani Alla, bħala bennej għaqli, jiena qegħedt il-pedament. Ħaddieħor jibni fuqu; imma jqis kull wieħed kif jibni fuqu. [1Kor:3:11] Pedament ieħor ħadd ma jista' jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu. [1Kor:3:12] Jibni x'jibni dak li jkun fuq dan il-pedament - deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben - [1Kor:3:13] ix-xogħol ta' kulħadd għad jidher; il-Jum għad jurih u n-nar għad jikxfu u jipprova x'jiswa x-xogħol ta' kull wieħed. [1Kor:3:14] Jekk il-bini li wieħed ikun bena jżomm sħiħ, min jagħmlu jieħu ħlasu; [1Kor:3:15] jekk il-bini jinħaraq, ħlasu jitilfu; iżda huwa jsalva, imma jkun għadda minn ġon-nar. [1Kor:3:16] Ma tafux li intom tempju ta' Alla, u li l-Ispirtu ta' Alla jgħammar fikom? [1Kor:3:17] Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta' Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta' Alla, li huwa intom.

 

[1Kor:3:18] Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f'din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. [1Kor:3:19] Għax l-għerf ta' din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub:

 

     “Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom”;

 

     [1Kor:3:20] u terġa':

 

     “Il-Mulej jaf fiergħa huma l-ħsibijiet ta’ l-għorrief.”

 

[1Kor:3:21] Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin; għax kollox hu tagħkom, [1Kor:3:22] sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt sew jekk iż-żmien ta' issa, sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, [1Kor:3:23] u intom ta' Kristu, u Kristu ta' Alla.

 

4. Il-ministeru ta' l-Appostli

 

[1Kor:4:1] In-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta' Kristu u amministraturi tal-misteri ta' Alla. [1Kor:4:2] Issa barra minn dan, l-amministraturi wieħed jistenniehom li jkunu fidili. [1Kor:4:3] Iżda ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin; anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. [1Kor:4:4] Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; iżda mhux b'daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani. [1Kor:4:5] Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej: hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu.

 

[1Kor:4:6] Dan kollu, ħuti, għedtu għalija u għal Apollo minħabba fikom, biex minna intom titgħallmu x'jiġifieri: "Mhux iktar milli hemm miktub,” ħalli ħadd minnkom ma jintefaħ b'wieħed kontra  l-ieħor. [1Kor:4:7] Int, min hu li għażlek? X'għandek li ma ngħatalikx? U jekk ingħatalek, l-għala tiftaħar bħallikieku ma ngħatalek xejn? [1Kor:4:8] Intom ġa mxebbgħin! Intom ġa stagħnejtu! Issaltnu mingħajrna! Jalla ssaltnu ħa nsaltnu aħna wkoll magħkom. [1Kor:4:9] Jien naħseb li lilna l-appostli Alla xeħitna għall-aħħar wara kulħadd bħallikieku telaqna għall-mewt; għax sirna spettaklu għad-dinja, għall-anġli u għall-bnedmin. [1Kor:4:10] Aħna boloh minħabba fi Kristu, intom għaqlin fi Kristu; aħna dgħajfa, u intom qawwija; intom nies tal-ġieħ, aħna bla ġieħ. [1Kor:4:11] Sa issa stess aħna bil-ġuħ u bil-għatx, bilkemm imlibbsa; msawwta u bla dar; [1Kor:4:12] ninkeddu u naħdmu b'idejna stess. Iżebilħuna, u nbierku; jaħqruna, u nistabru; [1Kor:4:13] jgħidu fuqna, u nwieġbu bil-ħlewwa. Sirna qisna l-knis tad-dinja, ir-rimi ta' kulħadd sa llum.

 

[1Kor:4:14] M'iniex nikteb dan biex inħammrilkom wiċċkom, imma biex inwiddibkom, bħal uliedi għeżież. [1Kor:4:15] Għax jekk għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu, ma għandkomx ħafna missirijiet; għax jiena hu li, bl-Evanġelju, nissiltkom fi Kristu Ġesù. [1Kor:4:16] Bil-qawwa kollha nitlobkom: ixbhu lili. [1Kor:4:17] Għalhekk bgħattilkom lil Timotju, ibni l-għażiż u fidil fil-Mulej; huwa jfakkarkom fl-imġiba tiegħi fi Kristu Ġesù kif ngħallem f'kull Knisja kullimkien. [1Kor:4:18] Xi wħud tkabbru, bħallikieku m'iniex ġej għandkom. [1Kor:4:19] Imma ma ndumx ma niġi, jekk il-Mulej irid, u nkun naf mhux it-tpaċpiċ tagħhom, iżda x'qawwa għandhom dawn  l-imkabbrin. [1Kor:4:20] Għax is-Saltna ta' Alla m'hijiex fit-tpaċpiċ, imma fil-qawwa. [1Kor:4:21] Xi tridu? Niġi għandkom bil-bastun, jew  bl-imħabba u bl-ispirtu tal-ħlewwa?

 

5. Kundanna taż-żína

 

[1Kor:5:1] Kulħadd sama' li hemm iż-żína fostkom, u żína li anqas issibha fost il-pagani; jiġifieri li wieħed ikollu l-mara ta' missieru! [1Kor:5:2] U intom titkabbru! U mhux aħjar li bkejtu, biex dak li għamel dan il-ħażen jitwarrab minn fostkom? [1Kor:5:3] Jiena, ngħid għalija, mbiegħed mill-ġisem imma magħkom bl-ispirtu, ġa għamilt ħaqq minn min għamel dan, bħallikieku kont fostkom, [1Kor:5:4] fl-isem ta' Sidna Ġesù. Meta tiltaqgħu fil-ġemgħa, intom u l-ispirtu tiegħi bil-qawwa ta' Sidna Ġesù [1Kor:5:5] itilqu lil dan il-bniedem f'idejn ix-Xitan għall-qerda ta' ġismu, biex ruħu tkun salva f'Jum il-Mulej. [1Kor:5:6] Xejn ma hu sabiħ il-ftaħir tagħkom! Ma tafux li ftit ħmira ttalla' l-għaġna kollha? [1Kor:5:7] Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf ta' l-Għid tagħna, li hu Kristu, hu maqtul. [1Kor:5:8] Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa u tas-sewwa.

 

[1Kor:5:9] Ktibtilkom fl-ittra li ma tagħmluhiex maż-żienja; [1Kor:5:10] mhux li ma jkollkom xejn x'taqsmu maż-żienja ta' din id-dinja, mar-rgħiba, jew ħallelin, jew idolatri; għax inkella jkollkom toħorġu mid-dinja. [1Kor:5:11] Imma bħalissa qiegħed niktbilkom biex ma tagħmluhiex ma' min jissejjaħ ħukom u jkun hu żieni, rgħib, idolatra jew insolenti, sikran jew ħalliel: ma' dan lanqas biss tieklu ma għandkom. [1Kor:5:12] Jaqaw jien għandi nagħmel ħaqq mill-barranin? M'hux minn dawk ta' ġewwa tagħmlu intom il-ħaqq? [1Kor:5:13] Il-barranin jagħmel ħaqq minnhom Alla. Neħħu  l-bniedem il-ħażin minn ġo nofskom.

 

6. Quddiem il-qrati pagani

 

[1Kor:6:1] Hemm xi ħadd fostkom li, meta jkollu xi jgħid ma' ħaddieħor, għandu l-ħila jfittex il-ġustizzja għand il-pagani u mhux għand il-qaddisin? [1Kor:6:2] Jaqaw ma tafux li l-qaddisin għad jagħmlu ħaqq mid-dinja? U jekk id-dinja għad irid isirilha ħaqq minnkom, ma jixirqilkomx intom tagħmlu ħaqq minn ħwejjeġ ta' xejn? [1Kor:6:3] Ma tafux li aħna għad nagħmlu ħaqq mill-anġli? Kemm iktar, mela,  mill-ħwejjeġ ta' din il-ħajja! [1Kor:6:4] Mela, meta intom ikollkom xi tgħidu bejnietkom fuq ħwejjeġ ta' din il-ħajja, tqegħdux imħallfin lil dawk li huma mistmerra mill-Knisja! [1Kor:6:5] Dan qiegħed ngħidu għall-mistħija tagħkom; jaqaw ma għandkomx fostkom xi ħadd għaref li jista' jagħmel ħaqq bejn l-aħwa? [1Kor:6:6] Imma l-aħwa jħarrku 'l xulxin, u dan quddiem il-pagani! [1Kor:6:7] U m'hux ġa nuqqas għalikom li jkollkom kawżi bejnietkom? L-għala ma ssofrux l-inġustizzja? L-għala ma tagħżlux li tħallu min iqarraq bikom? [1Kor:6:8] Mhux dan biss, imma l-inġustizzja tagħmluha intom stess, u tqarrqu bl-oħrajn, u dan lil ħutkom! [1Kor:6:9] Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna ta' Alla? La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, [1Kor:6:10] la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna ta' Alla! [1Kor:6:11] U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta' Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu ta' Alla tagħna.

 

Sebbħu lil Alla b'ġisimkom

 

[1Kor:6:12] "Kollox jiswa għalija," iżda mhux kollox jaqbel. "Kollox jiswa għalija," iżda ma nħalli 'l xejn jaħkimni. [1Kor:6:13] "L-ikel għall-istonku, u l-istonku għall-ikel." Imma Alla jeqred sew lil wieħed sew lil ieħor. Il-ġisem m'huwiex għaż-żína iżda għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem. [1Kor:6:14] U Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa tiegħu. [1Kor:6:15] Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta' Kristu? Jaqaw għandi nagħmel mill-membri ta' Kristu membri ta' mara żienja? Ma jkun qatt! [1Kor:6:16] Ma tafux li min jingħaqad ma' mara żienja jsir ġisem wieħed magħha? Isiru, kif tgħid l-Iskrittura, it-tnejn ġisem wieħed. [1Kor:6:17] Min jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu. [1Kor:6:18] Aħarbu ż-żína! Kull dnub li wieħed jagħmel hu 'l barra minn ġismu, iżda min jagħmel iż-żína jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess. [1Kor:6:19] Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju ta' l-Ispirtu s-Santu, li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m'intomx tagħkom infuskom? [1Kor:6:20] Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta' ġisimkom.

 

7. Il-ħajja tal-miżżewwġin

 

[1Kor:7:1] Issa ngħidu xi ħaġa fuq li ktibtuli: tajjeb li raġel ma jmissx mara; [1Kor:7:2] imma minħabba ż-żína kull wieħed għandu jkollu martu u kull mara jkollha żewġha. [1Kor:7:3] Ir-raġel għandu jagħti lil martu li jmissha; hekk ukoll il-mara lil żewġha. [1Kor:7:4] Il-mara ma għandhiex dritt fuq ġisimha, iżda żewġha fuqha; hekk ukoll ir-raġel ma għandux dritt fuq ġismu, iżda martu fuqu. [1Kor:7:5] Iċċaħħdux lil xulxin minn xulxin, jekk ma tkunux ftehemtu minn qabel għal xi żmien, biex tagħtu ruħkom għat-talb u mbagħad terġgħu bħalma kontu qabel sabiex ma jittantakomx ix-Xitan jekk ma tkunux tifilħu żżommu. [1Kor:7:6] Dan qiegħed ngħidu bħala konċessjoni, u mhux b'ordni. [1Kor:7:7] Irrid li kulħadd ikun bħali; iżda kull wieħed għandu d-don tiegħu mingħand Alla: min ħaġa u min oħra.

 

[1Kor:7:8] Lil dawk li m'humiex miżżewwġa jew huma romol, ngħidilhom li jkun tajjeb għalihom li jibqgħu bħali. [1Kor:7:9] Jekk imbagħad ma jifilħux jaħkmu lilhom infushom, ħalli jiżżewwġu; aħjar wieħed jiżżewweġ milli jinħaraq bil-passjoni. [1Kor:7:10] Lil dawk li huma miżżewwġin nordnalhom, mhux jien, iżda l-Mulej, li l-mara ma għandhiex tħalli lil żewġha - [1Kor:7:11] jekk tiġi li tħallih, għandha tibqa' bla tiżżewweġ jew terġa' tagħmel paċi ma' żewġha - u  r-raġel ma għandux jitlaq lil martu.

 

[1Kor:7:12] Lill-oħrajn ngħidilhom jien, mhux il-Mulej: jekk wieħed mill-aħwa għandu martu ma temminx, u hi jogħġobha tgħammar miegħu, ma għandux jitlaqha. [1Kor:7:13] U            l-mara, jekk għandha żewġha ma jemminx, u dan jogħġbu jgħammar magħha, ma għandhiex titilqu. [1Kor:7:14] Ir-raġel li ma jemminx jitqaddes permezz ta' martu, u l-mara li ma temminx titqaddes b'ħuha. Inkella wliedkom ikunu mniġġsa, iżda issa huma qaddisin. [1Kor:7:15] Jekk imbagħad min mit-tnejn ma jemminx, ħa jitlaq; l-aħwa nsara, rġiel jew nisa, f'dan il-każ m'humiex marbuta. Għax Alla sejjħilkom biex tgħixu fis-sliem. [1Kor:7:16] Tafx int, mara, jekk issalvax lil żewġek, jew int, raġel, jekk issalvax lil martek?

 

Il-ħajja li l-Mulej għażlilna

 

[1Kor:7:17] Mill-bqija, kull wieħed jibqa' fl-istat li l-Mulej kien tah meta sejjaħlu Alla. Hekk qiegħed nordna fil-knejjes kollha. [1Kor:7:18] Kellu xi ħadd iċ-ċirkonċiżjoni meta kien imsejjaħ? Ma għandux ineħħi l-marki tagħha; xi ħadd kien bla ċirkonċiżjoni? Ma jfittixx li jagħmilha. [1Kor:7:19] Iċ-ċirkonċiżjoni ma hi xejn; biha u mingħajrha xorta waħda; li jgħodd hu l-ħarsien tal-kmandamenti ta' Alla. [1Kor:7:20] Ħalli kulħadd jibqa' fl-istat li kien meta kien imsejjaħ. [1Kor:7:21] Kont ilsir meta kont imsejjaħ, tħabbilx rasek; eħles jekk tista', imma fittex l-aħjar. [1Kor:7:22] Dak li kien ilsir meta sejjaħlu l-Mulej, issa hu bniedem ħieles fil-Mulej. Hekk ukoll, jekk wieħed kien imsejjaħ meta kien ħieles, issa hu lsir ta' Kristu. [1Kor:7:23] Intom mixtrija bi prezz għoli; tkunux issa lsiera               tal-bnedmin. [1Kor:7:24] Ħuti, ħalli jibqa' kulħadd quddiem Alla kif kien meta kien imsejjaħ.

Ix-xebbiet u r-romol

 

[1Kor:7:25] Dwar dawk li m'humiex miżżewwġin, ma għandi ebda preċett mill-Mulej, iżda nagħtikom parir bħala wieħed li, għall-ħniena tal-Mulej, hu bniedem ta' fiduċja. [1Kor:7:26] Jidhirli, mela, li, minħabba t-taħbit ta' llum, ikun sewwa għal dak li jkun jekk jibqa' kif inhu. [1Kor:7:27] Inti marbut ma' mara? Tfittixx li tinħall. Maħlul minn mara? Tfittixx mara. [1Kor:7:28] Imma wkoll jekk tiżżewweġ, ma tidnibx; anqas jekk xebba tiżżewweġ, ma tidneb. Nies bħal dawn ikollhom it-taħbit tal-ħajja, u jiena rrid kieku neħliskom minnu.

 

[1Kor:7:29] Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; [1Kor:7:30] dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; [1Kor:7:31] dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta' din id-dinja għad tgħaddi! [1Kor:7:32] Iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej. [1Kor:7:33] Min hu miżżewweġ, ħsiebu           fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, [1Kor:7:34] u hu mifrud fih innifsu. Hekk ukoll il-mara mhix miżżewwġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu qaddisa f'ġisimhom u f'ruħhom. Iżda l-mara miżżewwġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha. [1Kor:7:35] Dan qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid ta' moħħ.

 

[1Kor:7:36] Imma jekk xi ħadd iħoss li m'huwiex miexi sewwa max-xebba li għandu miegħu minħabba l-passjoni qawwija tiegħu, u jħoss il-bżonn li jsir hekk, jagħmel li jogħġbu u ma jagħmel xejn ħażin: ħa jiżżewwġu. [1Kor:7:37] Imma min, jekk ikun sħiħ fil-fehma tiegħu u ma jkunx magħfus mill-bżonn u għandu l-ħila jimxi skond ir-rieda tiegħu u jkun qatagħha li jżomm ix-xebba miegħu, jagħmel ħaġa tajba. [1Kor:7:38] Hekk min jiżżewweġ ix-xebba li għandu miegħu jagħmel tajjeb; min ma jiżżewwiġhiex jagħmel aħjar. [1Kor:7:39] Il-mara tibqa' marbuta ma' żewġha sakemm jibqa' ħaj. Iżda jekk żewġha jmut tkun ħielsa u tkun tista' terġa' tiżżewweġ lil min trid, basta fil-Mulej. [1Kor:7:40] Skond il-fehma tiegħi tkun iktar hienja jekk tibqa' kif tkun; u jien naħseb li jien ukoll għandi  l-Ispirtu ta' Alla.

 

8. L-offerti lill-idoli

 

[1Kor:8:1] Issa dwar il-laħam offert lill-idoli: nafu li lkoll għandna l-għerf; imma l-għerf jonfoħna; l-imħabba tibnina. [1Kor:8:2] Jekk xi ħadd jidhirlu li jaf xi ħaġa, għadu ma fehemx kif għandu jkun jaf. [1Kor:8:3] Jekk xi ħadd iħobb lil Alla, lil dan Alla jagħrfu.

 

[1Kor:8:4] Mela dwar l-ikel  tal-laħam offert lill-idoli: naf li l-idolu m'hu xejn fid-dinja; ħadd m'hu alla ħlief wieħed. [1Kor:8:5] Mqar jekk hemm l-hekk imsejjħa allat sew  fis-sema sew fl-art, - u tassew hemm ħafna allat u ħafna sidien - [1Kor:8:6] għalina Alla wieħed hemm: il-Missier li minnu ġej kollox u aħna bih neżistu, u wieħed Mulej: Ġesù Kristu, li permezz tiegħu sar kollox u aħna għalih neżistu. [1Kor:8:7] Iżda mhux kulħadd għandu l-għerf. Xi wħud, billi kienu mdorrija bl-idoli, jieklu l-laħam bħallikieku kien offert lill-idoli; u billi tkun dgħajfa, il-kuxjenza tagħhom tittabba.'  [1Kor:8:8] L-ikel ma jressaqniex lejn Alla. La sa nnaqqsu jekk nieklu, u lanqas sa nżidu jekk ma niklux. [1Kor:8:9] Qisu li l-libertà tagħkom ma tkunx ta' tfixkil għad-dgħajfa. [1Kor:8:10] Jekk xi ħadd jara lilek, li int għaref, fuq il-mejda fit-tempju ta' l-idolu, ma jidhirlekx li fil-kuxjenza tiegħu dgħajfa jitħajjar jiekol l-ikel offert  lill-idoli? [1Kor:8:11] Mela bl-għerf tiegħek jiġġarraf id-dgħajjef, ħuk, li għalih miet Kristu. [1Kor:8:12] Meta intom tidinbu b'dan il-mod kontra ħutkom u tfieru l-kuxjenza dgħajfa tagħhom, kontra Kristu tkunu tidinbu. [1Kor:8:13] Mela jekk l-ikel jiskandalizza lil ħija, ma niekol qatt iżjed laħam biex ma niskandalizzax lil ħija.

 

9. Id-dritt ta' l-appostlu għall-għajxien

 

 [1Kor:9:1] Jaqaw m'iniex ħieles jien? M'iniex appostlu? Ma rajtx lil Sidna Ġesù? M'intomx intom l-opra tiegħi fil-Mulej? [1Kor:9:2] Ukoll jekk stess għal ħaddieħor jien m'iniex appostlu, għalikom jien. Għax is-siġill ta'  l-appostolat tiegħi huwa intom stess fil-Mulej.

 

[1Kor:9:3] Quddiem dawk li jakkużawni, id-difiża tiegħi hi din: [1Kor:9:4] ma għandniex il-jedd li nieklu u nixorbu? [1Kor:9:5] Ma għandniex id-dritt li jkollna mara nisranija magħna bħall-appostli l-oħra u l-aħwa tal-Mulej u Kefa? [1Kor:9:6] Jaqaw jien u Barnaba biss ma għandniex id-dritt li ma naħdmux? [1Kor:9:7] Min qatt imur suldat u jħallas l-ispejjeż hu? Min iħawwel dielja u ma jikolx il-frott minnha hu? Min jirgħa l-merħla u ma jixrobx il-ħalib tagħha hu? [1Kor:9:8] M'iniex ngħid dan bl-awtorità ta' bniedem. M'hux il-liġi stess tgħidu dan? [1Kor:9:9] Fil-Liġi ta' Mosè hemm miktub: "Tagħmilx is-sarima f'ħalq il-gendus li jkun jidres." Jaqaw Alla ħsiebu fil-gniedes? [1Kor:9:10] M'hux għalina biss qiegħed jgħid? Minħabba fina żgur inkiteb dan, biex min jaħrat, jaħrat bit-tama; u min jidres, jidres bit-tama li jkollu sehmu. [1Kor:9:11] Jekk aħna żrajna fostkom il-ħwejjeġ spiritwali, ħaġa kbira jekk naħsdu minn għandkom  il-ħwejjeġ materjali? [1Kor:9:12] Jekk l-oħrajn għandhom id-dritt li jaqsmu ħwejjiġkom magħkom, mhux aktar minnhom aħna?

 

[1Kor:9:13] Ma tafux li min iservi fit-tempju jiekol mit-tempju, u dawk li jservu l-artal jaqsmu ma' l-artal? [1Kor:9:14] Hekk ukoll il-Mulej ordna li dawk li jxandru l-Evanġelju jgħixu mill-Evanġelju. [1Kor:9:15] Jien iżda ma nqdejt bl-ebda wieħed minn dawn id-drittijiet. Ma ktibtx dan biex ninqeda bihom issa. Aħjar għalija li mmut milli... Ħadd ma hu sa jġibli fix-xejn               il-ftaħir tiegħi. [1Kor:9:16] Jekk jiena nxandar l-Evanġelju ma għandix biex niftaħar; jien obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju. [1Kor:9:17] Jekk dan nagħmlu minn rajja, ikolli dritt għall-ħlas; imma jekk nagħmlu għax obbligat, dan ifisser li qiegħed nagħmel ix-xogħol li Alla fdali f'idejja. [1Kor:9:18] X'inhu mela l-ħlas tiegħi? Li meta nxandar l-Evanġelju, nxandru b'xejn, bla ma nfittex id-dritt li jagħtini l-Evanġelju stess.

 

[1Kor:9:19] Għax għad li ma jiena marbut ma' ħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta' kulħadd biex nirbaħ lil ħafna. [1Kor:9:20] Mal-Lhud, sirt Lhudi, biex nirbaħ il-Lhud; ma' dawk li huma taħt il-Liġi, qgħadt taħt il-Liġi - jien li m'iniex taħt il-Liġi - biex nirbaħ lil dawk li huma taħt il-Liġi. [1Kor:9:21] Bla Liġi ma' dawk li huma mingħajrha - mhux għax jien bla liġi ta' Alla, għax Kristu hu l-liġi tiegħi - biex nirbaħ lil dawk li huma barra l-Liġi. [1Kor:9:22] Sirt dgħajjef               mad-dgħajfin, biex nirbaħ id-dgħajfin. Sirt kollox ma' kulħadd, biex insalva lil kulħadd. [1Kor:9:23] Nagħmel dan kollu minħabba l-Evanġelju biex ikolli sehem minnu. [1Kor:9:24] Ma tafux li l-ġerrejja fl-istadju kollha jiġru, imma l-premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh. [1Kor:9:25] Kull atleta jiċċaħħad minn kollox, u dawn biex jirbħu kuruna midbiela, imma aħna, waħda li ma tidbielx. [1Kor:9:26] Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-addoċċ; ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-vojt. [1Kor:9:27] Iżda ngħakkes bl-aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippridkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat.

 

10. L-idolatrija

 

[1Kor:10:1] Għax ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti: missirijietna lkoll kienu taħt is-sħaba, lkoll qasmu l-baħar, [1Kor:10:2] lkoll kienu mgħammda f'Mosè fis-sħaba u fil-baħar, [1Kor:10:3] lkoll kielu mill-istess ikel spiritwali - [1Kor:10:4] xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu - [1Kor:10:5] madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert. [1Kor:10:6] Dan ġara b'eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma. [1Kor:10:7] Tmorrux wara l-allat foloz, kif għamlu xi wħud minnhom, bħalma hemm miktub: "Il-poplu qagħad bilqiegħda jiekol u jixrob, u qamu jixxalaw." [1Kor:10:8] Anqas ma għandna niżnu, kif xi wħud minnhom żnew, u f'jum wieħed mietu tlieta u għoxrin elf ruħ. [1Kor:10:9] Anqas ma għandna nġarrbu l-Mulej, kif xi wħud minnhom ġarrbuh, u qerduhom is-sriep. [1Kor:10:10] Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-qerried. [1Kor:10:11] Dan kollu ġralhom b'eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-żminijiet. [1Kor:10:12] Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax. [1Kor:10:13] S'issa ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom  il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.

 

L-Ewkaristija

 

[1Kor:10:14] Għeżież tiegħi, aħarbu l-allat foloz. [1Kor:10:15] Lil nies għaqlin qiegħed inkellem; għarblu intom kull ma ngħid. [1Kor:10:16]  Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka m'huwiex għaqda mad-demm ta' Kristu? U l-ħobż li naqsmu m'huwiex għaqda mal-ġisem ta' Kristu? [1Kor:10:17] Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; lkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda. [1Kor:10:18] Ħarsu lejn Iżrael skond il-ġisem. Dawk li jieklu  l-vittmi m'humiex f'għaqda ma' l-artal? [1Kor:10:19] X'irrid ngħid? Li l-ikel mogħti lill-allat foloz jiswa xi ħaġa? Jew li l-idoli huma xi ħaġa? [1Kor:10:20] Ngħid li s-sagrifiċċji li joffru l-pagani, lid-demonji joffruhom u mhux lil Alla; u jien ma rridx li intom tidħlu f'għaqda mad-demonji. [1Kor:10:21] Ma tistgħux tixorbu x-xorb tal-Mulej u  x-xorb tad-demonji; ma tistgħux taqsmu fil-Mejda tal-Mulej u fil-mejda tad-demonji. [1Kor:10:22] Jew se nqajjmu l-għira tal-Mulej? Jaqaw aħna aqwa minnu?

 

Kollox għall-glorja ta' Alla

 

[1Kor:10:23] Kollox hu sewwa, iżda mhux kollox jaqbel; kollox jiswa, iżda mhux kollox jedifika. [1Kor:10:24] Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor. [1Kor:10:25] Kollox tistgħu tixtru u tieklu mis-suq  tal-laħam, bla ma tqisu xejn fil-kuxjenza tagħkom: [1Kor:10:26] "l-art b'kull ma hemm fiha hi tal-Mulej."

 

[1Kor:10:27] Jekk xi ħadd li ma jemminx jistedinkom, jekk tridu, morru; kulu kull ma jkun lestielkom bla ma tqisu xejn fil-kuxjenza tagħkom. [1Kor:10:28] Jekk xi ħadd jgħidilkom: 'Dan kien offert lill-idoli,' allura tiklux minn dak l-ikel, minħabba dak li wissiek u minħabba l-kuxjenza; [1Kor:10:29] irrid ngħid, mhux il-kuxjenza tiegħek, imma ta' dak l-ieħor. Għaliex il-libertà tiegħi għandha tkun imxekkla mill-kuxjenza ta' ħaddieħor? [1Kor:10:30] Jekk jien niekol b'radd il-ħajr, għaliex għandi nkun mgħajjar b'dak li jien inrodd ħajr? [1Kor:10:31] Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x'tagħmlu, agħmlu kollox għall-glorja ta' Alla. [1Kor:10:32] Tkunux ta' tfixkil, la għal-Lhud, la għall-Griegi, u lanqas għall-Knisja ta' Alla. [1Kor:10:33] Hekk jiena nogħġob lil kulħadd f'kollox, bla ma nfittex l-interessi tiegħi, imma tal-ħafna biex isalvaw.

 

11.  [1Kor:11:1] Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu.

In-nisa fil-laqgħat tal-Knisja

 

[1Kor:11:2] Nfaħħarkom għax tiftakru dejjem fija u żżommu                            t-tradizzjonijiet li jien għaddejtilkom. [1Kor:11:3] Irridkom tkunu tafu li  r-ras ta' kull raġel huwa Kristu, u ras il-mara huwa r-raġel, u ras Kristu hu Alla. [1Kor:11:4] Kull raġel li jitlob jew jipprofetizza b'rasu mgħottija jagħmel għajb lil rasu. [1Kor:11:5] Kull mara li titlob jew tipprofetizza b'rasha mikxufa tagħmel għajb lil rasha; l-istess bħallikieku kellha xagħarha maqtugħ. [1Kor:11:6] Jekk il-mara ma tgħattix rasha, ħalliha taqta' xagħarha. Jekk hu għajb għall-mara li taqta' jew tqaxxar xagħarha, ħalliha tgħatti rasha.

 

[1Kor:11:7] Raġel ma jixraqlux jgħatti rasu, għax hu xbieha u glorja ta' Alla; il-mara hi l-glorja tar-raġel. [1Kor:11:8] Mhux ir-raġel ġej mill-mara, imma l-mara ġejja mir-raġel. [1Kor:11:9] U mhux ir-raġel li kien maħluq għall-mara, imma l-mara li kienet maħluqa għar-raġel. [1Kor:11:10] Għalhekk il-mara għandha tinsatar biex turi li hemm is-setgħa ta' żewġha fuqha minħabba l-anġli. [1Kor:11:11] Imma la l-mara ma hi mingħajr ir-raġel u lanqas ir-raġel mingħajr il-mara fil-Mulej. [1Kor:11:12] Kif il-mara saret mir-raġel, hekk ir-raġel sar permezz tal-mara. Kollox imbagħad minn Alla. [1Kor:11:13] Iġġudikaw intom! Jixraq li mara titlob xuxa lil Alla? [1Kor:11:14] Jaqaw ma tgħallimniex in-natura stess li x-xagħar twil hu għajb għar-raġel, [1Kor:11:15] imma għall-mara x-xagħar twil hu ġmielha?  Ix-xagħar twil ngħata lilha bħala velu. [1Kor:11:16] Jekk xi ħadd irid jitlewwem fuq dan, ngħidulu: aħna ma aħniex imdorrijin hekk u lanqas  il-knejjes ta' Alla.

Abbużi fil-laqgħat tal-Knisja

 

[1Kor:11:17] F'li sa ngħidilkom ma nfaħħarkomx! Għax intom tiltaqgħu mhux għall-ġid imma għad-deni. [1Kor:11:18] Qabel xejn, kull meta tiltaqgħu fil-knisja smajt li hemm firda bejnietkom, u xi ħaġa nemmen. [1Kor:11:19] Għandu jkun hemm firdiet, biex jidhru fostkom  il-ġusti. [1Kor:11:20] Meta tiltaqgħu f'post wieħed mhux l-ikla tal-Mulej li intom tieklu. [1Kor:11:21] Għax kull wieħed minnkom iġib, jaqbad u jiekol l-ikel tiegħu; wieħed bil-ġuħ u l-ieħor fis-sakra. [1Kor:11:22] Ma għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew tridu twaqqgħu fl-għajb il-Knisja ta' Alla u ġġiegħlu jistħu lil dawk li ma għandhomx? X'ngħidilkom? Nfaħħarkom? F'dan ma nfaħħarkomx.

 

It-twaqqif ta' l-Ewkaristija

 

[1Kor:11:23] Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż [1Kor:11:24] u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b'tifkira tiegħi." [1Kor:11:25] Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: "Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b'demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b'tifkira tiegħi." [1Kor:11:26] Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

 

Tqarbin ħażin

 

[1Kor:11:27] Mela kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej. [1Kor:11:28] Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, mbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi. [1Kor:11:29] Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess. [1Kor:11:30] Għalhekk ħafna fostkom huma bla saħħa u morda u oħrajn mejta. [1Kor:11:31] Jekk aħna ngħarblu lilna nfusna sewwa, ma nkunux ikkundannati. [1Kor:11:32] Meta jagħmel ħaqq minna l-Mulej, jagħmlu biex iwiddibna ħalli ma nkunux ikkundannati mad-dinja. [1Kor:11:33] Għalhekk mela, ħuti, meta tiltaqgħu biex tieklu, stennew lil xulxin. [1Kor:11:34] Jekk xi ħadd ikun bil-ġuħ ħa jiekol id-dar; biex ma tkunux iltqajtu għall-kundanna tagħkom. Mill-bqija, meta niġi ngħidilkom x'għandkom tagħmlu.

 

12. Id-doni spiritwali

 

[1Kor:12:1] Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, dwar id-doni ta' l-Ispirtu. [1Kor:12:2] Tafu li, meta kontu pagani, intom kontu mkaxkrin lejn l-idoli li ma jitkellmux, bla ma biss kontu tafu. [1Kor:12:3] Għalhekk ngħidilkom li ħadd, hu u jitkellem bl-Ispirtu ta' Alla, ma jista' jgħid: "Misħut Ġesù,” u ħadd ma jista' jgħid: "Ġesù hu l-Mulej" jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu.

 

[1Kor:12:4] Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; [1Kor:12:5] hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; [1Kor:12:6] hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f'kulħadd. [1Kor:12:7] Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni ta' l-Ispirtu għall-ġid ta' kulħadd: lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu; [1Kor:12:8] lil ieħor il-kelma tas-sapjenza     mill-istess Spirtu; [1Kor:12:9] lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; [1Kor:12:10] lil ieħor is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don ta' l-għażla ta' l-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir ta' l-ilsna. [1Kor:12:11] Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.

 

Membri ta' ġisem wieħed

 

[1Kor:12:12] Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. [1Kor:12:13] Għax aħna wkoll, lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.

 

[1Kor:12:14] Issa l-ġisem m'huwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. [1Kor:12:15] Kieku s-sieq kellha tgħid: "Ladarba m'iniex l-id, jien m'iniex biċċa mill-ġisem," b'daqshekk m'hijiex parti mill-ġisem? [1Kor:12:16] U kieku l-widna kellha tgħid: "Ladarba m'iniex l-għajn, jien m'iniex biċċa mill-ġisem,” ma jkunx ifisser b'daqshekk li hi m'hijiex biċċa mill-ġisem.

 

[1Kor:12:17] Kieku l-ġisem kollu kien għajn, fejn kien ikun is-smigħ? U kieku kien kollu smigħ, fejn kien ikun ix-xamm? [1Kor:12:18] Iżda Alla qiegħed il-membri fil-ġisem kull wieħed f'postu, kif għoġbu hu. [1Kor:12:19] Kieku kollha kellhom ikunu membru wieħed, fejn hu l-ġisem? [1Kor:12:20] Imma ħafna, iva, huma l-membri, iżda wieħed hu l-ġisem. [1Kor:12:21] L-għajn ma tistax tgħid lill-id: "Jiena ma għandix bżonnok,” anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: "Ma għandix bżonnkom.” [1Kor:12:22] Mhux hekk biss, imma  l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar meħtieġa; [1Kor:12:23] u dawk li nqisu bl-inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn  l-aktar li nieħdu ħsiebhom; u 'l dawk li ma għandhomx ġmiel, nlibbsuhom b'aktar ġmiel; [1Kor:12:24] għax il-membri sbieħ ma għandhom bżonn xejn. Alla imma bena l-ġisem b'mod li żejjen b'aktar ġieħ lil dawk li jeħtiġuh l-aktar. [1Kor:12:25] B'hekk ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f'xulxin; [1Kor:12:26] jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu.

 

[1Kor:12:27] Intom il-ġisem ta' Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu. [1Kor:12:28] Lil xi wħud Alla qegħedhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema. Mbagħad id-don tal-mirakli, mbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don ta' ilsna diversi. [1Kor:12:29] Jaqaw ilkoll appostli? Lkoll profeti? Lkoll għalliema? Lkoll bid-don tal-mirakli? [1Kor:12:30] Lkoll għandhom id-don tal-fejqan? Lkoll jitkellmu bl-ilsna? Lkoll ifissru? [1Kor:12:31] Intom ħabirku għal doni ogħla.

 

13. Il-glorja ta' l-imħabba

Imma jien nurikom triq li tgħaddihom ilkoll.

 

[1Kor:13:1] Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u ta' l-      anġli bla ma kelli l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku.

 

     [1Kor:13:2] U kieku kelli d-don tal-profezija u kont naf il-  

     misteri kollha u l-għerf kollu,

     kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji,

     imma ma kellix imħabba, jiena ma kont inkun xejn.

     [1Kor:13:3] U kieku kelli nqassam ġidi kollu fil-karità

     u nagħti ġismi għall-ħruq

     bla ma jkolli mħabba,

     xejn ma jkun jiswieli ta' ġid.

     [1Kor:13:4] L-imħabba taf tistabar u tħenn;

     l-imħabba m'hijiex għajjura, ma tintefaħx

     biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn;

     [1Kor:13:5] ma tagħmilx dak li m'hux xieraq; ma tfittixx

     dak li hu  tagħha,

     xejn ma tinkorla; ma żżommx f'qalbha għad-deni,

     [1Kor:13:6] ma tifraħx bl-inġustizzja,

     imma tifraħ bil-verità;

     [1Kor:13:7] kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama,

     kollox tissaporti.

     [1Kor:13:8] L-imħabba ma tintemm qatt.

     Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf.

     [1Kor:13:9] Għalissa nafu biċċa,

     u l-profezija tagħna hi nieqsa;

     [1Kor:13:10] imma meta jfeġġ dak li hu sħiħ,

     jgħib dak li hu nieqes.

     [1Kor:13:11] Meta kont tarbija, kont nitkellem ta' tarbija,

     nħoss ta' tarbija,  naħseb ta' tarbija.

     Meta sirt raġel warrabt dak li hu ta' tarbija.

     [1Kor:13:12] Bħalissa naraw bħallikieku f'mera, mċajpar,

     imma mbagħad naraw wiċċ imbwiċċ.

     Issa nagħraf biċċa,

     mbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa.

 

[1Kor:13:13] Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.

 

14. Id-doni ta' l-ilsna u l-profezija

 

[1Kor:14:1] Fittxu l-imħabba; ixxennqu wkoll għad-doni ta' l-Ispirtu, l-aktar għad-don tal-profezija. [1Kor:14:2] Għax min jitkellem bl-ilsna ma jkunx jitkellem mal-bnedmin, iżda ma' Alla; lil dan ħadd ma jifhmu, għaliex ikun qiegħed jitkellem bl-Ispirtu fuq misteri. [1Kor:14:3] Imma dak li jipprofetizza jkun jitkellem mal-bnedmin, biex jibni u jħeġġeġ u jqawwi l-qalb. [1Kor:14:4] Min jitkellem bl-ilsna, lilu nnifsu jkun jibni; iżda min jipprofetizza jkun qed jibni l-Knisja. [1Kor:14:5] Lkoll kemm intom nixtieqkom titkellmu bl-ilsna, iżda aktar irridkom tipprofetizzaw; għax min jipprofetizza jiswa aktar minn min jitkellem bl-ilsna, jekk xi ħadd ma jfissirx x'ikun qiegħed jgħid, ħalli tinbena l-Knisja.

 

[1Kor:14:6] Issa, ħuti, kieku jiena kelli niġi fostkom nitkellem bl-ilsna, x'ikun jiswielkom jekk il-kliem li ngħidilkom ma jkunx fih xi rivelazzjoni jew għerf, jew profezija, jew tagħlim? [1Kor:14:7] L-istess bħal fl-istrumenti tad-daqq bla ħajja, flawt jew ċetra; kieku dawn ma jagħtux ilħna li jingħażlu minn xulxin, kif jista' wieħed jagħraf x'inhu jindaqq bil-flawt jew x'inhu jindaqq biċ-ċetra? [1Kor:14:8] U jekk it-trumbetta tagħti leħen li ma tagħrafx x'inhu, min iħejji ruħu għat-taqbida? [1Kor:14:9] Hekk ukoll intom: jekk bi lsienkom ma tlissnux kliem li jinftiehem, kif jista' wieħed jifhem xi tkunu tgħidu? Tkunu qegħdin titkellmu fl-ajru. [1Kor:14:10] Hemm bosta ilħna fid-dinja, u ebda wieħed minnhom ma hu bla sens. [1Kor:14:11] Imma jekk jiena ma nagħrafx is-sens tal-leħen, nkun barrani għal min jitkellem, u min jitkellem ikun barrani għalija. [1Kor:14:12] Hekk ukoll intom, ladarba intom imxennqin għad-doni spiritwali, fittxu li timtlew sewwa bihom, imma dejjem għall-bini tal-Knisja.

 

[1Kor:14:13] Għalhekk, min jitkellem bl-ilsna għandu jitlob id-don tat-tifsir. [1Kor:14:14] Għax jekk jiena nitlob bl-ilsna, l-ispirtu tiegħi jkun jitlob, imma moħħi jibqa' bla frott. [1Kor:14:15] X'nagħmel mela? Nitlob bl-ispirtu; imma nitlob b'moħħi wkoll. Nkanta s-salmi bl-ispirtu; imma nkanta b'moħħi wkoll. [1Kor:14:16] Jekk inti tfaħħar bl-ispirtu, kif jista' wieħed li ma għandux din il-grazzja jgħid "Amen" għal radd il-ħajr tiegħek meta ma jafx x'inti tgħid? [1Kor:14:17] Inti tkun trodd il-ħajr sewwa, imma l-ieħor ma jedifikax ruħu. [1Kor:14:18] Niżżi ħajr lil Alla li jien nitkellem bl-ilsna aktar minnkom ilkoll; [1Kor:14:19] imma fil-ġemgħa tal-Knisja aktar irrid ħames kelmiet b'moħħi li jinftiehmu biex ngħallem lill-oħrajn, milli għaxart elef bl-ilsna.

 

[1Kor:14:20] Ħuti , tkunux bħat-tfal fi ħsiebkom; kunu tfal fil-ħażen, imma nkunu rġiel magħmula fi ħsibijietkom. [1Kor:14:21] Fil-Liġi hemm miktub:

 

     “Permezz ta’ nies b’ilsien barrani,

     u b’xufftejn stranġieri

     nkellem lil dan il-poplu ;

     u b’dan kollu lanqas ma jisimgħuni,”

 

jgħid il-Mulej. [1Kor:14:22] Mela d-don ta' l-ilsna hu sinjal mhux għal min jemmen, iżda għal min ma jemminx; id-don tal-profezija mhux għal min ma jemminx, iżda għal min jemmen. [1Kor:14:23] Jekk, ngħidu aħna, il-Knisja kollha tiltaqa' f'post wieħed u kulħadd jitkellem bl-ilsna, u jidħlu xi katekumeni sempliċi jew nies li ma jemmnux, ma jgħidux li intom barra minn sensikom? [1Kor:14:24] Imma jekk ilkoll tipprofetizzaw u jidħol xi ħadd li ma jemminx jew xi katekumenu sempliċi, dan iħoss ruħu mwiddeb minn kulħadd, u ġġudikat minn kulħadd, [1Kor:14:25] jinkixfulu l-fehmiet moħbija ta' qalbu u b'hekk jixteħet wiċċu fl-art u jadura lil Alla u jistqarr: "Tassew li Alla f'nofskom!"

 

Kollox bl-ordni

 

[1Kor:14:26] Xi ngħidu, mela, ħuti? Meta intom tiltaqgħu, wieħed jista' jkollu xi salm, ieħor xi tagħlima, ieħor xi rivelazzjoni, ieħor xi kelma b'ilsien barrani, ieħor xi tifsira; kollox iservi għall-edifikazzjoni. [1Kor:14:27] Tridu titkellmu bl-ilsna? Ħalli jitkellmu tnejn jew l-aktar tlieta, imma wieħed wara l-ieħor u xi ħaddieħor ifisser xi jkun jingħad. [1Kor:14:28] Jekk ma jkunx hemm min ifisser, fil-ġemgħa ma għandu jitkellem ħadd; ħalli jitkellem għalih innifsu, bejnu u bejn Alla. [1Kor:14:29] Il-profeti jitkellmu, tnejn jew tlieta, u l-oħrajn iqisu dak li jingħad. [1Kor:14:30] Jekk xi ħadd bilqiegħda jkollu xi rivelazzjoni, l-ewwel wieħed għandu jiskot. [1Kor:14:31] Intom lkoll tistgħu tipprofetizzaw, imma wieħed wara l-ieħor, sabiex ilkoll titgħallmu u tagħmlu l-qalb. [1Kor:14:32] L-ispirti tal-profeti għandhom ikunu taħt               il-ħakma tal-profeti, [1Kor:14:33] għax Alla m'hux Alla tad-diżordni iżda tas-sliem.

 

[1Kor:14:34] Bħalma jsir fil-Knisja kollha tal-qaddisin, in-nisa għandhom iżommu s-skiet fil-laqgħa; ma għandhomx permess jitkellmu imma joqogħdu suġġetti, bħalma tgħid ukoll il-Liġi. [1Kor:14:35] Jekk ikunu jridu jitgħallmu xi ħaġa, jistaqsu lil żwieġhom id-dar; ma jixraqx li mara titkellem fil-ġemgħa tal-Knisja.

 

[1Kor:14:36] Jaqaw mingħandkom ħarġet il-kelma ta' Alla? Jew għandkom biss waslet?

 

[1Kor:14:37] Jekk xi ħadd jaħseb li hu profeta jew bniedem b'xi don spiritwali, kunu afu li dan li ktibtilkom hu preċett tal-Mulej. [1Kor:14:38] Jekk ma jagħtix kas ta' dan, tagħtux kasu intom. [1Kor:14:39] Mela, ħuti, fittxu li tipprofetizzaw, iżda żżommux lil min jitkellem bl-ilsna.

 

[1Kor:14:40] Ħa jsir kollox kif imur u bl-ordni.

 

15. Il-qawmien ta' Ġesù Kristu

 

[1Kor:15:1] Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. [1Kor:15:2] Bih intom salvi bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għal xejn. [1Kor:15:3] Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skond                       l-Iskrittura; [1Kor:15:4] difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura. [1Kor:15:5] U deher lil Kefa, u mbagħad lit-Tnax. [1Kor:15:6] Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum; xi wħud minnhom raqdu. [1Kor:15:7] Mbagħad deher lil Ġakbu u lill-appostli kollha. [1Kor:15:8] Fl-aħħar deher lili wkoll wara kulħadd, qisni twelidt mormi qabel il-waqt, [1Kor:15:9] għax jien l-inqas wieħed fost l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta' Alla. [1Kor:15:10] Imma  bil-grazzja ta' Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn, għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta' Alla li hi miegħi. [1Kor:15:11] Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.

 

Il-qawmien tal-mejtin

 

[1Kor:15:12] Jekk Kristu hu mxandar li qam mill-imwiet, kif jgħidu xi wħud minnkom li ma hemmx qawmien tal-mejtin? [1Kor:15:13] Jekk ma hemmx qawmien tal-mejtin, anqas Kristu ma qam mill-imwiet. [1Kor:15:14] Imma jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom. [1Kor:15:15] U aħna noħorġu wkoll ta' xhieda foloz ta' Alla, għaliex inkunu tajna xhieda kontra Alla li huwa qajjem lil Kristu mill-imwiet, filwaqt li ma jkun qajjmu xejn, jekk hu tassew li l-mejtin ma jqumux. [1Kor:15:16] Għax jekk il-mejtin ma jqumux, anqas Kristu ma kien imqajjem. [1Kor:15:17] U jekk Kristu ma kienx imqajjem, fiergħa l-fidi tagħkom, u intom għadkom fi dnubietkom. [1Kor:15:18] U mitlufa wkoll huma dawk li raqdu fi Kristu. [1Kor:15:19] Jekk għandna tama fi Kristu għal din il-ħajja biss, aħna l-aktar nies imsejkna fost kemm huma l-bnedmin.

 

[1Kor:15:20] Imma Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. [1Kor:15:21] Għaliex, jekk permezz ta' bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. [1Kor:15:22] Għax bħalma  l-bnedmin kollha jmutu f'Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. [1Kor:15:23] Imma kulħadd skond kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta' Kristu, f'jum il-miġja tiegħu. [1Kor:15:24] Mbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f'idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. [1Kor:15:25] Għax jeħtieġ li hu jsaltan "sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.” [1Kor:15:26] L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt; [1Kor:15:27] għaliex Alla "qiegħed kollox taħt riġlejh.” Imma meta jgħid: "Tqiegħed kollox taħtu,” jidher ċar li kollox minn barra Dak li qiegħed kollox taħtu. [1Kor:15:28] U meta kollox ikun imqiegħed taħtu, mbagħad l-Iben stess jitqiegħed taħt Alla li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f'kollox.

 

[1Kor:15:29] Inkella x'jagħmlu dawk li huma mgħammdin għall-mejtin, jekk il-mejtin ma jqumu bl-ebda mod? Għaliex jitgħammdu għalihom? [1Kor:15:30] U għaliex aħna ninsabu l-ħin kollu fil-periklu? [1Kor:15:31] Kuljum f'xifer il-mewt, daqs kemm hu tassew, ħuti, li intom il-ftaħir tiegħi fi Kristu Ġesù Sidna. [1Kor:15:32] X'jiswieli li jien tqabadt mal-bhejjem f'Efesu kieku għamiltu għal għajn in-nies? Jekk il-mejtin ma jqumux:

 

     “Nieklu u nixorbu,

     għax għada mmutu!”

 

[1Kor:15:33] La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba. [1Kor:15:34] Erġgħu għal sensikom kif għandu jkun u tidinbux; u, b'għajb għalikom ngħidu, xi wħud minnkom ma jafux b'Alla.

 

Il-ġisem glorjuż

 

[1Kor:15:35] Għandu mnejn xi ħadd jgħid: "Kif iqumu l-mejtin? B'liema ġisem jiġu?" [1Kor:15:36] Iblah! Dak li inti tiżra' ma jkollux ħajja jekk qabel ma jmutx. [1Kor:15:37] U meta tiżra', ma tiżrax dak il-ġisem li għad ikun. Daqsxejn ta' żerriegħa, tista' tkun tal-qamħ jew xi żerriegħa oħra; [1Kor:15:38] Alla mbagħad jagħtiha ġisem kif jogħġbu hu, lil kull żerriegħa l-ġisem li hu tagħha. [1Kor:15:39] Mhux kull laħam hu l-istess laħam, iżda laħam il-bniedem hu xi ħaġa, u laħam il-bhejjem hu oħra; hemm laħam it-tjur, u hemm dak tal-ħut. [1Kor:15:40] Hemm iġsma tas-sema u hemm iġsma ta' l-art; iżda d-dija ta' l-iġsma tas-sema hi ħaġa, u dik ta' l-iġsma ta' l-art hi oħra. [1Kor:15:41] Hemm id-dija tax-xemx, u hemm id-dija tal-qamar, u hemm ukoll id-dija tal-kwiekeb; u kewkba tiddi aktar minn kewkba oħra.

 

[1Kor:15:42] Hekk ukoll hu l-qawmien mill-imwiet; jinżera' ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx; [1Kor:15:43] jinżera' fl-għajb, iqum fil-ġieħ; jinżera' fid-dgħufija, iqum fis-saħħa; [1Kor:15:44] jinżera' ġisem naturali, iqum ġisem spiritwali; jekk hemm ġisem naturali hemm ukoll ġisem spiritwali. [1Kor:15:45] L-Iskrittura tgħid: "L-ewwel bniedem, Adam, sar ruħ ħajja?" l-aħħar wieħed sar spirtu li jagħti l-ħajja. [1Kor:15:46] Mhux  l-ispiritwali ġie l-ewwel, imma l-ewwel in-naturali u mbagħad l-ispiritwali. [1Kor:15:47] L-ewwel bniedem, mit-trab, hu ta' l-art; it-tieni bniedem, mis-sema. [1Kor:15:48] Bħalma hu l-bniedem ta' l-art, hekk ukoll huma l-bnedmin ta' l-art; bħalma hu l-bniedem tas-sema, hekk ukoll huma l-bnedmin tas-sema. [1Kor:15:49] Bħalma aħna mlibbsa x-xbieha tal-bniedem ta' l-art, hekk ukoll għad nilbsu x-xbieha tal-bniedem tas-sema.

 

[1Kor:15:50] Dan ngħidilkom, ħuti; id-demm u l-laħam ma jistgħux jirtu s-saltna ta' Alla; lanqas it-taħsir in-nuqqas tat-taħsir.

 

[1Kor:15:51] Sa nħabbrilkom misteru: aħna mhux ilkoll norqdu r-raqda tal-mewt, iżda lkoll nitbiddlu, [1Kor:15:52] f'waqt wieħed, f'teptipa ta' għajn, ma' l-aħħar tromba. Għax iddoqq it-tromba u l-mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar, u aħna nitbiddlu. [1Kor:15:53] Għax jeħtieġ li dan il-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas ta' taħsir, u li dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalità. [1Kor:15:54] Meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta' taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, mbagħad iseħħ dak li hemm miktub,

 

“Nbelgħet il-mewt fir-rebħa.

[1Kor:15:55] Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek?

Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?”

 

[1Kor:15:56] In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa  tad-dnub hi l-Liġi. [1Kor:15:57] Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta' Sidna Ġesù Kristu. [1Kor:15:58] Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m'hijiex għalxejn.

 

16. Il-ġabra għall-fqar

 

[1Kor:16:1] Dwar il-ġabra għall-qaddisin, agħmlu intom ukoll bħalma ordnajt lill-knejjes tal-Galazja. [1Kor:16:2] Kull wieħed minnkom, kull l-ewwel tal-ġimgħa, iwarrab xi ħaġa u jfaddalha skond ma jista' biex ma jkunx hemm ġbir meta niġi. [1Kor:16:3] Meta niġi, mbagħad, jien nibgħat nies li tkunu għażiltu, b'ittri ta' rakkomandazzjoni, biex jieħdu Ġerusalemm l-offerti tal-ħniena tagħkom. [1Kor:16:4] Jekk nara li jkun jaqbel, immur jien ukoll u neħodhom miegħi.

 

Il-programm ta' l-appostlu

 

[1Kor:16:5] Jien ngħaddi għandkom meta nkun għaddejt mill-Maċedonja, għax jien għandi f'moħħi li ngħaddi mill-Maċedonja. [1Kor:16:6] Għandi mnejn ukoll noqgħod magħkom għal xi żmien; jekk ma jkollix ngħaddi x-xitwa kollha magħkom; mbagħad intom tqabbduni t-triq għal fejn inkun sejjer. [1Kor:16:7] Ma rridx narakom bis-serqa jien u għaddej; nittama li noqgħod magħkom għal xi żmien, jekk il-Mulej iħallini. [1Kor:16:8] Nieqaf Efesu sa Għid il-Ħamsin. [1Kor:16:9] Hemm bieb kbir miftuħ għalija, fejn nista' naħdem sewwa, għad li hemm ħafna kontra tiegħi.

 

[1Kor:16:10] Jekk Timotju jasal sa għandkom, qisu li ma jkollux għalfejn jibża' f'nofskom. Hu qiegħed jagħmel ix-xogħol tal-Mulej bħali; [1Kor:16:11] għalhekk ħadd ma għandu jonqsu. Mbagħad ibagħtuh bis-sliem, ħalli jiġi għandi, għax qiegħed nistenna lilu u l-aħwa miegħu.

 

[1Kor:16:12] Dwar ħuna Apollo, bosta drabi ħeġġiġtu biex jiġi sa għandkom flimkien ma' l-aħwa. Iżda qatt ma ried jiġi għalissa; imma jiġi meta jkun il-waqt li jiġi.

 

L-aħħar tislijiet

 

[1Kor:16:13] Ishru, żommu sħiħ fil-fidi, kunu qalbiena, saħħu ruħkom ilkoll. [1Kor:16:14] Ħa jsir kollox fostkom bl-imħabba.

 

[1Kor:16:15] Jien inħeġġiġkom, ħuti. Intom tafu li l-familja ta' Stefanas huma l-ewwel frott fl-Akaja, u taw ruħhom għas-servizz tal-qaddisin. [1Kor:16:16] Nħeġġiġkom, għalhekk, biex toqogħdu għall-kelma ta' nies bħal dawn u kull min jitħabat u jaħdem magħhom. [1Kor:16:17] Nifraħ biż-żjara ta' Stefanas, Fortunatu u Akajku, għaliex b'hekk għamlu tajjeb għan-nuqqas tagħkom. [1Kor:16:18] Hekk serrħuli moħħi u moħħkom. Nies bħal dawn għożżuhom.

 

[1Kor:16:19] Isellmulkom il-knejjes ta' l-Asja. Isellmulkom ħafna fil-Mulej Akwila u Priska u l-knisja li tiltaqa' f'darhom. [1Kor:16:20] Isellmulkom l-aħwa kollha. Sellmu lil xulxin b'bewsa qaddisa.

 

 

It-tislija ta' l-appostlu

 

[1Kor:16:21] Din hi t-tislija tiegħi b'idi stess, Pawlu . [1Kor:16:22] Ħa jkun misħut jekk xi ħadd ma jħobbx il-Mulej. Marana-ta!

[1Kor:16:23] Il-grazzja ta' Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom. [1Kor:16:24] L-imħabba tiegħi magħkom ilkoll fi Kristu Ġesù.