L-EWWEL ITTRA TA' SAN ĠWANN

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

1. Il-kelma tal-ħajja

[1Ġw:1:1] Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b'għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom. [1Ġw:1:2] Għax il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta' dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. [1Ġw:1:3] Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma' Ibnu Ġesù Kristu. [1Ġw:1:4] U qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

 

Alla hu dawl

 

[1Ġw:1:5] Din hi l-aħbar li smajna mingħandu u li qegħdin inxandrulkom: li Alla hu dawl u ebda dlam ma hemm fih. [1Ġw:1:6] Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu imma nimxu fid-dlam, nkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux il-verità. [1Ġw:1:7] Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissieħbu flimkien, u d-demm ta' Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub. [1Ġw:1:8] Jekk ngħidu li m'għandniex dnub, nkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina. [1Ġw:1:9] Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. [1Ġw:1:10] Jekk ngħidu li ma dnibniex, nkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.

 

2. Kristu d-difensur tagħna

 

[1Ġw:2:1] Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. [1Ġw:2:2] U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha. [1Ġw:2:3] U b'dan nafu li nagħrfu 'l Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. [1Ġw:2:4] Min jgħid "Jiena nafu" u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità m'hijiex fih. [1Ġw:2:5] Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta' Alla fil-milja tagħha. B'dan nagħrfu li aħna fih. [1Ġw:2:6] Min jgħid li qiegħed jgħammar fih, jeħtieġ li hu jgħix kif għex hu stess.

 

Il-kmandament il-ġdid

 

[1Ġw:2:7] Għeżież, m'iniex niktbilkom xi kmandament ġdid, imma kmandament qadim li kellkom sa mill-bidu. Il-kmandament il-qadim hi l-kelma li intom smajtu. [1Ġw:2:8] Madankollu kmandament ġdid qiegħed niktbilkom, għax seħħ tassew fi Kristu u fikom, għax id-dlam għadda u d-dawl tassew ġa qiegħed jiddi. [1Ġw:2:9] Min jgħid li qiegħed fid-dawl, u jobgħod 'il ħuh, għadu fid-dlam sa issa. [1Ġw:2:10] Min iħobb 'il ħuh, jgħammar fid-dawl, u fih ma hemm ebda tfixkil. [1Ġw:2:11] Iżda min jobgħod 'il ħuh, jinsab fid-dlam, jimxi fid-dlam, u ma jafx fejn hu sejjer, għax id-dlam għemielu għajnejh.

 

[1Ġw:2:12] Qiegħed nikteb lilkom, uliedi, għax intom dnubietkom maħfura bis-saħħa ta' ismu.

[1Ġw:2:13] Qiegħed nikteb lilkom, missirijiet, għax intom għaraftu 'l dak li hu sa mill-bidu.

 

Qiegħed nikteb lilkom, żgħażagħ, għax intom għelibtu l-Ħażin. Ktibt lilkom, tfal, għax intom għaraftu lill-Missier.

[1Ġw:2:14] Ktibt lilkom, missirijiet, għax intom għaraftu lil dak li hu sa mill-bidu.

Ktibt lilkom, żgħażagħ, għax intom qawwija u l-kelma ta' Alla qiegħda tgħammar fikom u intom għelibtu l-Ħażin.

 

[1Ġw:2:15] Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih. [1Ġw:2:16] Kull ma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda ta' l-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan m'huwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja. [1Ġw:2:17] U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda ta' Alla jibqa' għal dejjem.

 

L-Antikrist

 

[1Ġw:2:18] Uliedi, waslet l-aħħar siegħa. Smajtu li għandu jiġi l-antikrist. Issa, araw, ħafna antikristi ġa dehru minn issa. U minn dan nagħrfu li waslet l-aħħar siegħa. [1Ġw:2:19] Dawn ħarġu minn fostna imma ma kinux minn tagħna; li kieku kienu minn tagħna kienu jibqgħu magħna. Għalhekk kien jeħtieġ li jkun magħruf li mhux kulħadd kien magħna. [1Ġw:2:20] Intom, iżda, għandkom                 id-dilka mill-Qaddis u dan tafuh ilkoll. [1Ġw:2:21] Ma ktibtilkomx bħallikieku ma tafux il-verità, imma għax tafuha, u tafu wkoll li ebda qerq ma jitnissel  mill-verità. [1Ġw:2:22] Min hu l-giddieb jekk mhux min jiċħad li Ġesù hu l-Messija? Dan hu l-antikrist, li jiċħad lill-Missier u lill-Iben. [1Ġw:2:23] Kull min jiċħad lill-Iben, anqas lill-Missier ma għandu; min jistqarr lill-Iben, għandu lill-Missier ukoll. [1Ġw:2:24] Intom, iżda, jalla jgħammar fikom dak li smajtu sa mill-bidu; għax jekk jgħammar fikom dak li smajtu sa mill-bidu, intom ukoll tgħammru fl-Iben u fil-Missier. [1Ġw:2:25] Din hi l-wegħda li hu nnifsu għamlilna: il-wegħda tal-ħajja ta' dejjem.

 

[1Ġw:2:26] Ktibtilkom dan dwar dawk li jridu jqarrqu bikom. [1Ġw:2:27] Madankollu fikom qiegħda tgħammar id-dilka li rċevejtu mingħandu, u għalhekk intom ma għandkomx bżonn min joqgħod jgħallimkom. Għax id-dilka tiegħu tgħallimkom hi dwar kollox, u t-tagħlim tagħha hu veru, u m'huwiex xi gidba. U ladarba hu hekk, mela ibqgħu dejjem fih kif għallmitkom hi.

 

Ulied Alla

 

[1Ġw:2:28] U issa, uliedi, ibqgħu fih, ħalli nkunu qalbna qawwija meta huwa jidher, u ma nġarrbux il-mistħija li nitwarrbu minnu meta jiġi. [1Ġw:2:29] Jekk tafu li huwa ġust, tafu wkoll li dawk kollha li l-għemil tagħhom huwa ġust huma mnisslin minnu.

 

3. [1Ġw:3:1] Araw b'liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejjħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu. [1Ġw:3:2] Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x'se nkunu 'l quddiem m'huwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. [1Ġw:3:3] Kull min għandu din it-tama fih, jissaffa bħalma safi huwa Kristu.

 

[1Ġw:3:4] Kull min jagħmel id-dnub jikser ukoll il-liġi; għax id-dnub huwa l-ksur tal-liġi. [1Ġw:3:5] U intom tafu li Ġesù deher biex ineħħi d-dnubiet, hu, li ma hemm ebda dnub fih. [1Ġw:3:6] Kull min jgħammar fih ma jidnibx; iżda kull min jidneb, lil Ġesù la rah u lanqas għarfu. [1Ġw:3:7] Uliedi, tħallux min iqarraq bikom. Min jagħmel il-ġustizzja, hu ġust fih innifsu, bħalma Kristu huwa ġust. [1Ġw:3:8] Iżda min jagħmel id-dnub ġej mix-Xitan, għax ix-Xitan dineb sa mill-bidu. Kien għalhekk li deher l-Iben ta' Alla, biex iħott kull ma għamel ix-Xitan. [1Ġw:3:9] Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa ta' Alla tibqa' fih; ma jistax jidneb, għax hu mwieled minn Alla. [1Ġw:3:10] B'dan jidhru min huma wlied Alla u min huma wlied ix-Xitan; għax min ma jagħmilx il-ġustizzja m'huwiex minn Alla, anqas min ma jħobbx lil ħuh.

 

3. Ħobbu lil xulxin

 

[1Ġw:3:11] Għax l-aħbar li smajtu sa mill-bidu hija din: li nħobbu lil xulxin. [1Ġw:3:12] Mhux bħal Kajin, li kien mill-Ħażin u qatel lil ħuh. U għaliex qatlu? Għax għemilu kien ħażin u dak ta' ħuh kien tajjeb.

 

[1Ġw:3:13] Ħuti, tistagħġbux jekk id-dinja tobgħodkom. [1Ġw:3:14] Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt. [1Ġw:3:15] Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-ħajja ta' dejjem. [1Ġw:3:16] B'dan naslu biex nagħrfu x'inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa. [1Ġw:3:17] Mela jekk wieħed għandu biex jgħix  fid-dinja u jara 'l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista' l-imħabba ta' Alla tgħammar fih? [1Ġw:3:18] Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa.

 

Il-fiduċja f'Alla

 

[1Ġw:3:19] Minn dan naslu li nagħrfu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu l-kuxjenza tagħna, [1Ġw:3:20] jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox. [1Ġw:3:21] Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla, [1Ġw:3:22] u kull ma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu. [1Ġw:3:23] Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta' Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu 'l xulxin, kif wissiena hu. [1Ġw:3:24] Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f'Alla u Alla fih. B'hekk nagħrfu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

 

4. L-Ispirtu ta' Alla u l-ispirtu ta' l-antikrist

 

[1Ġw:4:1] Għeżież, mhux lil kull xorta ta' spirti għandkom temmnu. L-ispirti stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla; għax kienu ħafna l-profeti foloz li ħarġu fid-dinja. [1Ġw:4:2] L-ispirtu ta' Alla tagħrfuh b'dan: kull spirtu, li jistqarr li Ġesù Kristu sar bniedem, hu minn Alla. [1Ġw:4:3] U kull spirtu, li ma jistqarrx lil Ġesù, m'huwiex minn Alla ; dan hu l-ispirtu ta' l-antikrist, li intom smajtu li għandu jiġi, anzi minn issa stess ġa qiegħed fid-dinja. [1Ġw:4:4] Intom ġejjin minn Alla, uliedi, u ġa għelibtuhom, għax dak li hemm jgħammar fikom hu akbar minn dak li hemm fid-dinja. [1Ġw:4:5] Dawk huma mid-dinja; għalhekk jitkellmu skond id-dinja, u d-dinja lilhom tagħti widen. [1Ġw:4:6] Aħna, iżda, ġejjin minn Alla; mela min jagħraf 'l Alla jisma' lilna, u min m'huwiex minn Alla ma jagħtiniex widen. Minn dan nagħrfu liema hu l-ispirtu tal-verità u liema hu l-ispirtu tal-gideb.

 

Alla huwa mħabba

 

[1Ġw:4:7] Għeżież, ejjew inħobbu 'l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. [1Ġw:4:8] Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. [1Ġw:4:9] B'dan dehret l-imħabba ta' Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. [1Ġw:4:10] U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna  'l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta' tpattija għal dnubietna. [1Ġw:4:11] Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin. [1Ġw:4:12] Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu 'l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.

 

[1Ġw:4:13] B'hekk nafu li aħna ngħammru fih u Hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu. [1Ġw:4:14] Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu s-Salvatur tad-dinja. [1Ġw:4:15] Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta' Alla, Alla jgħammar fih u hu f'Alla. [1Ġw:4:16] U aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha.

 

Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih.  [1Ġw:4:17] U l-imħabba ssir sħiħa fina, meta aħna nqawwu qalbna għal Jum il-ħaqq, għax saħansitra f'din id-dinja aħna sirna bħalu. [1Ġw:4:18] Fl-imħabba ma hemmx biża'; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża' 'l barra, għax il-biża' għandu x'jaqsam mal-kastig. Min jibża' għadu ma sabx il-milja ta' l-imħabba. [1Ġw:4:19] Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel. [1Ġw:4:20] Jekk xi ħadd jgħid: "Jiena nħobb 'l Alla", u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista' jħobb lil Alla li hu qatt ma rah? [1Ġw:4:21] Dan hu l-kmandament li tana hu: li min iħobb 'l Alla, iħobb ukoll lil ħuh.

 

5. Ir-rebħa tal-fidi

 

[1Ġw:5:1] Kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. [1Ġw:5:2] Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu 'l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. [1Ġw:5:3] Għax din hi l-imħabba ta' Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu m'humiex tqal; [1Ġw:5:4] għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna. [1Ġw:5:5] Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta' Alla?

 

Ix-xhieda dwar l-Iben

 

[1Ġw:5:6] Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu verità. [1Ġw:5:7] Tlieta huma dawk li jixhdu: [1Ġw:5:8] l-Ispirtu, l-ilma u d-demm, u t-tlieta jaqblu fix-xhieda tagħhom. [1Ġw:5:9] Jekk aħna nilqgħu x-xhieda tal-bnedmin, ix-xhieda ta' Alla hija aqwa; din hija xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu. [1Ġw:5:10] U min jemmen lill-Iben ta' Alla għandu din ix-xhieda fih innifsu, iżda min ma jemminx lil Alla jkun igiddeb lil Alla, għax ma jkunx jilqa' x-xhieda li Alla jagħti dwar Ibnu. [1Ġw:5:11] U x-xhieda hija din: li Alla tana l-ħajja ta' dejjem, u din il-ħajja tinsab f'Ibnu. [1Ġw:5:12] Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; min ma għandux l-Iben ta' Alla ma għandux il-ħajja.

 

L-għarfien tal-ħajja ta' dejjem

 

[1Ġw:5:13] Dan ktibtu lilkom, li temmnu fl-isem ta' l-Iben ta' Alla biex tkunu tafu li intom għandkom il-ħajja ta' dejjem. [1Ġw:5:14] Din hi l-fiduċja sħiħa li għandna fih, li jekk nitolbu xi ħaġa skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna. [1Ġw:5:15] U ladarba nafu li hu jismagħna f'dak li nitolbu, mela nafu wkoll li kull ma tlabnieh jinsab diġà għandna.

 

[1Ġw:5:16] Jekk wieħed jara lil ħuh jaqa' f'xi dnub li ma jwassalx għall-mewt, wieħed għandu jitlob u Alla jagħtih il-ħajja. Dan qiegħed ngħidu għal min jagħmel dnub li ma jwassalx għall-mewt. Għax hemm dnubiet li jwasslu għall-mewt, imma jien m'hux għal dawn qiegħed ngħid li wieħed għandu jitlob. [1Ġw:5:17] Kull inġustizzja hija dnub, imma mhux kull dnub iwassal għall-mewt.

 

[1Ġw:5:18] Aħna nafu li kull min hu mwieled minn Alla ma jidnibx, imma l-Imnissel minn Alla jħarsu mid-dnub, u  l-Ħażin ma jmissux b'idejh. [1Ġw:5:19] Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin. [1Ġw:5:20] Imma nafu wkoll li l-Iben ta' Alla ġie u tana d-dehen biex nagħrfu 'l Alla l-veru. U aħna ninsabu f'Alla l-veru, f'Ibnu Ġesù Kristu. Dan hu Alla l-veru, u l-ħajja ta' dejjem.

 [1Ġw:5:21] Uliedi, ħarsu rwieħkom mill-idoli.